Tħassib dwar in-nuqqas ta' ħaddiema fis-setturi tax-Xjenza, tal-Inġinerija, tas-Saħħa, tan-Negozju u tat-Taħriġ

  • Mej 03, 2019 17:50
  • Miktub minn iNews
"

    Skont stimi maħruġa miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), sas-sena 2025, madwar 26% tal-impjiegi se jkunu xogħlijiet fil-livelli għolja ta’ oqsma relatati ma’ STEM (speċifikament fix-Xjenza, Inġinerija, Qasam tas-Saħħa, Negozju u Taħriġ). Fl-istess waqt, il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija flimkien mal-Malta Business Bureau esprimew tħassib dwar il-fatt li f’ċertu oqsma, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ STEM, mhux qed jinstabu nies bil-ħiliet meħtieġa.

    Għaldaqstant il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija u l-Università ta’ Malta nedew kooperazzjoni tripartitika biex fuq livell nazzjonali iqajmu kuxjenza dwar l-effett li dan in-nuqqas qed iħalli fuq is-settur ekonomiku Malti, speċjalment jekk in-nies jibqgħu ma jagħżlux karrieri relatati ma’ STEM. Din il-kooperazzjoni għandha sservi wkoll biex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli tiġi ndirizzata ż-żieda fid-diskrepanza tal-ħiliet.

    L-oqsma tas-servizzi tas-saħħa, l-inġinerija speċjalment dik fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, il-manifattura, l-ICT u s-setturi tas-servizzi finanzjarji ġew rikonoxxuti bħala l-mutur ewlieni għaż-żieda tal-impjiegi f’Malta. Tkabbir kontinwu f’dawn l-oqsma jinħtieġ li jkun hemm tkabbir parallelu fin-numru ta’ ħaddiema b’ħiliet ogħla. Fl-2015, Cedefop ġie kwotat li qal li l-aspirazzjoni ta’ Malta li ssir ċentru għal tipi differenti ta’ servizzi innovattivi, se żżid l-opportunitajiet għal karrieri f’ħiliet medji u ogħla. Minkejja li Malta ffokat il-ħidma tagħha biex tnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet billi żżid id-disponibbiltà tal-ħiliet meħtieġa għat-talbiet mistennija, xorta qed issib diffikultajiet f’ċertu setturi bħal speċjalisti mediċi u infermiera fil-qasam tas-saħħa, tekniċi mħarrġa fis-settur tal-elettronika, avjazzjoni u inġinerija ċivili, software developers fis-settur tal-ICT, kif ukoll fil-qasam tax-xjenza numerata (bħall-matematika u fiżika).

    Għalkemm l-għażliet tal-istudenti jitqiesu bħala r-raġuni fin-nuqqas ta’ gradwati fis-suġġetti STEM, is-soċjetà inġenerali, li tinkludi l-ġenituri u l-għalliema li jiggwidaw lill-istudenti fl-għażla ta’ karriera, jafu jkunu responsabbli għal dan in-nuqqas huma wkoll. Kien għal dan il-għan li nħass il-bżonn li jitqajjem dibattitu billi tnediet Konferenza Nazzjonali biex tindirizza din is-sitwazzjoni kritika. Din il-Konferenza saret nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju ġewwa l-Esplora, iċ-Ċentru għax-Xjenza Interattiva.

    Waqt il-konferenza, l-MCST, l-UM u l-MCAST ippreżentaw position paper bi proposti kollettivi dwar STEM Engagement. Dan id-dokument jitratta s-sitwazzjoni attwali, fejn fih ġie enfasizzat li, għalkemm diġà saru xi inizjattivi biex tiġi ndirizzata din il-problema, jekk ma jittiħdux aktar azzjonijiet, jista’ jkun tard wisq għal aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli. Id-dokument irrakkomanda biex ikun hemm il-ħolqien ta’ STEM Working Group li jressaq ’il quddiem il-proposti tat-tliet entitajiet u li tkun ippreżentata Strateġija Nazzjonali ta’ Komunikazzjoni dwar ix-Xjenza.

    Fid-diskors tiegħu, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “Se nkunu qegħdin naħdmu sabiex nindirizzaw in-nuqqas li hawn fil-ħiliet STEM. Fil-fatt qegħdin inqisu din is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ importanza nazzjonali. F’Esplora nagħmlu minn kollox biex inħeġġu lill-viżitaturi kollha sabiex ‘jesploraw, jaħsbu, jimmaġinaw, japprezzaw u jikkreaw.’ Din hija l-għodda li se nkunu qegħdin nużaw ħalli nħeġġu l-ġenerazzjonijiet li għadhom qed jikbru biex jikkunsidraw serjament karrieri relatati ma’ STEM.”

    Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J Vella żied li, “L-Università ma tistax tippromwovi x-xjenza, l-inġinerija u l-edukazzjoni teknoloġika u twettaq riċerka lokali serja mingħajr ma jkollha involviment sinjifikattiv ta’ studenti u riċerkaturi żgħażagħ. It-tfittxija għal dawn l-istudenti u r-riċerkaturi għandha tibda mill-Primarja. Għalhekk qegħdin hawn illum biex flimkien mal-imsieħba fil-qasam edukattiv, inwasslu messaġġ komuni li d-dinja tax-xjenza u t-teknoloġija mhux biss hija meraviljuża iżda wkoll essenzjali għall-iżvilupp nazzjonali u għall-benesseri tagħna.

    Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, il-Prof. Joachim James Calleja, qal li, “L-MCAST se jkollha rwol prinċipali fi STEM Engagement billi tipprovdi lill-istudenti, kif ukoll lill-impjegati l-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien meħtieġ biex ikunu ta’ sostenn għall-ekonomija Maltija li hija waħda dimanika u prosperuża. Il-programm ta’ tagħlim tal-MCAST, li hu bbażat fuq id-dinja tax-xogħol, jipprovdi taħriġ b’bażi industrijali u l-appoġġ meħtieġ li għandhom bżonn l-istudent ħalli jiġi ndirizzat il-vojt eżistenti li hawn fil-ħiliet bħalissa. Dan jgħinna biex nindirizzaw l-impjiegi tal-ġejjien.”

    Il-panels ta’ diskussjoni indirizzaw dawn it-temi: Il-Politika u l-Istrateġija relatata ma’ STEM;L-Impjegabbiltà, in-nuqqas ta’ Kompatibbilità u n-nuqqas fil-Ħiliet STEM; Il-Kapital tax-Xjenza Pubblika u d-differenza bejn il-ġeneru fi STEM u L-Edukazzjoni u Komunikazzjoni STEM.

    L-ewwel tnejn ġew indirizzati mill-membri tal-panel: l-Onorevoli Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni; l-Onorevoli Karl Gouder, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali; is-Sinjura Nicola Cini, il-Maniġer tad-Dipartiment tas-Servizzi għall-Impjiegi fi ħdan Jobsplus u s-Sur Andre Fenech, il-Kap għall-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija.

    Il-panel indirizza r-relevanza ta’ STEM mil-lat ekonomiku u ddiskuta wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għal STEM Engagement, ir-rwol tal-gvern fl-appoġġ ta’ STEM u t-tendenzi lokali kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tad-differenza fil-ħiliet.

    It-tlieta u r-raba’ temi ġew diskussi mill-Onorevoli Miriam Dalli, Membru Parlamentari Ewropew, l-Onorevoli Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropew, is-Sinjura Joanne Grima, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni u s-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tal-Programm ta’ Tagħlim u Valutazzjoni, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol. Dan il-grupp fost l-oħrajn ittratta mistoqsijiet dwar l-impenji politiċi tal-edukazzjoni u komunikazzjoni STEM fil-livell tal-Unjoni Ewropea u kif dan jista’ jkun rifless fuq Malta, l-aċċessibiltà għall-fondi kompetittivi biex jiġu kkomunikati s-suġġetti STEM u l-miżuri li qed jittieħdu biex aktar studenti jagħżlu dawn is-suġġetti. Dan bil-għan, biex iktar ’il quddiem ikun hemm aktar nies li jagħżlu karriera fis-suġġetti STEM.

    It-tliet temi ewlenin li ġew diskussi tul il-konferenza, kienu l-Impjieg, l-Iżvilupp Personali u ċ-Ċittadinanza Attiva. Għal din il-Konferenza attendew persuni mill-industrija, edukaturi, kif ukoll il-pubbliku ġenerali.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0