Filmat: Il-GWU tarka ta' xogħol flessibbli u workforce b'saħħitha

  • Apr 21, 2019 07:55
  • Miktub minn iNews
"

     

    Wara li l-Parlament Ewropew approva b'maġġoranza kbira d-direttiva tal-Work Life Balance, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja jemmen li għandu jinbeda l-proċess ta' implimentazzjoni u sostna li bħala Union se jibdew jiddiskutu fil-bord tal-relazzjonijiet tal-impjieg sabiex dawn jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.

    F'dinja tax-xogħol moderna u b'aktar għarfien dwar is-saħħa mentali, il-ħtieġa ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja saret xi ħaġa fundamentali. Inewsmalta tkellmet mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union (GWU) Josef Bugeja fuq id-direttiva tal-Work Life Balance u miżuri oħra bil-għan li jinħoloq bilanċ bejn karriera u l-familja biex fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqas l-istress fuq il-ħaddiema.

    It-trobbija tat-tfal mhux tal-omm biss imma taż-żewġ ġenituri

    Il-GWU minn dejjem iġġieldet favur miżuri pożittivi għall-ħaddiema u parti mill-proċess ta' din id-direttiva kienet il-laqgħa mal-MEP David Casa sabiex tmexxi l-ħsibijiet tagħha tal-importanza li jiġu implimentati aktar miżuri favur il-familja fuq il-post tax-xogħol. Fost dawn il-miżuri, il-GWU temmen li parti mix-xahar, jew xahrejn, tal-leave wara li titwieled it-tarbija għandu jkun li l-ġenitur l-ieħor jiħodhom u mhux l-omm biss biex żgur il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fit-trobbija tat-tfal ikun wieħed ugwali. Is-Segretarju Ġenerali qal li permezz t'hekk il-GWU tkompli tixpruna ħalli twassal il-messaġġ li t-trobbija tat-tfal mhix tal-omm biss imma taż-żewġ ġenituri. Fil-fatt huwa enfasizza li wieħed għandu jitkellem fuq il-kunċett ta' ġenituri minflokk it-termini bażiċi ta' missier u omm.

    Huwa spjega li l-leave tal-maternità huwa importanti għall-omm li tkun weldet minħabba saħħa u sigurtà biex terġa' tirkupra saħħitha imma dan m'għandux iwaqqaf li l-ġimgħat l-oħra milli jiħodhom il-missier jew il-ġenitur l-ieħor meta jkunu koppja tal-istess sess. Is-Segretarju Ġenerali sostna li b'hekk verament wieħed ikun qed iħaddan it-terminu tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-ġenituri fit-trobbija u fid-doveri tal-familja tagħhom. Bugeja qal li jiddejjaq meta wieħed jgħid li r-raġel jgħin lill-mara biex tnaddaf, bħallikieku nwaqqgħu l-livell tal-mara bħala l-attur prinċipali tat-tindif u r-raġel huwa dak li jgħin meta fil-verità l-affarijiet għandhom jinqasmu b'mod ugwali. Huwa jinsab pożittiv li s-soċjetà qed tinbidel u ħeġġeġ lil kulħadd biex ikompli jaħdem f'din id-direzzjoni.

    Dan huwa proprju dak li tixtieq twettaq din id-direttiva u l-GWU se tkompli taħdem favur dawn il-miżuri li qegħdin hemm biex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata. Wara kollox, il-GWU minn dejjem kienet trejdunjin li emmnet li kull benefiċċju li jingħata lill-ħaddiem ħa jarrikkixxi x-xogħol u b'dawn il-miżuri ħa tiżdied kemm il-produttività fuq il-post tax-xogħol u dik li tissejjaħ il-workforce tagħna biex ma tkunx waħda limitata. Is-Segretarju Ġenerali sostna li workforce b'saħħitha u motivata tfisser soċjetà b'saħħitha u effiċjenti.

    "mhuwiex piż iżda investiment fil-ħaddiema"

    Mistoqsi jekk jarax din id-direttiva bħala piż finazjarju fuq min iħaddem, is-Segretarju Ġenerali għal darb'oħra reġa' sostna li dan mhux minnu. Huwa xejjen il-ħsieb li dan huwa ta' piż finanzjarju għax fil-verità wieħed għandu jarah bħala investiment fil-ħaddiema. Huwa spjega li bit-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna żdiedu ukoll il-profitti tal-postijiet tax-xogħol u jekk verament min iħaddem japprezza lill-ħaddiema tiegħu m'għandu jsib l-ebda oġġezzjoni biex iħallas lill-ħaddiema tiegħu biex b'hekk ikompli jimmotivahom u jaqsam is-suċċess li qed tikseb il-kumpanija.

    Is-Segretarju Ġenerali spjega li fid-dinja tal-lum hawn ħafna aktar nisa li juru interess biex joħorġu fid-dinja tax-xogħol u permezz ta' dawn il-miżuri favur il-familja se jkun possibbli biex issir integrazzjoni tal-affarijiet biex il-ġenitur ikun jista' jrabbi lil uliedu u jkompli bil-karriera. Huwa qal ukoll li huwa importanti li wieħed jifhem li din id-direttiva ma tiffukax biss fuq it-trobbija tat-tfal imma speċjalment fuq il-ħarsien tal-ġenituri.

    "il-flessibbiltà timmotiva lill-ħaddiema"

    Mistoqsi kemm jara l-flessibbiltà bħala kunċett importanti fid-dinja tax-xogħol tal-lum, huwa qal li dan huwa wieħed ferm importanti u trid tkun hemm speċjalment meta qed ngħixu f'ekonomija globalizzata fejn il-maġġorparti tal-postijiet huma 24 siegħa għaddejjin kuljum u qed jikkompetu ma' post ieħor fejn il-ħin huwa differenti. Huwa spjega li jekk ikun hemm ġenitur li jrid iwassal lit-tfal f'ħin preċiż u dan ma jkunx possibbli f'wieħed mill-postijiet tax-xogħol, il-ħaddiem ma jkollu l-ebda għażla oħra ħlief li jfittex post tax-xogħol ieħor li joffri din il-possibiltà. Huwa għalhekk li l-flessibiltà ħa tgħin biex verament timmotiva lill-ħaddiema biex ikomplu juru lealtà u jkomplu juru l-impenn tagħhom lejn il-kumpanija fejn qed jaħdmu.

    Is-Segretarju Ġenerali spjega li qabel kien hemm xettiċiżmu minn dawk li jħaddmu għax beżgħu li b'hekk ħa jaħrab il-kontroll tagħhom. "Iżda ġew l-istess employers u mhux talli waqqfu l-flessibiltà talli żieduha. Tant kellhom workforce motivata li għenet biex jinkiseb is-suċċess tal-kumpanija. Illum il-ġurnata r-riżors uman huwa l-aqwa riżors li jaf jitlaqlek u jmur għand xi ħadd ieħor."

    Il-GWU taħdem għal aktar miżuri favur il-ħaddiema

    Is-Segretarju Ġenerali semma' kif f'kull baġit bħala Union tressaq il-proposti tagħha għal diversi miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg. Wieħed jista' jsemmi l-proposta ta' dak li huwa l-medical leave għal persuni li jkunu għaddejjin minn trawma tal-kanċer biex ikollhom leave speċjali u jkunu jistgħu jiehdu l-kura meħtieġa mingħajr problemi.

    Mistoqsi jekk jixtieqx jara miżuri oħra li jiġu implimentati biex jitnaqqas l-istress fuq il-post tax-xogħol, Bugeja spjega li l-GWU kellha diskussjoni mal-MEP Alex Agius Saliba dwar il-kampanja 'The right to disconnect'. F'dinja tax-xogħol mgħaġġla, huwa faċli li wieħed jinsa li apparti s-saħħa fiżika li tidher hemm ukoll is-saħħa mentali. Sfortunatament il-mard mentali huwa wieħed li ma jidhirx imma huwa b'saħħtu biżżejjed li jista' jkisser u jmermer lill-persuna.  Is-Segretarju Ġenerali qal li l-GWU kienet l-ewwel trejdunjin li fformulat policy rigward is-saħħa mentali u spjega kif anke bħala uffiċjali tal-Union qed jieħdu korsijiet biex jitgħallmu aktar fuq dan is-settur. Il-GWU minn dejjem tippromwovi u tadmet biex tissalvagwardja b'mod pożittiv is-saħħa mentali tal-impjegati tagħha, uffiċjali eletti u membri. Tirrikonoxxi li l-problemi tas-saħħa mentali fuq ix-xogħol, b'mod partikolari l-istress, huma kwistjoni organizzattiva li l-GWU għandha r-responsabbiltà li tindirizza.

    Is-Segretarju Ġenerali fisser li s-saħħa mentali hija importanti u permezz ta' diskussjoni mal-Malta Employers Association l-GWU qed tifformula konferenza u proġett għax, kif qal Bugeja, is-saħħa mentali taffettwa kemm it-trejdunjins u kemm min iħaddem.

    Is-Segretarju Ġenerali spjega kif "qed nindunaw kemm ħafna mill-ħaddiema qed jibqgħu għaddejjin jaħdmu anke mid-dar jew ikollhom iwieġbu l-imejls u t-telefon.

    Huwa fatt magħruf li diversi postijiet tax-xogħol qed jispiċċaw b'ħaddiema li jsofru dak li jissejjaħ burnout. B'hekk li bħala Union qed naħdmu favur din il-kampanja ta' 'The right to disconnect' biex wieħed jkollu biżżejjed ħin x'jiddedika għall-familja mingħajr l-obbligu li jkompli jirrispondi l-imejls jew iwieġeb it-telefon. B'dan il-mod il-ħaddiem ikun qed issaħħaħ saħħtu u ma jaffettwax lill-familja tiegħu."

    Huwa qal li bħala GWU dejjem timmira biex tipprovdi ambjent tax-xogħol fejn l-impjegati jistgħu jitkellmu b'mod miftuħ dwar il-problemi tax-xogħol u tas-saħħa mentali tagħhom u jirrappurtaw diffikultajiet mingħajr biża' ta' diskriminazzjoni jew tpattija.

    Bugeja spjega kif bħala Union ressqet il-proposta u qed tiddiskuti jekk tkomplix tressaq din il-proposta għall-Parlament jew tkompli b'diskussjoni flimkien mal-Onor. Helena Dalli li diġà wriet li hija pożittiva dwar din il-proposta. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali spjega kif fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jiltaqgħu mal-MEUSAC biex tassew il-kampanja 'The right to disconnect'  tkompli tifformula u verament ikollna biex niftaħru li għandna workforce b'saħħitha u motivata li jfisser soċjetà b'saħħitha u effiċjenti.

    Filmat: Alan Saliba 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0