“Aktar kemm ikollna studenti jistudjaw ilsna differenti tant aħjar”

  • Apr 20, 2019 15:15
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Il-Ministru Evarist Bartolo dwar l-introduzzjoni tat-tagħlim taċ-Ċiniż f’Malta… Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Lingwa Ċiniża…

    Mill-2015 fl-iskejjel Maltin ġiet introdotta l-lingwa Ċiniża fost l-għażla ta’ lingwi li l-istudenti tagħna jistgħu jagħżlu bħala parti mill-edukazzjoni tagħhom. Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Evarist Bartolo jemmen li, “aktar kemm ikollna studenti li jistudjaw ilsna differenti, tant aħjar għax minbarra li jiskopru pajjiżi u ċiviltajiet ġodda, dawn jistgħu javvanza iżjed fil-karrieri tagħhom u pajjiżna jibni relazzjonijiet kummerċjali u kulturali aħjar ma’ pajjiżi oħra”.  

    Ta’ kull sena f’dan il-jum jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Lingwa Ċiniża, li hija waħda mis-sitt lingwi uffiċjali tal-Ġnus Magħquda. Fl-20 ta’ April jittellgħu għadd ta’ attivitajiet li juru s-sbuħija u l-istorja kulturali unika ta’ din il-lingwa. 

    Il-Ministru Bartolo qal lilna li f’Malta l-lingwa Ċiniża hija mgħallma fil-Kulleġġ St Aloysius, fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ Santa Margarita, kif ukoll fil-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Iċ-Ċiniż fil-Kulleġġ San Aloysius qiegħed jiġi mgħallem fil-livell tal-Primarja fis-6 Sena, lil 75 student bħala introduzzjoni u fis-sekondarja bħala lingwa magħżula minn 33 student ieħor.

    Statistika maħruġa mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni turi kif minn mindu ġiet introdotta din il-lingwa fl-iskejjel tagħna, jiġifieri fl-2015-2016, f’livell sekondarju kien hemm total ta’ 16-il student li għażlu din il-lingwa fil-kurrikulu edukattiv tagħhom. Fl-2016-2017 dawn telgħu għal 34 student; fl-2017-2018 kien hemm 38 student, mentri għal din is-sena skolastika n-numru ta’ studenti li qegħdin jitgħallmu ċ-Ċiniż huwa ta’ 33.

    Fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ Santa Margarita, hemm grupp żgħir ta’ tliet studenti fit-Tmien Sena li wkoll qegħdin jitgħallmu l-lingwa Ċiniża.

    Niċċelebraw il-Jum Dinji tal-lingwa Ċiniża

    Il-Ġnus Magħquda u l-organizzazzjonijiet affiljati magħha jtellgħu avvenimenti biex iżidu l-għarfien tal-kultura u l-istorja unika tal-lingwa Ċiniża fil-jum dinji ddedikat għaliha. Fl-20 ta’ April ta’ kull sena jsiru għadd ta’ workshops u seminars jinkludu xogħolijiet kbar minn poeti u kaligrafi Ċiniżi. Barra minnhekk attivitajiet oħra li jsiru madwar id-dinja kollha jinkludu kunċerti ta’ mużika Ċiniża, spettakli tal-arti marzjali u esebizzjonijiet tal-kaligrafija.

    Il-Jum Dinji tal-Lingwa Ċiniża mhuwiex festa uffiċjali u għalhekk in-negozji, l-iskejjel u l-uffiċini governattivi jaħdmu bħas-soltu.

    Promozzjoni ta’ multi kulturaliżmu 

    Il-Ġnus Magħquda għandha sitt lingwi uffiċjali li huma - l-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol fejn kull lingwa għandha l-jum iddedikat għaliha. F’dawn il-ġranet il-ĠM u l-affijati tagħha jippromowovu l-multi kulturaliżmu u tagħlim tal-kulturi differenti billi jżidu l-għarfien tal-istorja kulturali u letterarja li għandha kull lingwa.

    Id-data skont il-kalendarju Gregorjan li fiha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Lingwa Ċiniża jikkorrispondi ma’ ‘Guyu’ jew Rain of Millet fil-kalendarju Ċiniż. F’dan il-jum jiċċelebraw Cangiie, l-istorku tal-qedem li huwa akkredidat li vvinta s-simbloli Ċiniżi.

    L-ewwel darba li kien iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Lingwa Ċiniża kien fit-12 ta’ Novembru tal-2010 iżda sena wara din id-data tmexxiet għall-20 ta’ April. 

    F’Malta bħalissa għandna attivitajiet minn żewġ instructors Ċiniżi

    Sadanittant infakkru li proprju f’dan il-perjodu f’pajjiżna għandna fostna żewġ instructors Ċiniżi li qegħdin jagħtu lezzjonijiet tat-Tai Chi lil kull min interessat f’din l-arti. Il-mistednin Ye Xuan u Ye Feng qegħdin ikunu fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u s-Swieqi, kif ukoll se tittella’ l-attività prinċipali fil-Belt Valletta fejn fis-27 ta’ April se tittella’ ġurnata sħiħa ddedikata għall-attività sportiva tat-Tai Chi. 

    Dawn l-attivitajiet qegħdin jittellgħu miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta u l-Malta Martial Arts Association (MMAA) b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi, in-Network of International Cultural Entities, il-Ministeru għall-Kultura u t-Turiżmu taċ-Ċina u l-Wang Zhanjun Tai Chi School fiċ-Ċina.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0