Imnedija t-12-il edizzjoni ta’ Għanafest

  • Apr 24, 2019 12:56
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda it-12-il edizzjoni konsekuttiva  ta’ Għanafest waqt il-festeġġamenti ta’ San Girgor li jittellgħu fiż-Żejtun.  Festivals Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għal darb’ oħra qiegħda tinvesti fil-festeġġamenti ta’ San Girgor, avveniment tradizzjonali li fih tispikka l-għana.

    “L-Għanafest huwa ċelebrazzjoni tal-wirt lokali u Mediterranju.  Il-Festival iservi ta’ pjattaforma ewlenija għall-mużika folkloristika li tgħin mużiċisti u kantanti Maltin jesponu ruħhom quddiem udjenzi ikbar,” stqarr il-Ministru Bonnici waqt it-tnedija. “Huwa permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura li nkunu nistgħu inkomplu nippromwovu t-talent lokali, filwaqt li niżguraw li s-settur artistiku u kulturali huwa aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment permezz ta’ attivitajiet li huma apprezzati miż-żgħar tagħna wkoll,” kompla jgħid Bonnici. “Il-mira tagħna hija li nkomplu nsaħħu dan is-settur, li għandu parti importanti fil-prodott lokali tagħna bħala soċjetà u dan huwa possibbli permezz ta’ avvenimenti ta’ din is-sura.”

    “Festivals Malta tappoġġa u tinkoraġġixxi bis-sħiħ it-tiġdid tal-mużika tradizzjonali billi trawwem ambjent li joħloq djalogu kreattiv u artistiku bejn il-passat, il-preżent u l-futur ta' dan il-ġeneru mużikali,” qalet Annabelle Stivala, id-Direttur ta’ Festivals Malta. Hi spjegat ukoll li l-investiment fl-Għanafest mhuwiex l-uniku kontribut ta' Festivals Malta lejn dan il-għan.  Proġett ieħor li Festivals Malta bdiet sentejn ilu, huwa kollaborazzjoni mal-band lokali Skald, talent ġdid b’futur promettenti. Apparti minn hekk, l-Għanafest tħaddan ukoll artisti folklorsitiċi barranin, bħal Sherazade – kantanta mill-Alġerija, kif ukoll l-artisti lokali bħal 'The Travellers ' li jippromovu l-lingwa Maltija fil-materjal tagħhom.

    Din is-sena l-Għanafest għanda wkoll Direttur Artistiku ġdid - Tiziana Calleja. Calleja ġġib magħha viżjoni ġdida li tgħaqqad elementi tradizzjonali, moderni u kontemporanji flimkien sabiex jinħoloq dan il-festival uniku.

    “Il-viżjoni tiegħi għal din is-sena hi li nagħti kontribut b’riżq it-tiġdid tal-wirt Malti billi nżewwqu b’tendenzi kulturali kurrenti” spjegat Tiziana Calleja.  Il-festival ta' din is-sena, li ser jittella’ fi Ġnien l-Argotti, se jesplora modi ġodda għall promozzjoni tal-wirt kulturali Malti.  Minbarra l-għana, din is-sena, fuq il-palk prinċipali se naraw artisti lokali bħal Skald, Mistura u The Travellers. Din is-sena f’Għanafest ser nilqgħu wkoll lil Sherazade et LavionRose - grupp folkloristiku Franċiż li qed jiġu miġjuba f'Malta b'kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Franċiża.

    Parti interessanti oħra ta' Għanafest ta' din is-sena se tkun il-gastronomija. Din is-sena, Festivals Malta ngħaqdet mal-Mediterranean Culinary Academy, li se torganizza sessjonijiet interattivi ta’ tisjir, fejn il-kokijiet se juru kif għandu jissajjar u jiġi ppreżentat il-ħut Malti. 

    Barra minn hekk, xi nisa ta’ sajjieda Xlukkajri se jkunu qed isajru l-Aljotta tradizzjonali Maltija u jdewwquha lill-pubbliku. Fiz-zona tal-logħob tat-tfal se jkun hemm logħob tradizzjonali Malti bl-intenzjoni li t-tfal preżenti jsiru iktar familjari mal-logħob tradizzjonali Malti li kienu mrobbija fih il-ġenituri u nanniet taghhom.  Għanafest dis-sena ser jinkludi rokna letterarja fejn se jintqalu stejjer bid-djalett oriġinali, se jinkludi wkoll radju dramm li żgur li se jqanqal ħafna memorji tal-passat.

    Bħal f'edizzjonijiet preċedenti se jkun hemm ukoll wirjiet artiġjanali tipiċi Maltin li mhux biss se jkunu qed juru l-prodotti tagħhom imma se jipprovdu wkoll l-opportunità għall-viżitaturi biex jitgħallmu xi ħaġa fuq dawn is-snajja’ tipikament Maltin.

    It-12-il edizzjoni ta’ Għanafest se tittella’ bejn il-21 u 22 ta’ Ġunju fi Ġnien l-Argotti fil-Furjana.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0