FILMAT: ''L-Unjoni Ewropea hi tajba għalina''

  • Mej 21, 2019 08:17
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Din is-sena Malta tagħlaq 15-il sena membru tal-Unjoni Ewropea. Inewsmalta marret ħdejn il-Junior College fl-Imsida biex jieħu l-opinjoni taż-żgħażagħ dwar x’jaħsbu dwar dan il-blokk ta’ pajjiżi magħquda f’koperazzjoni bejniethom u jekk fl-opinjoni tagħhom Malta bbenefikatx fis-sħubija tagħha. L-istudenti kollha li tkellmu magħna qalu li jaqblu mal-pass li bih isseħibna fl-UE għax dan kien wieħed pożittiv u ta’ gwadann għalina, anke għalihom bħala studenti. 

    Għalkemm uħud miż-żagħżagħ esprimew tħassib dwar il-possibbiltà ta’ telfa fl-identità Maltija minħabba ż-żieda fl-immigranti f’pajjiżna, m’hemmx sentiment ta’ inċertezzi jew biża’ mqanqla mid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea. Ħafna studenti jaraw opportunitajiet ta’ studji u xogħol barra xtutna għalihom u jikkonsidraw l-iżviluppi li jsiru  b’fondi mill-Unjoni Ewropea bħala assi pożittivi li s-sħubija tagħna ggwadanjat għall-futur ekonomiku ta’ pajjiżna.

    Il-mistoqsijiet li għamilna lill-istudenti tal-Junior College huma:

    1. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea?

    2. Liema taħseb huma l-miżuri pożittivi li għamel gwadann bihom pajjiżna bid-dħul f’dan il-blokk?

    3. Hemm affarijiet li jdejquk jew ibeżżgħuk minħabba li Malta ssieħbet fl-UE?

    Kylie Cachia, 17-il sena, tistudja l-Accounts u Marketing f’livell avvanzat

    1. L-opinjoni tiegħi hi li l-Unjoni Ewropea hi ħaġa tajba ħafna għax tgħaqqad numru ta’ pajjiżi flimkien u tipprova tgħin lill-pajjiżi biex ikunu ndaqs, kif ukoll tipprova tevita li jkun hemm ġlied li jista’ jinqala’.

    2. Ma nafx.

    3. Le li jbeżżgħuni le għax inħossni kunfidenti ħafna fl-Unjoni Ewropea.

    Andrea Mizzi, 17-il sena, qed jistudja għal avukat 

    1. L-Unjoni Ewropea żgur li qiegħda sservi ta’ ġid għall-pajjiż tagħna u żgur li qiegħda tgħin lill-pajjiż jimxi aktar ‘l quddiem.

    2. Bħala miżuri favur l-UE affettwat ir-rati ta’ pagi u l-impjiegi. Anke fejn jidħlu l-benefiċċji għaċ-ċittadini u proġetti.

    3. Le.

    Luigi Galea Musù, 16-il sena 

    1. Li pajjiż ikun fl-Unjoni Ewropea għalija huwa ta’ benefiċċju kbir għax mhux biss jgħinuk fil-fondi imma anke bħala għaqda. Sabiħ li tkun f’għaqda ma’ pajjiżi oħra.

    2. Fost il-miżuri li tejbu l-affarijiet f’pajjiżna hemm il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fejn dawn ma baqgħux isiru mill-Gvern Malti imma minn għaqda hekk. Dan iwassal biex pajjiż ikun jista’ jagħmel aktar proġetti u dawn mhux qegħdin joħorġu mill-fondi tal-pajjiż.

    3. M’hemm xejn li jinkwetani jew li jdejjaqni bl-isħubija tagħna fl-Ewropa.

    Jasmine Mifsud, 17-il sena, qiegħda tistudja għal Performer Theatre 

    1. Għalija l-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa ta’ vantaġġ għal ċerti pajjiżi. Ovvjament dan fejn jidħol l-aktar il-kummerċ imma anke għax ikun hemm aktar diversità u fl-istess ħin għaqda bejn iċ-ċittadini fl-Ewropa. Barra minnhekk, f’postijiet fejn hemm problemi ta’ flus b’din l-għaqda nkunu nistgħu ngħinu aktar lil xulxin. 

    2. Minn meta ngħaqadna mal-UE, Malta gawdiet fil-kummerċ fejn ġibna aktar prodotti minn barra u fil-marketing b’mod ġenerali saret aħjar. Irnexxielna ntellgħu aktar prodotti wkoll għax finanzjarjament irnexxielna nġibu aktar. Miżuri oħra pożittivi wasslu biex ikollna aktar xogħlijiet f’Malta.

    3. Jiena bħala persuna ma jdejqunix l-immigranti però sa ċertu punt nibża’ li ċerti postijiet jitilfu l-identità tagħhom. Dan għax ikun hemm aktar barranin milli nies lokali. M’għandi xejn kontrihom però jrid ikollna bilanċ. Nibża’ anke li hemm affarijiet bħal drogi li jispiċċaw hawn Malta u jagħmlu ħażin għalina lkoll.

    Margerita Polidano, 16-il sena, qed tistudja għal infermiera jew majjistra

    1. Jiena naħseb li dħalna fl-Unjoni Ewropea kienet xi ħaġa pożittiva ħafna anke minħabba għalina l-istudenti għax infetħulna ħafna opportunitajiet ta’ xogħol u nistgħu mmorru nistudjaw anke barra minn Malta. Qabel l-opportunitajiet kienu verament limitati u issa ġew ftit aħjar imma nħoss li xorta baqgħalna ħafna.

    2. Jogħġobni l-fatt li għalina l-istudenti l-opportunitajiet żdiedu ħafna fl-Unjoni Ewropea fosthom il-boroż ta’ studji fejn il-prezzijiet qegħdin jonqsu mhux ħażin. 

    3. Iva ninkwieta mhux ħażin. Minħabba l-Brexit, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE jintilfu l-opportunitajiet ta’ studji għall-istudenti kemm f’Malta kif ukoll għall-Ingliżi li jiġu hawn. Barra minnhekk ninkwieta għax bħalissa hawn ħafna immigranti f’Malta u se nimtlew ħafna għalhekk ma jibqax biżżejjed opportunitajiet għalina u jaf li forsi ma nsibux postijiet fejn noqogħdu u ngħixu fihom. 

    Kleaven Pisani, 16-il sena, qed jistudja il-kriminoloġija 

    1. L-UE hija għaqda pożittiva li tgħin lil ħafna pajjiżi. Fl-opinjoni tiegħi tagħmel ħafna sens li jkun hemm tqassim ta’ finanzi fost l-oħrajn u li l-pajjiżi jingħataw il-fondi mill-Unjoni biex ikunu jistgħu jsiru proġetti. 

    2. Biex inkun onest minix ħafna intensiv imma jagħmel sens il-kunċett tal-għajnuna fi flus għall-proġetti li nkunu se nagħmlu biex ikun hawn avvanz fil-pajjiż.

    3. Imsomma jkun hemm imma m’għandix għarfien partikolari tagħhom.

    Taha Wershiffana, 18-il sena, qed jistudja għal accountant jew graphic designer

    1. Jien naħseb li Malta bbenefikat ħafna bl-Unjoni Ewropea. Bħala għaqda, avolja qegħdin ħafna pajjiżi, inħoss li qishom verament pajjiż wieħed. Jekk pajjiż ikollu xi bżonn, dan jista’ jingħata l-għajnuna mill-UE.

    2. Qiegħed nara ħafna titjieb fit-toroq u anke fil-pagi. Issa għall-istudenti għandna l-programm “Ħolqa” - fejn studenti barranin jiġu Malta u aħna mmorru f’pajjiżhom (student exchange) - u dan biex nitgħallmu t-tradizzjonijiet ta’ xulxin. 

    3. Le, żvantaġġi ma tantx nara fl-Unjoni Ewropea. Li hemm forsi li Malta titlef ftit il-kultura tagħha.

    Maria Aquilina, 19-il sena

    1. Fl-opinjoni tiegħi l-Unjoni Ewropea hija ħaġa importanti għal Malta speċjalment anke mil-lat ekonomiku għax tgħinna ħafna. Anke għall-fatt li jiena bħala studenta nista’ nsiefer fejn irrid biex inkompli l-istudji tiegħi nara tajba.

    2. Tajjeb li għandna l-possibbiltà tas-safar u anke li jingħataw il-fondi għall-organizzazzjonijiet.

    3. M’hemmx affarijiet li jdejquni jew jinkwetawni għax Malta aktar tibbenifika milli titlef mis-sħubija tagħha.

    Filmat: Alan Saliba

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0