Filmat: L-ekonomija ċirkolari, l-emissjonijiet u l-kuntatt mal-kostitwenti... L-MEP Miriam Dalli f’taħdita mal-ġurnalisti tal-Union Print

  • Apr 21, 2019 14:11
  • Miktub minn iNews
"

    Ftit tal-ġranet ilu, il-Membru Ewroparlamentari Miriam Dalli, żaret il-kamra tal-aħbarijiet ta’ L-Orizzont u IT-TORĊA u inewsmalta ġewwa l-Belt Valletta, fejn fost l-oħrajn ddiskutiet il-ħidma tagħha s’issa fi ħdan il-Parlament Ewropew, ix-xena politika lokali u internazzjonali preżenti, kif ukoll l-ikbar ostakli li bħalissa qegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropeja.

    Dalli tkellmet dwar il-liġi li għada kif ġiet iffirmata biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-dijossidu tal-karbonju (CO2), u l-bidla modali għal vetturi li jhammgu inqas f’Malta u fil-bqija tal-istati membri. “Mingħajr dubju, din kienet waħda mill-iktar liġijiet kontroversjali li kien qiegħed jindirizza l-Parlament Ewropew, għal raġunijiet ovvja. Dan huwa settur li jolqot fost l-ikbar setturi industrijali fid-dinja: mhix biss dawk tal-manifattura tal-karozzi, iżda wkoll l-industrija tal-karburant u ż-żejt, tal-manifatturar ta’ ċertu komponenti ta’ karozzi, tal-batteriji eċċ.”

    “Għamilna iktar minn sena u nofs naħdmu fuq din il-liġi, fejn iltqajna ma’ entitajiet, rappreżentanti, imprendituri u negozjanti minn kull settur sew f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Il-pressjoni kienet b’saħħitha ħafna, fosthom anke mill-Gvernijiet tal-ikbar pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropeja li kellhom interess kbir biex jibqa’ l-istatus quo, però li liġi bħal din kienet pass importanti, kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u kif ukoll għal dawk futuri.”

    Il-Membru Ewroparlamentari saħqet kif il-mentalità dwar l-użu tal-vetturi , dwar l-iskart u t-tibdil tal-klima “ma tinbidilx mil-lum għal għada, però huwa kambjament li jseħħ matul iz-zmien

    “Però fl-istess ħin, nemmen verament fiż-żgħażagħ tagħna, u fil-kapaċità tagħhom biex naslu għall-bidla. Kull meta nitkellem u niltaqa maż-żgħażagħ u mal-istudenti ġewwa l-iskejjel Maltin, u anke dawk barranin, dejjem napprezza l-fatt li huma verament konxji mill-isfidi li għandna, filwaqt li qegħdin jipproponu s-soluzzjonijiet b’ħeġġa liema bħalha.”

    Miriam Dalli saħqet li l-bidla tista’ sseħħ b’żewġ modi,  “Jew direttament mis-suq, jew b’politika li kapaċi tinforza din il-bidla. Għalhekk hemm bżonn li nkomplu niddiskutu fuq fejn sejra l-ekonomija. Din tinkludi l-futur tal-industrija, aktar innovazzjoni u anke l-ekonomija ċirkolari. Marbuta ma’ dan il-ħtieġa li jkollna ħaddiema mħarrġa f’industriji tal-futur inkluż industriji diġitali u anke dawk manwali bħas-snajja, settur li pajjiżna għandu jkompli jindirizza.   

    “Sena u nofs ilu, kont ngħid mingħajr tlaqliq li ma kienx hemm għarfien biżżejjed fuq il-kwalità tal-arja, fuq il-bżonn ta’ ekonomija ċirkulari, u fuq  it-tibdil tal-klima. Illum, iċ-ċaqliq qiegħed jidher: Anke l-fatt li qiegħed ikollna lill-Prim Ministru jgħid li sa’ data fissa, jrid ikollna anqas karozzi li jhammgu fit-toroq tagħna, huwa pass ‘il quddiem.”

    Dalli saħqet ukoll fuq il-possibilità li fl-elezzjonijiet li ġejjin, ikun hemm numru ikbar ta’ Membru Ewroparlamentari minn partiti popolisti u estremisti: “Uħud jistaqsu għalfejn għandna sitwazzjoni fl-Ewropa fejn il-partiti tradizzjonali tilfu l-popolarita, u r-raġuni hija sempliċi: Għax tilfu l-kuntatt dirett man-nies. Forsi hija sitwazzjoni li Malta ma tantx hija familjari magħha, però r-realtà hija li jiena ġieli ltaqgħu miegħi għaqdiet non-governattivi u attivisti minn pajjiżi differenti, għaliex kien iktar faċli għalihom jitkellmu miegħi, milli r-rappreżentanti tagħhom stess.”

    “Dan is-sentiment ta’ aljenazzjoni mal-kostitwenti sfortunatament tħalla jikber ħafna, u issa, dawn il-partiti popolisti li għandhom kuntatt ħafna ikbar u b’saħħtu mal-għeruq tal-poplu, qegħdin iwasslu n-narrattiva iktar effikaċi. Issa jekk jirnexxielhomx iwettqu dak li jgħidu, storja oħra.”

    Bħala appell lill-votanti Maltin, Dalli saħqet fuq il-bżonn li l-Maltin ikollhom rappreżentanza b’saħħitha, ta’ nies li għandhom f’moħħhom l-interess tal-pajjiż. Matul dawn l-aħħar ħames snin, għal ħafna drabi, kellek tliet persuni jiġbdu ħabel, u tlieta jiġbru ħabel ieħor. Konsistentament, fuq kwistjonijiet li kienu qegħdin jolqtu lil pajjiżna b’mod dirett, id-differenza bejn il-Membri Ewroparlamentari kienet viżibbli għal kulħadd.”

    “Matul il-ħames snin li ġejjin, il-poplu Malti jrid jaċċerta li l-pożizzjoni Maltija fi ħdan l-Unjoni Ewropea tkompli tissaħħaħ, u dan jista’ jseħħ biss jekk min ikun elett f’dawn l-elezzjonijiet, ikun front wieħed maqgħud. Ma jistax jkun li jkollna Membri Ewroparlamentari inkonsistenti, li l-ewwel jitħabbu ma’ persuni bħal Gomes u Giegold, li jikkritikaw lil pajjiżna għall-iskopijiet tagħhom, imbagħad jiddisassoċjaw rwieħhom dak il-ħin li Giegold jagħmel dak li konna ilna li pprivedejna mill-bidu nett, u jsemmi t-tnedija ta’ proċeduri ta’ Artiklu 7 kontra Malta. Għallinqas, hemm bżonn ta’ Membri Ewroparlamentari li huma konsistenti.”

    Filmat u ritratti: Alan Saliba

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0