[INTERVISTA] L-ewwel mara li qatt iżżewġet lilha nnifisha

  • Apr 20, 2019 15:54
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Laura Mesi hi mara Taljana ta’ 40 sena li ftit taż-żmien ilu ddeċidiet li tiżżewweġ. Forsi tistaqsu x’fiha daqshekk speċjali mill-eluf ta’ żwiġijiet oħra li jseħħu kull sena. Tajjeb li tkunu tafu li ż-żwieġ ta’ Laura kien differenti għax hi ddeċidiet li tiżżewweġ lilha nnifisha. 

    Dan iż-żwieġ ġibed l-attenzjoni ta’ diversi sezzjonijiet tal-midja minn postijiet differenti tad-dinja u għalhekk għamilna kuntatt ma’ Laura biex tirrakkontalna iżjed dwar din l-esperjenza tagħha. 

    Laura tispjega li ftit aktar minn sentejn ilu, hi kienet qiegħda titkellem ma’ sħabha u qaltilhom dawn il-kliem minn qalbha li “jekk sa sentejn oħra ma niltaqax mal-prinċep tal-ħolm tiegħi, allura naħlef li niżżewweġ… anke jekk waħdi.” Tispjega li hi xtaqet tgħix dik il-ġurnata bħala prinċipessa… anke mingħajr ma jkun hemm il-prinċep tal-ħolm tagħha.   

    Kien hawn li hi ħabbret din id-deċiżjoni lill-familja u lill-ħbieb kollha tagħha, minbarra lil oħtha Emanuela li tant tafha sew li ndunat mal-ewwel li kienet se tagħmilha vera. Kulħadd baqa’ jħares lejha mbellaħ u mingħajr ma seta’ jemmen. 

    Laura tistqarr li forsi kienet għażla daqsxejn lil hinn min-normal u forsi anke deċiżjoni li tixxokkja lin-nies. Madankollu, tispjega li kienet għażla li għamlet bil-ħsieb u anke minkejja li kienet taf li mhux kulħadd se japprovaha. Tispjega li għaliha kien importanti li ma tħallix lil min għandu moħħu magħluq biex jgħidilha li l-ħolm tagħha hu kbir wisq u għalhekk din kienet ir-risposta għal min beda jikkritika u jiġġudika l-għażla li għamlet. 

    L-aħjar żmien biex tiċċelebra l-imħabba għaliha nnifisha

    Mistoqsija għaliex iddeċidiet li tagħmel dan il-pass meta għadha daqshekk żagħżugħa, Laura qalet li kieku għamlet dan il-pass ta’ 20 sena, allura żgur li ma kienx ikun jagħmel daqshekk sens. Min-naħa l-oħra, tispjega li llum li għandha 40 sena tħoss li leħqet l-indipendenza ekonomika tagħha, il-post tagħha fis-soċjetà, saret esperta fix-xogħol li tħobb u għandha esperjenza vasta tal-ħajja u tal-imħabba. Għalhekk tħoss li kien l-aħjar żmien biex tiċċelebra l-imħabba li għandha għaliha nnifisha. 

    Minkejja li żżewġet lilha nnifisha, Laura xorta baqgħet temmen fl-istejjer tal-ħolm, iżda tħoss li dik il-persuna speċjali għaliha ma teżistix. Tistqarr li minkejja li tispera li din teżisti, min-naħa l-oħra ma tantx temmen li teżisti. Però, Laura tispjega li jekk dan ir-raġel tal-ħolm jeżisti u jirnexxielha tiltaqa’ miegħu, hi xorta ma taħsibx li terġa’ tiżżewweġ għax il-ġurnata speċjali ta’ ħajjitha diġà għexitha. Madankollu, kieku tkun kuntenta li taqsam ħajjitha kollha miegħu. 

    Erba’ xhur torganizza t-tieġ waħedha

    Dwar iċ-ċerimonja tat-tieġ, Laura qalet li l-organizzazzjoni damet għaddejja erba’ xhuru ħadet ħsieb kollox hi. Stqarret li hi riedet li kollox ikun sorpriża għal kulħadd. Sar riċeviment id-dar tagħha, imbagħad iż-żwieġ żvolġa f’ristorant u wara għamlu wkoll ikla. 

    Fir-ristorant, Laura għamlet il-mixja tagħha bħala għarusa, għamlet diskors fil-bidu u mbagħad għamel diskors ħabib tagħha li ċċelebra dan iż-żwieġ. Wara kien imiss li għaxar tfajliet ħbieb tagħha jesprimu l-ħsieb tagħhom dwarha. Tirrakkonta li din kienet parti kommoventi, fejn sħabha qalulha ħafna kliem ta’ rispett, imħabba u stima. Wara kien imiss lil żewġt itfal li jtellgħulha ċ-ċurkett tat-tieġ u mbagħad saritilha l-mistoqsija tant mistennija jekk tridx tiżżewweġ lilha nnifisha. Laura tirrakkonta li wara ċ-ċerimonja mbagħad qagħdu jiżfnu, jieklu u jerġgħu jiżfnu sas-2.00 a.m. Ħaġa oħra li spikkat fit-tieġ ta’ Laura hu l-fatt li biddlet ħamest ilbiesi matul is-serata u għamlet diversi korjografiji peress li hi taħdem bħala fitness trainer. 

    Staqsejna wkoll lil Laura dwar kif ħaduha l-għeżież tagħha. Laura spjegat li fil-bidu ħuha kien kuntrarju ħafna. Madankollu, waqt iċ-ċerimonja spiċċa kommoss bħall-kumplament tan-nies.  

    Dwar iċ-ċerimonja, Laura tispjega li din m’għandha ebda valur legali u saret f’ristorant. Madankollu, tispjega li l-fatt li żżewġet jagħmilha mara kuntenta… bħalma dejjem kienet. 

    Kif taħsibha Laura dwar l-imħabba

    Mistoqsija x’taħseb dwar l-imħabba, Laura qalet li meta persuna terfa’ r-responsabbiltà assoluta, mingħajr kompromessi u tħobb bis-serjetà, ikun hemm li l-ġentilezza, il-konsiderazzjoni u r-responsabbiltà fil-konfront tal-oħrajn isiru xi ħaġa sempliċi u naturali. Issostni wkoll li meta nħobbu lil xulxin, l-imħabba lejn l-oħra tiġi mingħajr sforz. 

    Għalhekk issostni li hu essenzjali li fuq kollox jirnexxielna nħobbu lilna nfusna, kemm jekk irridu li jirnexxielna nħobbu lil persuna oħra u kemm jekk irridu li nkunu maħbubin ġenwinament minn oħrajn.  

    Laura tistaqsi jekk aħna ma nkunux l-ewwel nies li nħobbu lil xulxin, għalxiex għandhom iħobbuna l-oħrajn. Tispjega li persuna li tkun tħobb lilha nnifisha ma jfissirx li tkun narċiżista. Tisħaq li l-imħabba vera titlob li tnejn min-nies jaqsmu, jaħsbu u jaġixxu fl-interess komuni u skont ir-realtà. Min-naħa l-oħra, tispjega li n-narċiżiżmu jitlob li persuna tkun egoċentrika u dan iwasslu biex jiċħad milli jingħata lil ħaddieħor u jaqsam xi ħaġa li hi tiegħu ma’ ħaddieħor. Laura ssostni li din mhix imħabba. 

    Tkompli tistaqsi kif tista’ persuna qatt taħlef li se tħobb għal ħajjitha lil persuna oħra. Stqarret li persuna tkun taf x’inhi tħoss dak il-ħin u x-xewqa tkun li l-persuna tibqa’ ma’ dik il-persuna. Madankollu, issostni li persuna kif tista qatt tkun ċerta. 

    Laura ssostni li hu minnu li żmien ilu, meta kienu jsiru ż-żwiġijiet, dawn kienu jibqgħu għal dejjem. Tispjega li kienet komuni li n-nies jiċċelebraw it-30 u l-50 sena miżżewġin, imma tistaqsi għalxiex kienu jiġru dawn l-affarijiet u ma baqgħux. Tistaqsi wkoll jekk naħsbux li dawk ta’ qabilna kienu jibqgħu flimkien għax kienu jħobbu daqstant lil xulxin jew inkella għax kienu wegħdu hekk lil Alla. 

    Hi ssostni li fir-realtà temmen li ħafna minnhom, l-aktar fosthom in-nisa, kienu obbligati li jibqgħu ma’ żewġhom għax ħafna ma setgħux ikunu indipendenti ekonomikament, għax jekk kien ifalli żwieġ kien ikun falliment għall-familja u għax hekk kellu jkun. 

    Laura ssostni li l-mara ma kellhiex il-libertà li tagħżel irwol soċjali differenti minn dak li ngħatalha mill-kultura taż-żmien, jiġifieri li tkabbar it-tfal, tieħu ħsieb lir-raġel tagħha, tieħu ħsieb id-dar u tmantni l-familja magħquda akkost ta’ kollox. 

    Fir-rigward tagħha nnifisha, Laura qalet li tixtieq tkun is-simbolu tal-ferħ. Tħoss li hi persuna speċjali u għalhekk tħoss li r-raġel li taqsam ħajjitha miegħu jrid ikun daqstant speċjali. Barra minn hekk, issostni li kulħadd hu magħmul minn enerġija u għandu skop partikolari fuq din id-dinja. Min-naħa tagħha, Laura ssostni li l-iskop tagħha hu li tirregala tbissima lin-nies sbieħ kollha li tiltaqa’ magħhom f’ħajjitha u din hi l-missjoni li tixtieq twassal.  

    Dwar ir-relazzjonijiet f’ħajjitha, Laura spjegatilna li kienet f’relazzjoni li damet 12-il sena. Tistqarr li hu sabiħ li taqsam ħajtek, il-ħolm, l-interessi tiegħek, l-emozzjonijiet, l-ideat u l-ħajja ta’ kuljum ma’ xi ħadd. Issostni li temmen fl-imħabba vera u tistqarr li hi qatt ma qalet li mhix se tħobb ebda raġel. Anzi tgħid li m’għalqitx il-bibien għad-dinja maskili, imma laħqet l-għarfien u s-serenità li tista’ tkun kuntenta anke waħedha. 

    Tispjega li l-kapaċità li persuna tkun waħedha trid timxi id f’id mal-kapaċità li tħobb. Tgħid li din hi verità eżistenzjali, fejn huma biss dawk il-persuni li kapaċi joqogħdu waħedhom li mbagħad huma kapaċi li jħobbu, jaqsmu ma’ ħaddieħor, li jmissu l-intimità tal-persuna l-oħra, mingħajr ma jagħmlu pussess fuqha, mingħajr ma jsiru dipendenti fuqha u mingħajr ma jġibuha qisha oġġett. 

    Laura tħoss li l-imħabba hi lussu u abbundanza. Tħoss li jkollok tant enerġija u ħajja fik li ma tkunx taf iżjed x’se taqbad tagħmel biha u allura taqsamha ma’ ħaddieħor. Iżżid li l-imħabba tfisser li jkollok f’qalbek ħafna melodiji xi tkanta, li ma jinteressakx jekk xi ħadd iridx jismagħhom. Fuq kollox, Laura ssostni li hi biss persuna li tgħix sew waħedha li tkun kapaċi tidħol f’relazzjoni, għax ma jkollhiex il-bżonn li tidħol fiha u tagħmilha għax vera tridha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0