FILMATI: “Bħalissa ż-żmien fejn jinżergħu l-problemi tal-futur”

  • Apr 22, 2019 16:19
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"

    Il-banek ħafna drabi jkunu suġġetti għal kritika ħarxa minn setturi varji tas-soċjetà. Temmen li din il-kritika hija ġusta, għallinqas parzjalment? Jew hija riżultat ta’ ċertu misinformazzjoni fuq l-operat tagħhom?

    Mill-esperjenza ta’ ħafna snin, kemm lokali u internazzjonali, nistgħu ngħidu li l-kritika lejn il-banek hija xi ħaġa komuni li tiġri mad-dinja kollha, anke jekk tvarja minn pajjiż għall-ieħor, u minn ċiklu ekonomiku għall-ieħor. Nammettu wkoll li ħafna drabi, il-kritika tista’ tkun kemmxejn ġustifikata: Jekk il-banek jieħdu ċertu riskji bil-flus tad-dipożitanti tagħhom, liema riskji ma jkunux kkalkolati tajjeb, ma tistennix oltre. 

    Forsi Malta ma konniex tradizzjonalment mdorrijin li nisimgħu din il-kritika lejn il-banek, għaliex il-banek dejjem tqiesu bħala intrapriżi li jmexxu n-negozji tagħhom b’ċertu għaqal u prudenza. Fl-istess ħin, storikament is-settur bankarju f’Malta kiber pass pass mal-ekonomija, u għenu fl-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi ġodda, li wasslu għat-tkabbir ekonomiku lokali matul dawn l-aħħar 50 sena.

    U fil-fatt, dan l-aspett storiku irridu nippruvaw nemfasizzaw fuqu. Bħala Assoċjazzjoni, u bħala soċjetà in ġenerali, ma nħarsux biss lejn l-aspetti negattivi, iżda anke dawk pożittivi. Per eżempju, l-involviment attiv tal-Bank fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR), fejn jagħtu kontribut kbir ħafna f’aspetti ta’ litteriżmu finanzjarju, il-promozzjoni tal-kultura u l-arti lokali, l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-għaqdiet u lill-kompetizzjonijiet sportivi, kif ukoll it-tqassim tal-għarfien espert finanzjarju lil dawn l-għaqdiet sportivi, ħafna drabi fuq bażi volontarja. 

    Però, lura għall-kritika. Nifhmu li xi drabi, l-kritika tkun lejn banek partikolari, jew lejn l-attitudni ta’ dawn il-banek individwali, u mhix lejn is-settur kollu.

    U x’effett qegħda tħalli kritika bħal din, fl-opinjoni tagħkom?

    Li wieħed irid iżomm f’moħħu huwa li fil-preżent, hemm pressjoni kbira fuq il-banek, li ma kienx hemm matul dawn l-aħħar snin. L-ambjent regolatorju qiegħed jinbidel kważi kważi kuljum, kemm minħabba tibdil ġenerali (bħall-GDPR), kif ukoll regolamenti ġodda speċifiċi għas-settur bankarju nnifsu, li fl-opinjoni tagħna, xi kultant tkun waħda eċċessiva u anke dispropozjonata. Dan mhux fenomenu lokali: Anke banek kbar f’pajjiżi oħra jilmentaw fuq l-istess kwistjoni.

    L-appell tagħna lill-membri tal-istess MBA huwa li ma nkunux eċċessivi fl-interpretazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti. Ma rridux nabbużaw b’tali mod, li bl-iskuża ta’ din ir-regolamentazzjoni, ma nagħmlux ċertu negozju.

    Kritika riċenti kienet dik tal-Prim Ministru, li fost l-oħrajn, saħaq li hemm bżonn ta’ iktar banek barranin biex jiġu u jibdew joperaw f’Malta. Waqt l-istess diskors, il-Prim Ministru kien semma ċertu każi “fejn imprendituri li lesti jiftħu kumpanija Malta kienu qegħdin jistennew diversi xhur biex jiftħu kont, waqt li kieku marru f’pajjiżi oħra dan seta jsir faċilment f’ġimgħa...”

    Kritka kostruttiva bħal din mhix l-ewwel darba li saret. Dejjem kien hemm żminijiet, anke fi snin preċedenti, fejn inħass l-bżonn li ċertu strumenti mhux qegħdin jaħdmu biżżejjed, speċjalment bl-istrutturar tal-mutur ekonomiku.

    Malta bħalissa għaddejja minn sitwazzjoni fejn qegħdin isiru ċertu żviluppi ekonomiċi u finanzjarji, u qegħdin jiġu ntrodotti setturi ġodda li għalissa għadhom jiġu meqjusa bħala riskjużi, jew inkella mhemmx informazzjoni biżżejjed fuqhom, allura l-bank jiddeċiedi li joqgħod pass lura milli jagħti l-finanzjarjament.

    Din mhix l-ewwel darba li ġrat sitwazzjoni bħal din. Għalhekk ngħid li l-kritika ma tiġrix bħala sorpriża.

    Allura x’hemm bżonn isir?

    Fl-opinjoni tagħna, żewġ affarijiet. Iva, naqblu li hemm lok għall-introduzzjoni ta’ banek oħrajn f’pajjiżna. Speċifikament, banek ġodda li forsi anke jkollhom fehma jew informazzjoni aħjar fuq ċertu setturi jew industriji ġodda li Malta għadna rridu narawhom. Mhix qiegħed ngħid li dan ser jiġri għada, f’din is-sekwenza u mingħajr problemi ta’ xejn, għaliex iridu joħorġu liċenzji mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-MFSA f’dan il-lat, imbagħad dak tal-ewwel irid jara u jifhem x’tip ta’ banek huma, l-modus operandi prospettiv tagħhom, l-finanzjament tal-attivita tagħhom, ir-riskju u s-setturi li hemm eċċ. 

    It-tieni, irid jgħaddi iktar żmien u jkun hemm iktar tagħrif fuq dawn is-setturi ġodda li għadhom fl-infanzja tagħhom, u eventwalment, meta jkun hemm l-informazzjoni neċessarja, l-aċċessibilita finanzjarja tkompli tikber b’mod awtomatikament.

    Pero fl-istess ħin, importanti nisħqu li l-effett tal-attività bankarja li sseħħ ġewwa Malta xi kultant tiġi minsija, jew mhix stmata kif suppost.

    F’liema sens?

    Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika matul dawn l-aħħar snin, għall-kuntrarju tal-impressjoni li hemm barra, il-banek Maltin xorta baqgħu jkabbru s-self li qegħdin jipprovdu. Fuq is-self li ngħata mill-banek Maltin, bejn l-2016 u l-2018, dan żdied minn €9.4 biljun għal €10.3 biljuni, żieda ta’ biljun Ewro f’temp ta’ sentejn. Bħala depożiti mingħand residenti Maltin, kien hemm żieda ta’ żewġ biljuni wkoll fid-depożiti lokali mill-2016 u l-2018.

    Tajjeb ukoll ta’ min isemmi fuq l-ammont ta’ self fuq il-propjeta. Dan ukoll ilu jikber. Minkejja din l-impressjoni li hawn li l-banek huma strinġenti ħafna biex jinvesti fil-propjeta, ir-realtà hija li l-ammont misluf mill-banek f’dan is-settur kiber b’medja ta’ 8.5% kull sena mill-2013 l’hawn. Fl-istess ħin, is-self lejn il-kumpanija li ma jaħdmux fis-servizzi finanzjarju, naqas, għaliex ħafna kumpaniji lokali, jew għadhom il-fondi tagħhom, jew inkella qegħdin jagħmlu self bejniethom.

    L-attività ekonomika li wieħed jara madwaru, ħafna minnha tgħaddi mill-banek. Il-banek kienu, u għadhom, ta’ xprun u ta’ strument importanti, li tgħin lil din l-attività tkompli tikber.

    Din qegħdin ngħiduha biex inneħħu kwalunkwe perċezzjoni li jkun hemm li l-banek ma kinux qegħdin issellfu. Madanakollu, rridu noqgħodu attenti li, minkejja li l-ekonomija qegħda sejra tajjeb, ir-riskji għadhom hemm. Anzi, dawn ir-riskji jafu jkunu qegħdin ikbar llum milli dak li qegħdin naħsbu jew nissoponu: meta jkun hemm ritmu ekonomiku mgħaġġel u b’saħħtu, jista’ jkun hemm il-każ li jibdew jinżergħu l-problemi tal-futur.

    Diġa qegħdin naraw sentiment ekonomiku negattiv f’ħafna pajjiżi, u dan xi darba sejjer jaffetwa lil Malta. L-andament ekonomiku se jdur, u għalhekk importanti li llum, ma jittieħdux ċertu riskji li jiddispjaċina fil-futur.

    La semmejtu s-self li jipprovdi l-banek, hemm kontroargument possibbli: Li dan is-self li qiegħed iseħħ mill-banek, mhux forsi qiegħed ilaħħaq il-livell mixtieq mis-suq u mill-konsumaturi Maltin...

    Nistgħu nassigurawkom li l-banek jikkompetu kemm jifilħu għas-self tal-propjeta. Biżżejjed ddur u tara riklami fuq il-midja, kemm tradizzjonali u kif ukoll soċjali: Kull assoċjazzjoni qegħda tattakka dan is-settur, u toffri l-aħjar termini għal dan it-tip ta’ self. Appuntu għaliex hemm storja sħiħa kif dan is-settur huwa importanti ħafna, mhix biss għall-ekonomija Maltija, iżda wkoll għall-banek stess. 

    Għaliex? Aħna nafu li l-maġġoranza tal-poplu Malti jixtieq ikun sid ta’ daru; Nafu wkoll, u dan huwa statistikament kkonfermat, li r-rata ta’ nies li jaqgħu lura, jonqsu jew ma jonorawx l-pagament tagħhom, huwa wieħed vera żgħir. Forsi taqa’ lura fil-pagamenti tal-karti tal-kreditu, imma tad-dar, it-tendenza hija li wieħed jagħmel l-almu tiegħu biex iħallas.

    Li qiegħed jiġri huwa li l-valur tal-propjeta qiegħed jogħla, u li abbażi tal-formola li jużaw l-bank biex jagħtu s-self, il-prezzijiet tal-propjetajiet li l-koppji qegħdin jirrikorru għalihom qegħdin isiru inqas u inqas affordabbli. Qed issir iktar sfida, u din hija realtà li anke l-bank qegħdin jafaċċjaw.

    Mhix kwistjoni li l-banek ma jridux jissellfu, nerġa ngħidlek: Il-banek qegħdin jikkompetu, f’konfini ta’ prudenza. Però fl-istess ħin, ma tistax ssellef b’tali mod li ssallab lil persuna, b’dejn li ma jistax jitranġa. Jekk ikollna uffiċjali tagħna li jindunaw li operatur finanzjarju qiegħed joħroġ barra mill-parametri fuq xiex jista’ jsellef, bħala eko-sistema finanzjarja u bħala regolaturi, ħa jkunu vera ħorox. Mhix minħabba r-reputazzjoni tal-bank u tas-settur biss, iżda għaliex din kapaċi tipperikola l-persuna u tpoġġih f’sitwazzjoni diffiċli, u din taffetwa lill-bqija tas-settur f’pajijżna.

    Għalhekk semmejna aktar qabel li bħalissa huwa ż-żmien meta ikunu qegħdin jinżergħu r-riskji u l-problemi tal-futur. Jekk ikollok banek, anke regolaturi, li ma jkunux saqajhom fl-art u jaħsbu għaż-żminijiet meta jidħol ċertu stress fil-pajjiż, ma jdumux ma jħossu l-effett negattiv tan-nuqqas ta’ ħsieb tagħhom.

    Meta qiegħed tmexxi bank, għandek diversi fatturi li qegħdin jaffetwaw l-andament, u diversi riskji li jridu jiġu kkunsidrati. Trid taħseb għall-ħażin, biex it-tajeb ma jonqosx.    

    Relatat ma’ dan il-punt: Semmejt ukoll is-setturi ġodda li qegħdin jiġu ntrodotti fl-ekonomija ta’ pajjiżna: DLT, Blockchain eċċ. Taħseb li l-banek qegħdin joperaw b’mod konservattiv iż-żejjed fuq dan ir-rigward, u moħħhom biss biex jiffukaw fuq dak li huwa meqjus sigur?

    Hija mistoqsija kumplessa. Però, b’mod ġenerali, nistgħu ngħidu li kull bank li jrid jikber u jrid ikompli jkabbar l-operat tiegħu, fin-natura tiegħu, mhix ħa jirrifjuta negozju. L-ebda bank, meta jaf x’inhuma l-ispejjeż fissi li għandu, mhu sejjer jirrifjuta xi tip ta’ negozju għall-gost.

    Issa, kull bank individwali għandu mudell personali tiegħu fuq kif jaħdem in-negozju. Din hija xi ħaġa li fil-passat forsi ma konniex nagħtu kasha biżżejjed, jew li forsi l-pubbliku ma jkunx konxju tagħha biżżejjed. Kulħadd jaħseb li jekk Malta għandna 24 bank, kollha jaħdmu bl-istess mod, li mhix il-każ. Kollha għandhom business models differenti, b’operat differenti, li jiffukaw fuq setturi differenti.

    Dawn ikunu għażliet li jagħmel l-intrapriża b’mod konxju; anke meta s-settur kapaċi jkun wieħed premjanti għall-intrapriżi, il-bank jista’ jiddeċiedi kontra li jinvolvi ruħu, minħabba li m’għandux it-tagħmir suffiċjenti, l-għarfien espert meħtieġ, u anke t-teknoloġija neċessarja. Qabel bank jiddeċiedi li jagħti servizz lii settur, dan irid jeżamina x’inhuma l-prijoritajiet immedjati tal-bank, u x’investiment irid isir min-naħa tal-intrapriża, biex jindirizza s-settur. 

    Hemm xi ħaġa oħra kruċjali fl-isfond ta’ dan kollu: Il-banek ma joperawx f’iżolament. Kull bank jifforma parti minn sistema internazzjonali, fosthom ir-relazzjoni tagħhom ma’ banek korrispondenti, biex b’hekk ikun jista’ jaċċessa is-sistema ta’ approvazzjoni neċessarja f’ċertu muniti.

    Issa, f’dawn l-aħħar snin, il-banek korrispondenti, speċjalment dawk fi-munita tad-Dollaru Amerikan, saru ħafna iktar selettivi u konxji tat-tip ta’ negozji li jridu jagħmlu, tant li ħarġu minn ċertu pajjiżi. Anke Malta qalgħet daqqa sinjifikanti f’dan ir-rigward. Mhix kwistjoni ta’ jekk aħna naqblu jew ma naqblux magħhom, tmur lil’hinn minnha.

    Qisha forma ta’ theddida?

    Tista’ tqisha hekk, però din hija parti minn ċirku sħiħ ta’ tħassib. Hemm ukoll ċertu setturi li, minħabba li huma setturi ġodda, iqajmu iktar riskju u suspett ta’ ħasil ta’ flus, Hemmhekk, it-tħassib ikun ikbar. Sfortunatament, din hija r-realtà li naħdmu fiha.

    Hawnhekk, wieħed irid japprezza li dak li qiegħed isir mis-settur bankarju mhix xi ħaġa kapriċċjuża, għax hekk fettillu. Huwa sforz tad-direzzjoni li qegħda tingħata ir-regolaturi u l-awtoritajiet internazzjonali,

    Aħna nifhmu li meta jkun hemm kummenti mill-Awtoritajiet, huma qegħdin jirreaġixxu għal ilmenti li huma semgħu minn dawn in-negozji. Isiru ħafna konferenzi u seminars tajbin biex jippromwovu lil Malta bħala ċentru finanzjarju, ikollok parteċipazzjoni ta’ professjonisti minn kull qasam, anke żgħar u kbar, imma ma jkollhomx ċertu esperjenza fejn jidħol l-operat tal-ekosistema bankarja.

    Jekk wieħed jara l-statistika, jekk jara fejn Malta qegħda llum, il-banek għamlu l-parti tagħhom biex jagħtu servizz lin-negozji internazzjonali. J’Alla, meta l-affarijiet ikunu iktar stabbiliti, dawn għandhom jkunu minn ta’ qudidem biex jippromwovu dan is-setturi. Bħas-self għall-propjeta, u setturi oħra, nispera li jkun hemm il-kompetizzjoni biex ikunu mill-quddiem, pero xi kultant irid ikun hemm naqra paċenzja.

    X”inhuwa l-irwol tal-Assoċjazzjoni Bankarja Maltija f’dan kollu, u x’inhuwa l-irwol tal-banek fil-futur?

    L-irwol ewlieni tal-MBA huwa li jkun koordinatur fuq ċertu kwistjonijiet li jaffetwaw lill-banek. Aħna m’aħniex regolaturi, iżda assoċjazzjoni li nikkordinaw mal-membri tagħna biex meta fix-xogħol li jiffaċċjaw, jaraw problemi, regolamenti jew liġijiet ġodda, aħna jkollna pożizzjoni kkordinata, biex inkunu nistgħu mmexxu lis-settur il-quddiem flimkien.

    Fl-istess ħin, aħna naħdmu biex inkomplu ntejbu l-perspettiva pubblika tas-settur bankarju. Meta dan ir-ritratt tal-ekosistema bankarja ikun mtappan, tajjeb jew ħażin, l-Assoċjazzjoni tagħmel l-isforz tagħha biex tara jekk il-kritika hix ġustifikata jew le, u jekk ikun ġustifikat, naħdmu biex intejbu s0sitwazjzoni sa fejn huwa possibbli għalina.

    Dwar il-futur, wieħed għandu jiddiskuti u jqis l-evoluzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi mogħtija mill-banek. L-ATMs, il-karti tad-debitu u kreditu contactless, is-servizzi bankarja fuq l-Internet u l-apps tal-mobile... kull ma jmur, dan is-settur qiegħed jiżviluppa. 

    Inevitabbilment, il-banek iridu jkomplu jinvestu, kif qed jagħmlu, biex ċertu servizzi ikunu iktar diġitalizzati. Hija ċara li l-banek kollha investew ħafna fis-sistemi diġitali, u sejrin ikomplu jagħmu hekk, fil-futur.

    Kultant d-deċiżjonijiet li ttieħdu mhux popolari, jew faċli. Peor iridu ikun hemm importanti li l-awtoritajiet regolatorji ukoll ikollhom it-tagħmir neċessarju biex jifhmu x’qiegħed jiġi adottat mil-banek.

    Filmati: ALAN SALIBA

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0