L-itwal żwieġ bejn koppja Down’s… imut ir-raġel wara 25 sena flimkien

  • Mej 11, 2019 14:04
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Koppja Amerikana, li t-tnejn għandhom il-kundizzjoni tad-Down’s, kien ilhom miżżewġin 25 sena iżda x-xahar li għadda spiċċaw infirdu wara li miet ir-raġel. 

    Paul Schaoun-DeForge miet ix-xahar li għadda fl-età ta’ 56 sena. Kien ilu jiġġieled kontra l-marda tal-Alzheimer. B’hekk, il-mara tiegħu Kris, li għandha 59 sena issa spiċċat armla. 

    Il-qraba ta’ dan il-koppja jaħsbu li dan hu l-itwal żwieġ li qatt seħħ bejn koppja li għandha din il-kundizzjoni. 

    Il-koppja twieldu f’Liverpool li jinstab fl-istat ta’ New York. Minkejja li twieldu bil-kundizzjoni tad-Down’s, il-familji tagħhom ma tawx kas tal-parir tat-tobba li jpoġġuhom f’istituzzjonijiet. 

    Kien fis-snin tmenin meta l-koppja ltaqgħu waqt lejla ta’ żfin għal persuni b’diżabilità. Wara snin joħorġu flimkien, kienet proprju Kris li staqsiet lil Paul jekk iridx li jiżżewġu fl-1988. 

    Kris tirrakkonta li Paul kien idaħħakha u meta kienet tħares f’għajnejh kienet tara l-futur tagħha. Kien proprju f’dan il-mument meta staqsietu biex jiżżewwiġha u hu qalilha li xtaq.

    Madankollu, biex dan seta’ jsir damu ħames snin biex ġabu d-dritt taż-żwieġ mingħand l-uffiċjali tal-istat ta’ New York. 

    Kellhom jagħmlu testijiet dwar l-għarfien rigward is-sess, dwar dak li jħossu u kellhom bżonn jipprovaw li kapaċi jagħtu l-kunsens tagħhom għaż-żwieġ. 

    Wara li żżewġu l-koppja ħadu l-kunjomijiet ta’ xulxin, bl-għażla li dak tal-mara tpoġġa l-ewwel wieħed.

    F’Awwissu li għadda, il-koppja reġgħu ġeddew il-wegħda taż-żwieġ wara li Kris kienet l-isptar minħabba pneumonia. 

    Intant, qraba ta’ Paul stqarrew waqt il-funeral tiegħu li kien iħossu fortunat. Qraba oħra ddeskrivew lil din il-koppja bħala mudell għal dawk li jridu li jkollhom relazzjoni tajba. Semmew kif bħala koppja kienu tim li jirreferu għal xulxin u jfittxu lil xulxin f’dak li jagħmlu. 

    Bħala koppja, huma kienu jgħixu f’appartament li jifforma parti minn proġett tal-housing appoġġjat mill-istat u magħmul apposta għal persuni b’diżabilità. 

    It-tnejn kienu jaħdmu. Paul kien jaħdem fl-Arc of Onondaga li hi organizzazzjoni għal persuni b’diżabilità, filwaqt li Kris kienet taħdem il-Pizza Hut qabel ma bdiet taħdem fl-Uffiċċju tal-Istat ta’ New York għal Persuni b’Diżabilitajiet fl-Iżvilupp.

    Bħala koppja huma spiss fakkru l-anniversarju billi kienu jmorru għal vaganza fil-muntanji Adirondack. 

    Kien is-sena li għaddiet meta Paul beda jħoss is-sintomi tal-Alzheimer u allura kellu jingħata l-kura. Dan kollu affettwa ħażin lil Kris li spiċċat imkissra. Madankollu, xorta kellhom iċ-ċans li jieklu flimkien nhar ta’ Ħadd. 

    Minkejja li biż-żmien Paul beda jinsa lin-nies, xorta baqa’ qatt ma nesa lil martu. Il-qraba jirrakontaw li meta kien jara lil martu Kris, kien jibqa’ jħares lejha u kont tinduna li għarafha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0