L-omm li ġarret it-tarbija ta’ binha gay

  • Apr 27, 2019 14:48
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    “Li ġarrejt it-tarbija ta’ ibni, li hu gay, kien l-isbaħ rigal għalija.” Hekk issostni Cecile Eledge, mara ta’ 61 sena mill-Istati Uniti li serviet bħala omm surrogata u ġarret it-tarbija ta’ binha u tar-raġel tiegħu. 

    Fil-bidu, Cecile u l-familja tagħha ħasbu li t-tobba f’Nebraska ma kinux se jħalluha tkun l-omm surrogata tagħhom minħabba l-età li għandha. Madankollu, ftit taż-żmien ilu hi welldet lil Uma Louise Dougherty fiċ-Ċentru Mediku ta’ Nebraska b’mod mill-aktar naturali. 

    Iċ-ċirkostanzi ta’ kif twieldet Uma joffru xhieda dwar kif is-soċjetà qiegħda tbiddel il-ħsieb tagħha dwar ċerta sitwazzjonijiet u anke turi l-avvanzi kbar li saru fis-saħħa biex mara ta’ iżjed minn 60 sena rnexxielha twelled tarbija qawwija u sħiħa. 

    Fuq il-midja soċjali, il-familja rċeviet bosta messaġġi, li ħafna minnhom kienu pożittivi. Madankollu, kien hemm ukoll oħrajn li wrew rabja u kienu pjuttost negattivi fil-konfront ta’ iben Cecile, Matthew.   

    Madankollu, Matthew qal li kien hemm nies minn madwar id-dinja li kkuntattjawhom u anke offrewlhom biex jgħinuhom b’kull mod possibbli. Semma li l-familja qiegħda tinjora reazzjonijiet negattivi, fost l-oħrajn minn dawk li ħasbu b’mod żbaljat li Matthew kien involut f’att sesswali ma’ ommu stess biex inħolqot it-tarbija. Oħrajn sempliċiment ħallew kummenti omofobiċi.  

    Meta Matthew u żewġu Elliott ġew biex jibdew familja ġdida bejniethom, huma kienu ħasbu li mhux se jingħataw permess biex jadottaw tarbija, peress li l-istat fejn kienu jgħixu kien wieħed konservattiv. Kien għalhekk li ddeċidew li jirrikorru għall-proċess tal-IVF fejn jużaw bajda li ngħatatilhom u omm surrogata biex iġġorr il-fetu. 

    Oħt Elliott, Lea Yribe offriet li tagħti bħala donazzjoni l-bajd tagħha. Dawn ġew imbagħad fertilizzati bl-isperma ta’ Matthew, biex b’hekk Uma twieldet b’materjal ġenetiku miż-żewġ naħat tal-familja. 

    Il-koppja gay b’ċajta qalu lit-tabib li ħadilhom ħsieb il-proċess tal-IVF li omm Matthew offritilhom biex tkun l-omm surrogata, minkejja li dak iż-żmien kellha 59 sena u kienet għaddiet mill-menopawsa. Biex jiċċajta, Matthew kien sikwit jgħid li ommu offritilhom biex tkun hi l-omm surrogata iżda din żgur ma kinitx għażla possibbli. 

    Fost il-kumplikazzjonijiet li jeżistu għal ommijiet ta’ età kbira hemm id-dijabete u l-pressjoni għolja. Għalhekk kien hemm tim mediku li segwa din it-tqala li kienet tinvolvi riskji għoljin. 

    L-ispeċjalista tat-tqala u l-mediċina dwar il-fetu, Carl Smith spjega li omm Matthew kienet f’saħħitha u kienet tieħu ħsieb lilha nnifisha. Kienet ukoll tidher diversi snin iżgħar mill-età li kellha. 

    Matul l-ewwel parti tat-tqala, omm Matthew kellha tieħu supplimenti tal-ormoni tal-estroġenu, sakemm il-plaċenta li żżomm lit-tarbija kienet kapaċi tagħmel l-ormoni tagħha stess. 

    Dwar din it-tqala, Smith qal li qatt ma affettwahom il-fatt li qegħdin jgħinu koppja gay biex ikollhom tarbija jew inkella li ntgħażlet proprju n-nanna bħala l-omm surrogata.  Qal li huma bħala tim qatt ma ħasbuha darbtejn u ċ-ċirkostanzi ta’ kif in-nanna nqabdet tqila kienu kwistjoni ta’ bejnha u bejn il-familja tagħha. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0