Bis-saħħa tal-pjanu daret diversi pajjiżi u anke ħolqot 'app' mużikalment edukattiva

  • Apr 22, 2019 10:13
  • Miktub minn Ramona Portelli
"

    Il-pjanu minn dejjem kienet tqisu bħala l-instrument tagħha. Minn età żgħira kienet tħoss li taċċella fih u kienet dejjem ittih priorità fuq l-kumplament tas-suġġetti.  Tqis li hija xxurtjata li tista’ tgħid li għaliha l-pjanu huwa l-passjoni u l-karriera tagħha.  Xi drabi jiġu mumenti diffiċli u forsi xi ftit frustranti, speċjalment waqt il-proċess meta tkun qed titgħallem repertorju ġdid, fejn tħoss li mhux qed iġġib il-ħoss jew l-effett li nkun tixtieq.  

    Pero dejjem jirnexxielha titrijunfa minn dawn l-emozzjonijiet billi tiffoka fuq l-artesanija tal-mużika, l-artesanija tgħin lit-teknika u r-risposta dejjem hemm tkun moħbija. Meta tasal f’dan l-punt ta’ żvelazzjoni s-sodisfazzjon ikun enormi.  M’għadhiex tgħix Malta, iżda qed tgħix ġewwa Londra.  Qed nirreferi għal Marcelle Zahra.

    Tgħix ġewwa Londra u l-passjoni u l-karriera tagħha huwa l-pjanu.  Filfatt taħdem bħala pjanista u għalliema tal-mużika. Bħala passatempi għandha bosta, fosthom l’hena tagħha tattendi kunċerti ta’ kwalunkwe tip ta’ mużika, minn mużika klassika u jazz sa folk u rock; tħobb ukoll tattendi esibizzjonijiet ta’ l-arti speċjalment arti kontemporanja; passatemp ieħor huwa d-dixxiplina tal-yoga, għalkemm ħafna drabi tqisha aktar bħala neċessita’ milli passatemp, u wkoll jinteressha ħafna l-fotografija.

    Fl-opinjoni tagħha tgħid li taħseb li hija bniedma dinamika, b’attitudni pożittiva lejn l-ħajja, enerġetika u moħħha dejjem iberren b’xi ideat ġodda. Tħoss li għandha bżonn dawn l-impulsijiet biex iżżomm ruħha ħajja u attiva. Tħossha l-iktar kalma u fil-paċi u l-iktar inspirata meta tmur xi mixja twila fin-natura jew mal-baħar. 

    L-interess ta‘ Marcelle fil-mużika dejjem kien il-pjanu, u llum hija pjanista.  Ridt inkun naf għaliex il-pjanu u mhux xi instrument mużikali ieħor.  “Minn dejjem kien hemm dik l-attrazzjoni qawwija li nitgħallem l-pjanu, minn età żgħira dejjem niftakarni li kienet idea ċara għalijja, kont determinata u qatt ma kelli dubju - l-pjanu kien l-instrument tiegħi”, weġbitni fil-pront.

    Interessanti l-fatt li l-konnessjoni tagħha ma’ Malta apparti li hija art twelidha, l-aktar konnessjoni b’saħħitha hija l-familja kbira li għandha - l-ġenituri, ħames aħwa u żewġ neputijiet li kollha jgħixu Malta.  “Ilni ngħix fir-Renju Unit għal total ta’ ħmistax-il sena, qattajt l-ewwel erba snin nistudja u ngħix ġewwa Edinburgh, wara li gradwajt, inżilt Londra biex nkompli l-istudji tiegħi f’wieħed mill-konservatorji tal-mużika u minn dak iż-żmien l’hawn bqajt ngħix hawnhekk.  Ma kienetx deċiżjoni konxja li nibbaża ruħi ġewwa Londra. Wara li spiċċajt il-Masters, bdew ġejjin opportunitajiet ta’ proġetti mużikali u xogħol ieħor dejjem b’konnessjoni mal-mużika.  Dak iż-żmien kont inħoss li wara sentejn ngħix Londra għandi iktar x’niskopri x’għandha x’toffri din l-belt. Issa għaddew ħdax-il sena u għadni hawnhekk”, tbissmet tgħidli Marcelle.

    Mod ieħor kif Marcelle żżomm konnessjoni ma' Malta hija permezz tal-mużika, infatti kunċert li hija involuta fih li ser jasal dalwaqt Malta jismu ‘Music Speaks’.  Kif spjegatli hija stess dan huwa kunċert li jippromwovi inklużżjoni fis-soċjeta’ u ser isir b’kollaborazzjoni ma’ diversi artisti fosthom l-protagonista pjanista Alessia Bonnici. Alessia hija n-neputija tagħha, tifla ta’ tlettax-il sena bl-awtiżmu li ser tkun qed iddoqq l-ewwel kunċert uffiċċjali tagħha. ‘Music Speaks’ ser isir Palazzo de la Salle fis-16 ta’ Settembru fil-17.30. Il-biljetti jistgħu jiġu bbukkajti minn fuq Eventbrite. Kull kunċert huwa esperjenza unika għaliha.

    Ta’ min jgħid ukoll li bis-saħħa tal-pjanu, Marcelle daqqet f’diversi kunċerti fl-Ingilterra, l-Amerka, Italja u naturalment anke Malta.  Staqsejtha liema kienu l-aqwa kunċerti li daqqet fihom s’issa.  “Kull kunċert huwa esperjenza unika għalijja, sew jekk qed indoqq għal ftit minn nies, kif ukoll jekk qeda ndoqq għal sala mimlija.  Inħossni xxurtjata li għandi l-kapaċita’ li noffri dawn l-mumenti ta’ espressjoni mużikali lil udjenza, u fl-istess ħin dejjem inħoss li nieħu ħafna lura mill-enerġija tal-udjenza stess.  Il-kunċerti ta’ Malta jinħassu daqsxejn iktar speċjali għax dejjem ikun hemm aktar uċuħ familjari fl-udjenza, għalijja sensazzjoni sabiħa ħafna. Mument partikolari li dejjem jġibli tbissima huwa kunċert li daqqejt fil-Fitzwilliam Museum ġewwa Cambridge fl-Ingilterra, li tant kemm attendew nies li dawk n-nies li ma sabux siġġu poġġew mal-art, u niftakar li ġiet okkupata l-art tal-main gallery kollha tant li kienet kemmxejn diffiċli biex nsib passaġġ minn fejn stajt ngħaddi biex npoġġi mal-pjanu u nibda l-kunċert”, stqarret miegħi Marcelle.

    Mistoqsija jekk ix-xogħol tal-pjanu hux il-ħobża tagħha ta’ kuljum, Marcelle nfurmatni, “Kull xogħol li jiena nvoluta fih dejjem ikollu konnessjoni diretta mal-mużika.  Għandi passjoni kbira li nferrex l-għarfien li akkwistajt matul is-snin, u nfatti t-tagħlim iżommni mpenjattiva ħafna. Nagħti lezzjonijiet individwali tal-pjanu lil studenti ġewwa żewġ skejjel, kif ukoll mmexxi studio ta’ studenti privati li jvarjaw minn tfal sa adulti u saħansitra anzjani fl-età, minn livell bażiku sa livell avvanzat”.

    Fuq nota ġenerali ddiskutejt magħha dwar kemm taħseb fl-opinjoni tagħha għadux popolari l-pjanu fit-tagħlim taż-żgħażagħ illum il-ġurnata.  “L-età żagħżugħa hija waħda kritika, waħda ta’ għażliet li jaffettwaw l-karriera u l-ħajja taż-żgħażagħ.  Iltqajt u ħdimt ma’ żgħażagħ b’attitudnijiet differenti lejn l-istudju tal-pjanu.  Hemm minnhom li bdew ta’ età żgħira u jixtiequ jkomplu l-istudji tal-pjanu serjament, oħrajn li jdoqqu għal pjaċir u biex jaqtgħu mill-kumplament ta’ l-istudji u oħrajn li għandhom jibdew jitgħallmu jaqraw l-mużika u jdoqqu.  Kwalunkwe student, ikun x’ikun l-livell u l-għan tat-tagħlim, irid ikollu dik l-kurżità naturali li jixtieq jiskopri aktar, huwa serju u ffukat fuq l-istudju u għandu kwalitajiet oħra bħal dixxiplina u determinazzjoni. Mill-esperjenza tiegħi ltqajt u għallimt diversi żgħażagħ li għandhom din it-tip ta’ kilba u motivazzjoni għat-tagħlim u qatt ma nieqaf ninkuraġġihom biex isibu ħin biex jiddedikawh għat-tagħlim mużikali”, stqarret miegħi.

    Ħolqot app mużikalment edukazzjonali: Playing with Spike

    Interessanti l-fatt ukoll li l-imħabba lejn il-pjanu waslitha wkoll sabiex ħolqot app għal tfal bejn sitt sa ħdax-il sena. L-app jisimha Playing with Spike u hija mużikalment edukazzjonali.  Ħallejt f’idejha sabiex telabora aktar fuqha.  “Playing with Spike hija app li tikkonsisti minn kollezzjoni ta’ ħmistax-il kapitlu, ddisinjata biex titniżżel fuq tablets, li tgħallem livell bażiku kif tinqara l-mużika u kif jindaqqu melodiji sempliċi fuq keyboard żgħir jew l-app stess.  Kull kapitlu għandu narrazjoni li tevolvi madwar it-tifel protagonist li jismu Spike. L-istejjer tan-narrazzjonijiet huma sempliċi, per eżempju, Spike jirrakkonta x’tgħallem fil-lezzjoni tal-pjanu lil sħabu jew drabi oħra fejn propju qiegħed jirċievi lezzjoni, u b’dan l-mod jevolvi l-kontenut mużikali ta’ kull kapitlu. Waqt li tinqara n-narrazzjoni, jiġu jidhru illustrazzjonijiet ħelwin tal-karattri u li jirrapreżentaw x’ikun qed jiġri fl-istess storja. Fl-app ukoll jinstabu diversi attivitajiet f’forma ta’ mini-games li jinfurzaw l-kontenut mużikali li jiġi ntrodott f’kull kapitlu, fosthom prattika ta’ tpinġija ta’ noti u simboli mużikali, daqq ta’ melodiji sempliċi fuq keyboard, improviżżazzjoni, ċapċip u kant ritmiku u kompożizzjoni ta’ melodija qasira”, spjegatli b’mod dettaljat Marcelle.

    Ta’ min jgħid li l-app qed tintlaqa sew ferm u qiegħda titniżżel minn pajjiżi madwar id-dinja, mill-Ewropa sa l-Amerka, Ċina, Taiwan, Ġappun u l-Awstralja!

    Għal dawk interessati fiha, din l-app tista titniżżel minn fuq App Store u Google Play.  Filfatt hemm demo version bl-ewwel kapitlu b’xejn u l-app ser jinqasam fi tlett apps bil-ħlas - part 1 ikun fiha kapitli 1-5, part 2 ikun fiha kapitli 6-10 u part 3 ikun fiha kapitli 11-15.  Filfatt sirt naf li kull app tista titniżżel għal €1.50 minn fuq l-App Store jew Google Play.  “L-app hija ta’ benefiċċju għat-tfal biex jiġu introdotti għal mużika b’mod interattiv li jikkumplimenta ħafna metodi ta’ tagħlim tradizjonali li hawn fuq is-suq. Ninkoraġġi lil għalliema biex jużaw l-app, hija tista tintuża bħala metodu ta’ tagħlim minnha nfiha, kif ukoll taħdem sewwa bħala attivita edukattiva mużikali.  L-app hija wkoll ideali biex tintuża mit-tfal id-dar u sservi għal dawk l-ġenituri li ma jafux jaqraw mużika u li jixtiequ jitgħallmu l-bażi tal-qari tal-mużika. Playing with Spike toffri opportunita` biex l-ġenituri jevalwaw l-interess li għandhom it-tfal biex jitgħallmu l-pjanu, qabel ma l-ġenituri jinvestu iktar flus f’instrument propju u f’lezzjonijiet mużikali. Finalment Playing with Spike tipprovdi mezz ta’ kif membri ta’ familja jistgħu jqattgħu ħin flimkien b’mod pjaċevoli w edukattiv”.

    B’kurżita fuqi u għall-benefiċċju tal-qarrejja stess, ridt inkun naf dwar il-proċess sabiex tinħoloq app.  Immaġinajt li huwa simili ħafna għal kif awtur jippubblika ktieb.  Iżda ħallejt f’idejha sabiex telabora aktar.  “Meta ġietni l-ispirazzjoni li nġib din l-idea realtà, bdejt nikteb l-kontenut, din l-biċċa hija simili tal-proċess għal kif tippubblika ktieb fis-sens li l-kontenut irid jinħoloq. Wara din l-parti tal-proċess bdejt nfittex u napplika għal diversi fondi biex jissaportjaw dan l-proġett kif ukoll bdejt nfittex nies professjonali f’qasam differenti biex jiffuraw parti mit-team li kelli bżonn, per eżempju, illustrator biex ipinġi kull illustrazzjoni (hemm qrib mija), graphic designer biex jiddisinja l-grafiċi kollha li jinsabu fl-app, leħen attriċi biex tirrekorja l-audios tan-narrazzjoniijiet kollha, sound engineer biex jirrekordja n-narazzjonijiet u kull ħoss ieħor li joħrog mill-app, website developer biex joħloq website ddedikata għal app u ovvjament app developers biex jiktbu l-coding tal-app u jpoġġu dan ix-xogħol kollu fi prodott wieħed.  Kif tista timmaġina huwa proġett pjuttost kbir b’ħafna trufijiet li ħa ż-żmien tiegħu pero kuntenta ħafna bil-prodott finali li rriżulta bl-app ta' Playing with Spike! Għal min jixtieq jesplora ftit iktar dan l-kunċett jista jagħti titwila għal website: www.playingwithspike.com 

    Fl-aħħarnett, Marcelle xtaqet tgħaddi messaġġ lill-qarrejja kollha.  Ninkoraġġixxi ħafna lil kull min għandu ħajra li jitgħallem idoqq l-pjanu jew kwalunkwe instrument mużikali.  Qatt ma huwa tard li tibda, permezz tal-mużika tista ssib sens ta’ liberta` u sodisfazzjon sabiħ immens.  Il-mużika hija arti li sservi bħala mod kif tista tesprimi ruħek b’mod distint mill-modi ta’ komunikazzjoni abitwali, mod li kważi kważi jkollok tesperjenzah biex vera tifhem l-emozzjonijiet li tirċievi u tħoss. Dan d-don għalijja huwa ta’ valur immens u wisq prezzjuż”, temmet tgħidli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0