Inawgurata l-ewwel fażi tal-proġett tal-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fl-MCAST b’investiment ta’ €6 miljun

  • Mej 20, 2019 20:40
  • Miktub minn iNews
"

    Fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-ewwel fażi tal-proġett tal-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fil-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Arti (MCAST), il-Prim Ministru Joseph Muscat nieda uffiċjalment ukoll l-istrateġija tal-MCAST għas-snin 2019-2021.

    Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-bini li qed jinfetaħ illum jagħmel parti mill-villaġġ dedikat għall-inġinerija fl-MCAST b’investiment ta’ €6 miljun, proġett li parzjalment iffinanżjat mill-Unjoni Ewropea fejn l-istudju u t-taħriġ tal-inġinerija u tat-transport f’pajjiżna se jkollhom ċentru tal-ogħla kwalità.

    Il-Prim Ministru sostna li peress li hu l-aktar bini ġdid fuq il-kampus, se jkollu rwol kruċjali biex joffri lil madwar 1,300 student tal-inġinerija faċilità moderna, flessibbli u li tħares ’il quddiem, li fiha jistgħu jsegwu b’suċċess l-istudji tagħhom fil-livelli varji u dixxiplini relatati offruti mill-MCAST.

    Dan il-gvern qed ikompli juri bil-fatti li qed jieħu bis-serjetà l-iżvilupp tal-edukazzjoni vokazzjonali billi qed jinvesti bis-sħiħ fit-tkabbir u fil-kwalità tal-infrastruttura tagħha. Kburi li bħala gvern qed ninvestu tant f’dan il-kulleġġ, tenna l-Prim Ministru.

    Semma wkoll il-każ tal-warrants tal-inġiniera fejn illum il-ġurnata dawk kollha li jattendu dan il-kors fl-MCAST se jwasslu għal warrant. Dawn id-49 student issa huma in line mar-rekwiżiti li bihom jingħata l-warrant. “Iżda mhux biss, ħsibna wkoll f’dawk li għamlu l-kors fil-passat mal-MCAST u f’dawn l-aħħar snin ma ngħatawx warrant. Ġie maħluq kors biex dik il-gap bejn x’għandhom u r-rekwiżiti għal warrant tingħalaq. Jien infurmat li dan hu madwar 30 credits. Dan il-kors, li l-MCAST hi viċin li tiffinalizza u tibda, se jfisser li dawn iż-żgħażagħ issa se jingħataw iċ-ċans jieħdu l-warrant u jkomplu l-karriera tagħhom”. 

    Il-messaġġ aħħari f’dan ir-rigward mill-Prim Ministru hu li hawn bżonn kbir ta’ inġiniera u l-istudenti li qed joħorġu mill-MCAST u mill-Università mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda.

    Il-Prim Ministru tenna li l-iżvilupp li sar fl-MCAST fl-aħħar snin hu xhieda ta’ kemm il-kulleġġ vokazzjonali Malti hu qrib l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Hu ta’ sodisfazzjon li mijiet ta’ studenti li joħorġu mill-MCAST isibu xogħol b’kundizzjonijiet tajbin.

    Min iħaddem għandu dejjem kliem ta’ tifħir għall-istudenti tal-MCAST għax qed iduqu l-esperjenza u r-realtà tal-post tax-xogħol fil-forma ta’ apprendistat, li din is-sena fl-MCAST kien offrut lil kważi elf student, saħaq il-Prim Ministru.

    L-MCAST illum hi realtà istituzzjonali ta’ suċċess u ta’ kwalità. Il-Prim Ministru rringrazzja lil kull min kien jew hu involut llum biex din ir-realtà tkompli ssaħħaħ l-ekonomija iżda fuq kollox lis-soċjetà Maltija, tagħmilna iktar kompetittivi u tagħti dinjità lil kull ħaddiem Malti għax-xogħol tiegħu jew tagħha. 

    Il-Prim Ministru kkonkluda li l-Gvern Malti se jibqa’ impenjat favur l-iżvilupp tal-MCAST billi jsaħħaħ il-qafas legali ta’ din l-istituzzjoni u jtejjeb ir-riżorsi finanzjarji tagħha biex b’hekk il-kulleġġ vokazzjonali jsir l-għażla naturali ta’ ħafna mill-istudenti u mill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo saħaq li dan hu mument importanti ħafna li hu parti mill-mixja edukattiva tagħna għal pajjiżna. Din l-inawgurazzjoni ma tfissirx biss bħala binja imma l-istrateġija tal-MCAST tikkumplimenta b’mod ħolistiku u hi parti min-nisġa għall-futur ta’ pajjiżna li jiddependi minn ħiliet u minn kapaċità biex niżviluppaw il-kompetenzi u l-valuri fis-snin li ġejjin fin-nies tagħna. F’dan l-aspett l-MCAST għandha rwol importanti, sostna l-Ministru Bartolo.

    Il-Ministru spjega li fis-settur edukattiv qed isiru bidliet kbar bħad-dħul tal-proġett tal-My Journey li se jidħol fis-seħħ fis-sena skolastika li jmiss fil-livell tas-sekondarja u li dan jista’ jsir għax wara l-pass tas-sekondarja nafu li hemm l-MCAST. Qal “li kieku m’hemmx l-MCAST li toffri korsijiet fil-livelli varji kieku l-bidla tal-My Journey ma kinitx iseħħ.” Emfasizza li l-edukazzjoni mhixone-size-fits-all u għaldaqstant qed nersqu lejn edukazzjoni b’modi differenti għax il-kompetenzi huma differenti. Ir-rotot li wieħed jaqbad huma differenti imma m’hemmx waħda inferjuri għall-oħra. “Ma teżistix edukazzjoni vokazzjonali u edukazzjoni akkademika, teżisti edukazzjoni fqira jew edukazzjoni tajba u aħna rridu nagħtu edukazzjoni tajba lit-tfal kollha tagħna. Aktar ma nħarsu ’l quddiem hi aktar ċara li l-ħtieġa ta’ ħiliet għas-snin li ġejjin se jkomplu jinbidlu minn kif inhuma bħalissa.”

    Skont studju ppubblikat minn Cedefop jirriżulta li sal-2030 Malta se jkollha bżonn xi 20% biss tal-impjiegi b’ħiliet bażiċi fejn se jkun hawn bżonn ħiliet ta’ livell medji u iżjed fil-livelli avvanzati ta’ livelli 6, 7, u 8 u hemmhekk l-istrateġija tal-MCAST hi importanti, irrimarka l-Ministru Bartolo. 

    Spjega li “jekk wieħed jara l-indiċi ta’ ħiliet Ewropej li ħareġ ukoll Cedefop, ipoġġi lil Malta qabel pajjiżi bħar-Renju Unit, il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda u l-Italja jiġifieri fil-European Skills Index, Malta hi f’posizzjoni avvanzata iżjed minn dawn il-pajjiżi. Dan huwa riżultat ta’ rabta bejn l-edukazzjoni u x-xogħol fejn għandna madwar 97% mill-istudenti li jigradwaw mill-MCAST li huwa fost l-għola. Imma xorta m’aħniex sodisfatti għax għad għandna workforce bejn l-eta’ ta’ ħmistax u erbgħa u ħamsin sena li għandha bżonn aktar taħriġ u tavvanza fil-livelli tagħha.” Dan se nkunu qed nindirizzaw permezz tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet u l-istrateġiji fi ħdan l-edukazzjoni, qal il-Ministru Bartolo.

    Il-Ministru Bartolo wassal il-messaġġ li “fl-MCAST għandna kważi 700 student ġejjjn minn 70 pajjiż differenti b’kulturi differenti u rridu nitgħallmu ngħixu flimkien f’rispett lejn xulxin. Tajjeb li l-inklużjoni hi parti sħiħa mill-viżjoni tal-MCAST u rridu naħdmu biex ninbidlu u nneħħu l-preġudizzji u l-biża’ li min hu differenti minna hu ta’ theddida għalina.”  

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li fl-MCAST għaddej xogħol estensiv ta’ infrastruttura tal-aqwa livell u investiment qawwi fil-ħiliet ta’ din il-ġenerazzjoni permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

    “L-investiment fl-MCAST qed isir għal żewġ raġunijiet; fl-ewwel lok għax nemmnu li t-taħriġ vokazzjonali hi ċ-ċavetta biex insolvu għal sfidi li għandna fl-edukazzjoni, bħall-early school leavers, u fit-tieni lok għall-fatt li hu parti integrali mill-viżjoni ħolistika li għandna għall-pajjiż għall-ġejjieni. B’dan l-investiment qed nagħtu l-aqwa infrastruttura għall-istudenti kif ukoll fil-ħiliet sabiex inkunu preparati għall-industriji ta’ għada u b’hekk naħdmu biex Malta tkun fost l-iktar pajjiżifuture-proof,” qal Aaron Farrugia.

    Il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja qal li l-bini tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport sewa ’l fuq minn €6 miljun fejn se nagħtu dinjità ġdida kemm lill-istudent kif ukoll lill-għalliem fit-tagħlim fl-inġinerija u fit-trasport. L-istudenti tal-MCAST se jitgħallmu f’ambjent li jħaddan l-apparat l-aktar avvanzat f’dawn is-setturi. L-iskop tagħna hu li nattiraw aktar żgħażagħ għal dan is-settur tant importanti, li kulma jmur qed jikber fil-bżonn ta’ aktar inġiniera għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Illum l-MCAST nediet l-istrateġija għas-snin 2019-2021 li fiha sitta u tmenin objettiv li aħna lkoll impenjati biex nilħquhom biex inkomplu ngħollu lill-MCAST u l-edukazzjoni vokazzjonali għal-livell li jixraq kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema tagħna.

    Waqt l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0