Kevin Muscat iħalli lil Melbourne Victory wara 14-il sena

  • Mej 21, 2019 10:53
  • Miktub minn iNews
"

    Ftit huma dawk il-players li ddominaw il-club tagħhom bħal m’għamel il-Malti/Awstraljan, Kevin Muscat  ma’ Melbourne Victory f’dawn l-aħħar 14-il sena. Iżda l-ġganti tal-A-League dalwaqt se jif­faċċjaw il-prospett tal-ħajja mingħajr id-dittatur tagħhom.

    Muscat, li rebaħ żewġ titli bħala captain fis-snin tal-bidu tal-club u   tnejn oħra bħala l-coach tagħhom fl-2014-15 u s-sena l-oħra, se jkun fil-kariga tat-team għall-aħħar darba kontra l-club Ġappuniż, Sanfrecce Hiroshima, f’logħba mill-Asian Champions Lea­gue għada l-Erbgħa.

    Bil-Victory diġá eliminati l-logħba ma dehritx li se tkun it-tislima li tixraq lil persuna li ddomina club Awstraljan bħal ftit oħra mindu l-A-League tela’ mill-irmied tan-National Soccer League fl-2005.

    Iżda l-logħba f’darhom fil-Melbourne Rectangular Stadium se toffri lil Muscat ftit tama ta’ addio iktar aħjar mit-telfa umiljanti ta’ 6-1 għand iċ-champions il-ġodda Sydney FC fis-semi-finali tal-play-off tal-A-League ġimgħa ilu, li hija l-ikbar telfa fl-istorja tal-club.

    “Għalkemm kif tistgħu taraw ċar, dan huwa żmien emozzjonali, nixtieq inħares lejh bħala żmien ta’ ċelebrazzjoni,” qal Muscat, waqt li jip­prova jżomm id-dmugħ nieżel minn għajnejh meta kien qed jindirizza lill-media lokali f’Melbourne l-bieraħ wara li ħabbar it-tluq tiegħu mill-club.

    “Niċċelebraw dak li bnejna flim­kien, niċċelebraw dak li ksibna flim­kien, niċċelebraw 14-il sena flimkien, u anke s-suċċess li għamilna flimkien.”

    Bħal fil-karriera tiegħu jilgħab fil-football Ingliż, fejn darba kien imlaqqam “l-iktar bniedem mibgħud fil-football”, xi ftit fil-football Awstraljan jistgħu jkunu kuntenti li jaraw lil Muscat jitlaq.

    Dawn jistgħu jinkludu lill-ex coach tal-Victory illum ma’ Newcastle Jets, Ernie Merrick.

    Il-koppja kienu ħbieb ħafna fis-snin tas-suċċess fil-bidu tal-club iżda r-relazzjoni tagħhom marret lura meta kienu jissieltu kontra xulxin bħala coaches rivali tant li f’Novembru li għadda ma ħadux b’idejn xulxin wara logħba tal-kampjonat.

    Ieħor jista’ jkun l-ex player ta’ Melbourne Heart, Adrian Zahra, li ġie mwaqqa’ f’daħla tipika brutali minn Muscat fl-2011. Fl-2014 Zahra lagħab 4 logħbiet u skorja 2 goals ma’ Valletta.

    Id-daħla diżgustanti fl-ewwel logħ­ba ta’ Muscat lura minn sospensjoni talli ta daqqa ta’ minkeb f’wiċċ player, swietu karta ħamra u sospensjoni ta’ tmien logħbiet li temmitlu l-karriera bħala player.

    Iżda ftit mill-partitarji tal-Victory jistgħu jargumentaw fuq ir-riżultati għalkemm hekk kif Muscat iggwida lit-team għat-tielet titlu fit-tieni sena tiegħu bħala coach fl-2014-15 u r-raba’ kampjonat – li kien rekord sakemm il-Ħadd li għadda ġew milħuqa minn Sydney FC – fl-2017-18.

    Iżda minkejja d-dominanza domestika tal-Victory, Muscat qatt ma kien kapaċi jwassalhom għas-suċċess fl-Asja tant li f’dan l-istaġun huma sfaw eliminati kmieni minkejja li kisbu lil Ġappuniż, Keisuke Honda, bi spejjeż kbar.

    Muscat għamel apoloġija lill-partitarji u ħa r-responsabbiltá kollha għat-telfa umiljanti ta’ 6-1 f’Sydney, riżultat li xi opinjonisti rawh bħala prova li l-coach tilef il-players tiegħu wara sitt snin fil-kariga.

    Il-club qal li l-firda kienet “kollaborazzjoni għaddejja u deċiżjoni kombinata”.

    Muscat, li lagħab 46 darba għall-Awstralja u qed jiġi msemmi bħala coach tal-futur tas-Socceroos, qal li kien wasal iż-żmien biex “jiġġedded” u meta jkun lest ifittex opportunitá oħra.

    Fil-bida tal-karriera ta’ 23 sena Muscat lagħab ma’ Sunshine George Cross, Heidelberg United u South Melbourne. Imbagħad mar l-Ingilterra fejn beda ma’ Crystal Palace (52 logħba, 2 goals) u wara kompla ma’ Wolves (180 – 14), ma’ Rangers fl-Iskozja (22 – 0) u ma’ Millwall (53 – 0).

    L-aħħar żewġ timijiet li lagħab magħ­hom kienu Melbourne Victory (138 – 34) u Sunshine GC (3 – 1).

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0