Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Niki Lauda

  • Mej 21, 2019 00:00
  • Miktub minn iNews
"

    Matul il-lejl li għadda tħabbret il-mewt tal-leġġendarju tal-Formula Wieħed, Niki Lauda, fl-etá ta’ 70 sena.

    Is-sewwieq Awstrijak, li  rebaħ il-kampjonat tliet darbiet – darbtejn mal-Ferrari (1975, 1977) u darba mal-McLaren (1984), miet tmien xhur wara li sarlu trapjant fil-pulmun.

    Huwa kien kunsidrawt bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa tal-Formula Wieħed fejn fl-1976 kien involut f’aċċident ikrah, fil-Grand Prix tal-Ġermanja, meta sofra ħruq f’parti kbira minn ġismu. Iżda huwa rritorna fl-azzjoni wara biss sitt ġimgħat.

    Niki Lauda twieled fit-22 ta’ Frara, 1949, fi Vjenna. Huwa kien meqjus li kien se jimxi fuq il-passi ta’ missieru fl-industrija tal-manifattura tal-karta, iżda minflok huwa mexa wara l-ħolma tiegħu li jsir sewwieq tal-Formula Wieħed. Iżda ma kinitx faċli. Dan minħabba li kellu jiffinanzja l-karriera tiegħu u għaldaqstant kellu jmur jissellef minħabba li missieru ma riedux isegwi din il-karriera tiegħu iżda riedu jkompli bin-negozju tal-familja tiegħu.

    Wara li ġie promoss mill-Formula 3 u mill-Formula 2, huwa għamel id-debutt fil-Formula Wieħed, f’Marzu 1971, fil-Grand Prix tal-Awstrija. Huwa kiseb l-ewwel punti tiegħu sentejn wara, jiġifieri, fl-1973, meta spiċċa fil-ħames post mal-BRM fil-Grand Prix tal-Belġju.

    Fl-1974, Lauda ngħaqad mal-Ferrari, fejn rebaħ l-ewwel tiġrija tiegħu fil-Grand Prix ta’ Spanja u fl-istaġun sussegwenti u rebaħ l-ewwel titlu fejn irreġistra ħames rebħiet.

    Fl-1975, huwa deher li kien se jiddefendi t-titlu b’suċċess minkejja l-isfida tal-Britanniku James Hunt (McLaren) iżda huwa kien involut f’dak l-inċident ikrah fil-Grand Prix ta’ Nuerburgring meta l-karozza tiegħu ttrasformat f’ballun tan-nar. Bosta kienu dawk is-sewwieqa li waqfu biex jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

    Kien inċident ikrah fejn parti kbira ta’ ġismu sofra ħruq, speċjalment f’rasu u f’wiċċu. Għaldqstant għal kumplament ta’ ħajtu kien jilbes “baseball cap” minħabba l-ġrieħi u l-ħruq li kien ġarrab liema beritta baqgħet il-marka tiegħu.

    Dwar dan l-inċident, Lauda kien qal: “L-akbar ħsara li saritli kienet fil-pulmun meta blajt ħafna dħaħen mill-fjammi kbar li ħakmu l-karozza waqt li kont bilqegħda u ma stajtx niċċaqlaq għal madwar 50 sekonda. Is-sħana f’dawk il-fjammi telgħet għal 800 grad.

    “Kont f’koma għal diversi jiem. Iżda b’mod gradwali bdejt nirkupra b’kura intensiva speċjalment fuq il-ġilda tiegħi. Minkejja dan l-inċident u l-ħruq li sofrejt, gismi rrisponda tajjeb biex “fiqt” f’qasir żmien u rritornajt fiċ-ċirkwit. Irrid nistqarr li ma kinetx faċli biex erġajt bdejt intellaq. Fil-veritá bżajt. Kont mentalment imkisser. Iżda kont konxju wkoll li ridt negħleb l-ostakli personali biex stajt nikkonċentra u nerġa’ nsuq b’dik il-veloċitá.

    “Waqt li kont qed nagħmel it-taħriġ biex nirritorna fuq iċ-ċirkwit, inħkimt minn biżgħa kbira. Kont qed nirrifletti li nieqaf għal kollox. Iżda b’mod gradwali bdejt nikseb lura l-kunfidenza personali għalkemm dan l-inċident dejjem baqa’ miegħi kull darba li kont nidħol fil-karozza biex intellaq.”

    Huwa għamel ir-ritorn tiegħu wara sitt ġimgħat fejn kien spiċċa fir-raba’ post fil-Grand Prix ta’ Monza.  

    Fl-1977, huwa rebaħ it-tieni kampjonat tiegħu qabel ma ngħaqad mat-team tal-Brabham biex sentejn wara rtira biex jikkonċentra fuq in-negozju personali ... il-linja tal-ajru tiegħu bl-isem ta’ “Lauda Air” fejn iddeċieda li ma riedx isuq aktar.

    Iżda fl-1982 huwa rritorna fuq iċ-ċirkwit meta ġie offrut salarju ta’ $3 miljuni fis-sena mill-McLaren. Fl-ewwel sena tiegħu huwa spiċċa fil-ħames post u fis-sena sussegwenti temm fl-10 post. Iżda fl-1984, huwa għeleb l-isfida tal-kollega tiegħu, il-Franċiż Alain Prost, biex rebaħ it-tielet titlu personali.

    Fl-1985 huwa rtira għal kollox fejn sostna li ried jiddedika aktar il-ħin għal-linja tal-ajru tiegħu li kienet topera wkoll b’titjiriet bejn l-Asia u l-Awstralja.

    F’Mejju 1991, wieħed mill-ajruplani, Lauda Air Boeing 767, kien iġġarraf fit-Tajlandja wara li waħda mill-magni ġarrbet ħsarat waqt it-tluq bil-konsegwenza li mietu l-213-il passiġġier kif ukoll l-10 membri tal-ewkipaġġ.

    Fl-1997, l-Austrian Airlines, kienu xtraw xi ishma b’Niki Lauda jinħatar iċ-chairmant tal-bord. Iżda tliet snin wara huwa rriżenja wara li l-kumpanija għamlet telf kbir biex Austrian Airlines ħadu l-kontroll assolut.

    Iżda huwa ma qatax qalbu minħabba li, fl-2003, huwa waqqaf linja tal-ajru ġdida bl-isem ta’ “Niki Airline” fejn “Air Berlin” kienu xtraw xi ishma qabel ma ħadu l-kontroll assolut ta’ din il-linja tal-ajru ... sakemm xtara l-ishma kollha fl-2018 biex eventwalment ingħaqad ma’ Ryanair u s-suċċessur ta’ “Niki Airline”, “LaudaMotion”.

    Fl-2013, huwa rritorna fil-Formula Wieħed bħala l-konsulent tas-sewwieq Britanniku, Lewis Hamilton. Huwa serva wkoll bħala medjatur fit-tilwima bejn Hamilton u l-Ġermaniż Nico Rosberg, meta kienu qed jissieltu bejniethom għar-rebħ tat-titlu bejn l-2014 u l-2016.

    Fl-1993, huwa serva wkoll fil-kariga ta’ konsulent mal-Ferrrari u fl-2001 inħatar kap tat-team tal-Jaguar għal sentejn.

    Fir-rigward ta’ saħħa, Lauda sarulu żewġ trapjanti tal-kliewi fejn fl-1997 huwa rċieva organu minn ħuh u fl-2005 huwa rċieva t-tieni organu mis-sieħba tiegħu stess.

    F’Awwissu li għadda, sarlu trapjant tal-pulmun fl-isptar ġenerali ta’ Vjenna fejn ġie dikjarat li kien “marid” iżda ma ngħataw l-ebda dettalji.

    Saħħtu baqgħet sejra lura sakemm proprju tħabbret il-mewt tiegħu proprju fis-sigħat li għaddew. Huwa ħalla warajh lill-mara tiegħu Brigit u ż-żewġ uliedu Max u Mia. Ta’ min jgħid ukoll li għandu żewġ ulied mill-ewwel żwieġ tiegħu, Lukas u Mathias.

    Bosta kienu dawk il-messaġġi ta’ dispjaċir u kondoljanzi għall-mewt ta’ Niki Lauda.

    Il-messaġġ tal-McLaren kien jgħid: “It-team tal-McLaren jinsab f’luttu wara l-mewt tal-ħabib u kollega tagħna u champion tad-dinja fl-1984, Niki Lauda. Niki m’hu se jintesa qatt u se jibqa’ mniżżel fl-istorja tagħna b’ittri tad-deheb.”

    Dak tal-Ferrari kien jgħid: “Ninsabu ‘f’luttu kbir. Darbtejn champion tad-dinja, fl-1975 u fl-1977. Minkejja li ħalliena, il-memorja m’hi se tmut qatt. Niki se jibqa’ leġġenda fl-istorja tal-Ferrari.  Strieħ fis-sliem.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0