“Nifhem li r-Russi ma kinux kuntenti… nibqgħu kommessi li nżommu l-aħjar relazzjoni magħhom”

  • Apr 21, 2019 17:15
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela spjega ma’ inewsmalta li bħala pajjiż aħna nagħmlu ħilitna biex inżommu l-aħjar relazzjonijiet ma’ kull pajjiż. Primarjament din hi parti mill-ħidma li jagħmel il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Madankollu, spjega li pajjiżna jkollu wkoll jieħu ċerta pożizzjonijiet, kemm bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell nazzjonali. Spjega li meta jsir hekk, ikun hemm min jieħu gost u min le u qal li dan hu proprju dak li ġara fil-każ li qed iseħħ fil-Venezwela. Il-Ministru Abela qal li l-pożizzjoni ta’ Malta hi differenti minn dik tar-Russja, filwaqt li hi l-istess bħal dik tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Ministru Abela kkonferma li Malta kellha żewġ talbiet biex ajruplani jtiru mill-ispazju tagħna biex mis-Sirja jmorru l-Venezwela. Spjega li dawn it-talbiet ġew irrifjutati. Barra minn hekk, semma li kien hemm talba oħra għal bastiment biex jgħaddi minn Malta iżda din ġiet irtirata mill-Ambaxxata Russa f’Malta. Il-Ministru qal li d-deċiżjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward kienet konsistenti mal-pożizzjoni politika tagħna. 

    Għalhekk, il-Ministru qal li f’dan il-kuntest jista’ jifhem li r-Russi ma kinux kuntenti, iżda stqar li min-naħa ta’ Malta se nibqgħu kommessi li nżommu l-aħjar relazzjonijiet possibbli mar-Russja.

    “Mossa ta’ nuqqas ta’ ħbiberija”

    Il-Ministru Carmelo Abela rreaġixxa b’dan il-mod wara li staqsejnieh dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem meta Kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Baranin Russu, Maria Zakharova qalet li l-fatt li Malta rrifjutat l-ajruplan Russu milli jidħol fl-ispazju tal-ajru Malti kienet mossa ta’ nuqqas ta’ ħbiberija. 

    Il-kelliema qalet li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Maltin kienet waħda li mhix skont il-prattiċi standard u qalet li dawn għandhom implikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħbiberija. Ma naqsitx ukoll milli tgħid li r-Russja se tkun qiegħda tikkonsidra dan kollu fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi. 

    Zakharova qiegħda tinsisti li Malta rrifjutat dawn l-ajruplani u l-bastiment mingħajr ma tat ebda raġuni.

    Sadanittant, il-kwistjoni tinsab għaddejja wkoll fuq il-midja soċjali. Wara li Malta rrifjutat lil dawn l-ajruplani milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżna, kellimha mid-dipartiment tal-istat fl-Istati Uniti tellgħet tweet fejn qalet li ċċapċap lill-Gvern Malti talli rrifjuta milli jħalli ajruplani Russi milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru biex jissupplixxu lir-reġim fil-Venezwela. Talbet biex il-pajjiżi kollha jagħmlu bħal malta biex iwaqqfu l-appoġġ Russu lejn il-President tal-Venezwela Nicolas Maduro. 

    Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu kien pront irreaġixxa għal dan il-kumment u ppubblika tweet fejn qal li l-Istati Uniti tagħmel sew li tibqa’ ċċapċap għax għall-inqas dan ma jagħmilx ħsara. Il-messaġġ kien jgħid ukoll li r-Russja qiegħda tipprova bis-saħħa kollha biex iżżomm idejn l-Amerikani milli jagħfsu l-grillu. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0