“Fiex Temmen Josianne Cutajar?”

  • Apr 21, 2019 13:11
  • Miktub minn iNews
"

    Friska mis-sottomissjoni f’Għawdex tan-nomina tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn b’sodisfazzjon ġiet nominata mill-Kandidati għall-Kunsill Lokali tan-Nadur, fil-jum tas-Sibt Dr Josianne Cutajar ippreżentat dokument bil-politika li temmen fiha u li trid li jkollha ċ-ċans li twettaq fl-Unjoni Ewropea.

    Fid-dokument li ppreżentat Cutajar elenkat il-ħames pilastri ewlenin, li ħarġu mid-diskussjoni man-nies fl-ibliet u l-irħula: l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, il-migrazzjoni u viżjoni għal Għawdex.

    Kif jixhed l-attiviżmu tagħha u l-messaġġ b’saħħtu li qed twassal matul din il-kampanja, il-ħidma favur l-ugwaljanza hija fil-mira ta’ Dr Josianne Cutajar. Hija qalet li b’ugwaljanza ma jfissirx li nġelldu l-interessi ta’ kategorija u oħra. Ugwaljanza lanqas ma tfisser li nsiru lkoll l-istess, qalet Cutajar, iżda li bil-miżuri li nieħdu f’pajjiżna u madwar l-Unjoni Ewropea kulħadd ikollu l-istess opportunita’ li jgħix ħajtu kif jixtieq, li jizviluppa t-talenti u l-karriera tiegħu kemm jixtieq u li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-familja tiegħu.

    Il-ġustizzja soċjali hija l-bażi tat-twemmin politiku ta’ Dr Josianne Cutajar. Għaldaqstant issir enfasi fuq l-għanijiet soċjali tal-proġett Ewropew u kif iridu jkunu membri parlamentari Ewropej li jinteressahom mill-ġid tal-familja, tkun ta’ liema daqs u għamla tkun, li jerġgħu jpoġġuhom fuq nett tal-aġenda Ewropea. Cutajar sostniet li l-ekonomija trid isservi l-bżonnijiet tal-familja moderna ta’ llum u dan jista’ jsir billi nassiguraw l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol u bilanċ aħjar bejn il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ.

    B’impenn biex jiġu ssalvaggwardjati u mtejba l-pensjonijiet u b’aktar żvilupp ta’ programmi edukattivi l-aktar għal familji li jiffaċċjaw sfidi soċjali, sostniet Cutajar, nistgħu negħlbu l-esklużjoni fost l-aktar vulnerabbli nkluż l-anzjani u t-tfal.

    Fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni dinjija tgħix f’żoni urbani, Dr Josianne Cutajar qalet li neħtieġu ippjanar serju u wiesgħa biex filwaqt li nipproteġu l-ambjent naturali, intejbu l-kwalita` tal-ħajja tagħna anke fil-qalba tal-ibliet u rħula. Hija rreferiet ukoll għal fondi u programmi Ewropej li jistgħu jintużaw biex jiżdied l-użu ta’ mezzi tat-trasport alternattivi u aktar nodfa li jistgħu jgħinuna biex nilħqu l-mira li nnaqsu b’mod sinjifikanti l-emissjonijiet li jniġġsu.

    Minkejja s-sensittivita` tas-suġġett tal-migrazzjoni, Dr Josianne Cutajar qalet li n-nies jixraqilhom li t-tħassib ġenwin għas-sigurta` tagħhom ma jaqax fuq widnejn torox u għalhekk jeħtieġ li jkollna rappreżentanti li minflok ma jiddejqu jiddiskutu temi delikati, ifittxu li jsibu soluzzjonijiet fit-tul.

    Filwaqt li faħħret l-attitudni tal-Gvern Malti fid-deċiżjonijiet ad hoc li ttieħdu riċentament, li fi kliemha juru l-umanita` u d-determinazzjoni politika ta’ pajjiżna,  hija sostniet li neħtieġu bidliet fir-regoli ta’ Dublin u rimedji fit-tul. Cutajar laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar dwar aġenzija ġdida Ewropea li se tkun responsabbli mit-tiftix u s-salvataġġ u mill-kontroll tal-fruntieri. Madanakollu saħqet li biex naraw differenza tanġibbli din l-aġenzija jeħtieġ li tinvesti fil-faċilitajiet ta’ lqugħ tal-istati membri kollha u tieħu ħsieb hi d-distribuzzjoni ekwa u ġusta tal-persuni li jkunu qed ifittxu ażil.

    Dwar il-mod kif qed nilqgħu persuni ta’ nazzjonalitajiet diversi fis-suq tax-xogħol lokali, Cutajar sostniet li rridu nassiguraw kundizzjonijiet tax-xogħol adekwati għal kull min jgħix u jaħdem f’Malta biex anke nassiguraw li kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji ma jirriskjawx post il-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Sadanittant fissret kif nistgħu nagħmlu ħafna biex nippromwovu l-ilsien, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna bħala mezz ta’ inklużjoni fost elementi diversi f’pajjiżna. Fi kliemha, dan iżid l-armonija ta’ bejnietna f’pajjiżna u jsaħħaħ is-servizzi li jingħataw mill-intrapriżi lokali.

    Il-kandidata Għawdxija  f’isem il-Partit Laburista qalet li Għawdex, għaliha u għal dan il-Gvern, huwa prijorita`. Fissret kif irridu nikkonvinċu li minkejja s-suċċess ekonomiku pajjiżna għad għandu bżonn jibbenefika minn fondi Ewropej biex isaħħaħ ir-ritmu tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ żoni bħal Għawdex. Cutajar qalet li rridu niġġieldu l-idea ta’ One Size Fits All li tirrenja fl-Unjoni Ewropea, għax dak li jgħodd għall-pajjiżi u bliet enormi mhux neċessarjament ikun fl-interess tal-karatteristiċi partikolari li għandu post ċkejken bħal Għawdex.

    B’konnettivita` aħjar, b’mezzi differenti tat-trasport, b’impenn biex jiżdied ix-xogħol u xogħol ta’ kwalita` f’Għawdex, u b’aktar għajnuna lill-bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin, nistgħu nsaħħu l-iżvilupp soċjali u tal-ekonomija Għawdxija filwaqt li nipproteġu l-karattru tradizzjonali, l-ambjent naturali u d-delizzji li jsawwru lil Għawdex.

    Din hi l-politika li tagħti s-setgħa, qalet Dr Josianne Cutajar – is-setgħa lill-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea billi nipproteġu ismu mill-attakk sistematiku li għaddej fuqu, is-setgħa lil post ċkejken bħal Għawdex li jixraqlu attenzjoni speċjali, liż-żgħażagħ, lill-familji, lit-tfal, lill-ħaddiema u lill-ġenerazzjonijiet futuri.

    Il-politiku responsabbli huwa dak li jaħseb mhux fil-ġudizzju fuqu skont dak li jagħmel fil-preżent, imma fuq il-pajjiż u s-soċjeta` li jħalli warajh, temmet tgħid Josianne Cutajar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0