L-MCAST jiċħad l-allegazzjonijiet li ġie xolt il-kumitat tar-riċerka

  • Apr 20, 2019 09:42
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST ċaħad l-allegazzjonijiet li qegħdin isiru fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni li l-kumitat tar-riċerka ġie żarmat. 

    F’intervista ma’ inewsmalta, l-amministrazzjoni tal-MCAST spjegat li mhux biss dan il-kumitat ma żżarmax, talli nħolqot struttura ġdida li tagħti l-possibbiltà lil iżjed nies biex jieħdu sehem fir-riċerka. It-tmexxija tal-MCAST qalet li għal diversi snin kien hemm advisory committee, iżda issa l-MCAST biddel l-istruttura u żied ma’ dak li kien hemm. Intqal ukoll li dwar dan ġew informati l-membri kollha u ġew anke mistiedna biex jieħdu sehem fil-kumitati tar-riċerka l-ġodda. 

    Dwar l-istruttura l-ġdida, l-MCAST sostna li llum dak il-kumitat iż-żgħir sar il-fergħa strateġika. Jispjega li minnha jiġu deċiżi baġits u d-direzzjoni li qiegħda tieħu l-MCAST. Jgħid ukoll li din il-fergħa tikkomunika mal-bord tal-gvernaturi u mal-eżekuttiv biex flimkien jagħtu direzzjoni. Dwar is-sitwazzjoni ta’ qabel, intqal li din biss kienet teżisti u ma kinitx biżejjed. Kien għalhekk li l-MCAST żied kumitat f’kull istitut, fejn inħolqu sottokumitati li għandhom bħala ċerpersin lid-direttur tal-istitut rispettiv. 

    Ikompli jingħad li fl-imgħoddi, dan il-kumitat kien joħroġ biss b’ideat li ħadd ma kien jimplimenta. Għalhekk ingħad li kien hemm staġnar għax l-ideat tajbin ma kinux jiġu implimentati. Filwaqt li n-nies inbidlu u ċ-ċermen ta’ dan il-kumitat ma baqax jaħdem l-MCAST, kien deċiż li tinbidel l-istruttura.  

    Għalhekk it-tmexxija tal-MCAST qalet li n-nies inbidlu għax inbidlet l-istruttura tal-maniġment u l-kumitat ta’ riċerka nbidel għax ir-riċerka fi ħdan l-MCAST għandha bżonnijiet varji. Ġie spegat li kemm jista’ jkun hemm bżonn ta’ parteċipazzjoni wiesgħa biex isiru aktar proġetti. Però, kien iċċarat li l-allegazzjoni li dan il-kumitat tneħħa jew iżżarma mhix vera. Minflok, l-MCAST qal li qed jieħu direzzjoni iżjed ħolistika. 

    L-MCAST qal li d-direzzjoni għandha timxi skont id-direzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, li toħloq u tixpruna l-ideat, fosthom id-direzzjoni tar-riċerka li l-MCAST jieħu. Ġie spjegat li hu importanti biex l-istituti fl-MCAST ikunu involuti direttament fir-riċerka. Għalhekk, ingħad li din l-informazzjoni ġiet imqassma lil-lekċerers kollha, li jammontaw għal staff akkademiku ta’ madwar 500 persuna. L-MCAST sostna li ilhom ġimgħat sħaħ jispjegawlhom u issa qegħdin anke jduru l-istituti kollha individwalment biex jerġgħu jispjegaw l-opportunità ta’ involviment fil-qasam tar-riċerka. 

    L-MCAST qalu li sal-aħħar tal-2018, meta kien għad hemm il-kumitat l-ieħor, l-unika lekċerers li kellhom sigħat ta’ riċerka kienu xi ħamsa minn 500 persuna, waqt li mill-1 ta’ Jannar bl-għajnuna ta’ baġit miksub, issa kulħadd jista’ jieħu din l-opportunità. L-MCAST qal li bis-saħħa ta’ dan il-baġit, il-kunċett tar-riċerka se jkun għodda biex l-istudenti jingħataw opportunità aktar xierqa.

    Kompla jingħad li filwaqt, li l-baġit għar-riċerka sal-aħħar tal-2018 kien ta’ ftit investimet, l-MCAST qed jaħdem b’responsabbiltà biex jinvesti b’mod sostanzjali u l-baġit ikun jixraq lill-bżonnijiet ta’ istitut ta’ edukazzjoni vokazzjonali. Barra minn hekk, ingħad li wieħed għandu jisħaq li r-riċerka tant hi importanti li llum il-ġurnata hemm anke deputat prinċipal bi rwol partikolari, biex jiffoka fuq ir-riċerka.

    L-MCAST qal li qed jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni anke bil-mod kif ġiet magħġuna l-istruttura, biex tinfetaħ il-possibbiltà għal 500 persuna li jixtiequ jipparetiċipaw. Għalhekk ingħad li mhux ġust li tingħata stampa li l-MCAST qed jagħlaq ir-riċerka. 

    L-MCAST kompla jsostni li hemm trianglu ieħor li jinvolvi l-fondi tal-Gvern u dawk minn istituti akkademiċi privati li jkunu jridu jagħmlu r-riċerka. Spjega li fl-imgħoddi l-MCAST ma kellux dawn il-possibbiltajiet imma minn din is-sena se jkollu. L-MCAST qal li qed jieħu pożizzjoni li għandu jkun strumentali għal riċerka bi ftehim u qbil b’parteċipazzjoni diretta mal-industrija. 

    Fost proġetti ta’ riċerka, l-MCAST semma li sentejn ilu nfetaħ il-Water Research and Training Centre. Ingħad li dan infetaħ bix-xejn, fejn l-MCAST ħa laboratorju tal-fiżika, applika għall-fondi tal-ERDF u minn hemm kisbu nofs miljun ewro bħala fondi għall-apparat. Applikaw ukoll għall-fondi tal-proġetti H2020 li minnu kisbu kwart ta’ miljun ewro ieħor u wara ġabu €300,000 oħra. Ġie spjegat li b’sistema li dejjem jibnu ftit ftit, b’xogħol għaqli u kompetenti fuq dan il-proġett offrew opportunità ta’ tagħlim għal-letturi u l-istudenti. Għalhekk l-MCAST qal li qiegħed idur fuq 200 jew 300 persuna u jagħtihom il-ħin biex jinkiseb aktar. 

    L-MCAST spjega li qed jinnota li ħafna lekċerers jibqgħu lura mir-riċerka, peress li qatt ma kienu involuti fiha. Għalhekk ingħad li minn sentejn ilu ‘l hawn fetħu l-kors Post Graduate Certificate in Research Methods. Dan il-kors hu b’xejn għal-lekċerers kollha li jixtiequ jidħlu għalih. Sena ilu kien hemm 40 persuna li daħlu għalih u din is-sena reġa’ hemm l-istess ammont. B’dan il-mod, il-lekċerers mhux biss se jkunu jafu kif jagħmlu r-riċerka, iżda se jagħtu l-provi li qegħdin jagħmluha. 

    L-MCAST isostni li l-kulleġġ qed joffri gwida lil-lekċerers kif jirriċerkaw u minn hemm ra l-bżonn li dawn jitgħallmu anke jippubblikaw ix-xogħol tagħhom. Spjega li kien għalhekk li nħolqot pubblikazzjoni interna bil-pubblikazzjonijiet tar-riċerkaturi. L-MCAST spjega li r-riċerka tista’ tiġi mgħoddija lil-lekċerers mill-MCAST jew inkella l-lekċerers jistgħu jissuġġerulhom riċerka huma nnifishom. Spjega li din tista’ tkun parti minn xi proġett tal-Unjoni Ewropea jew inkella ta’ msieħba li jitolbu għal ċerta ammont ta’ lekċerers biex jidħlu fiha. Fost l-oħra ta’ eżempju fejn ikun hemm bżonn riċerka dwar il-microplastics u jkun hemm bżonn ammont ta’ lekċerers minn tax-xjenzi applikati biex jaraw min jixtieq jidħol fiha. 

    Min-naħa tiegħu, l-MCAST li hu kulleġġ vokazzjonali, jirrikonoxxi li l-lekċerers kollha għandhom esperjenza fl-industrija. Jispjega li huma jkunu jafu x’qed jiżviluppa fl-industrija u għalhekk huma jkunu jistgħu jgħidulhom x’nuqqasijiet ta’ riċerka hemm fl-industrija. Jispjega li l-lekċerers jgħinu lill-istudenti x’riċerka hemm bżonn li tkun relevanti mal- bżonnijiet fl-industrija, biex b’hekk b’dan il-mod kemm jista’ jkun jintleħqu l-opportunitajiet kollha li jeżistu.

    L-MCAST spjega wkoll li nbidlet il-websajt u fiha qiegħda tinġabar ir-riċerka kollha li qiegħda ssir, kemm mill-istudenti, kif ukoll mil-lekċerers. L -MCAST kien jimplimenta s-sillabi li jagħtihom ħaddieħor, iżda issa qegħdin jinnotaw li dawn mhux se jsolvi l-problemi li huma relatati mas-suq tagħna u għalhekk illum bil-masters imnedija f’oqsma vitali għall-pajjiż, dawn jistudjaw affarijiet relatati ma’ pajjiżna.

    L-MCAST qal li din l-istituzzjoni għandha 18-il sena, u wasal iż-żmien li ir-riċerka tkun miftuħa biex jinkiseb aktar għarfien. Ingħad li f’dawn iż-żminijiet, sar tant żvilupp ekonomiku b’rata daqstant mgħaġġla u dan jagħti responsabbiltà biex l-MCAST ikun protagonist fir-riċerka. L-MCAST qal li jrid jikber biex min jiġi wara jsib bażi soda. Għalhekk qal li l-intenzjoni hi li jinbena pedament qawwi biex jibqa’ f’saħħtu matul is-snin li ġejjin u dan ifisser sigħat twal ta’ riċerka u xogħol. 

    Dwar ir-rilevanza ta’ din ir-riċerka, l-MCAST qal li din għandha rilevanza kbira. Ġie msemmi li f’każ partikolari l-MCAST ġie avviċinat minn SME ta’ persuna waħedha. Din il-persuna tkabbar l-għasel. L-MCAST isostni li dan is-sid tal-kumpanija qalilhom li xtaq jespandi l-operat tiegħu u l-unika art li toffri potenzjal kienet fl-inħawi tal-ajruport. Kien hawn li l-MCAST qabbad student li l-proġett tat-teżi tiegħu kien li jiftiehem mal-ajruport u ma’ dan is-sid tan-negozju biex jipprovaw isibu soluzzjoni tajba għal kulħadd. 

    L-MCAST qal li l-ajruport wera interess, però tahom sett ta’ kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-proġett, fosthom l-għoli tal-pjanti, l-ammont ta’ ilma li jikkonsumaw, eċċ. Għalhekk l-istudent ried isib pjanta li hi addattata skont dawn il-kundizzjonijiet. L-MCAST stqarr li l-MIA, li għandhom flus kbar, qalu li jistgħu jkabbru l-għasel, filwaqt li jużawha fir-reklamar bħala kumpanija li tħeġġeġ il-konservazzjoni tan-naħal. Min-naħa l-oħra, l-MCAST sostna li l-istudent irnexxielu jingħaqad ma’ SME ikbar u mistenni jmur tajjeb ukoll fit-teżi tiegħu. 

    Għalhekk, l-MCAST qal li mhux ġust li qed jingħata stampa negattiva, waqt li l-kritika għandha tkun kostruttiva. L-MCAST qal li dejjem jitlob lin-nies biex jersqu ‘l quddiem bl-ilmenti tagħhom, u għalhekk iħeġġeġ biex l-ideat differenti jiġu magħġuna biex joħorġu l-aħjar. L-MCAST qal li jekk irid jikber, ir-riċerka hi importanti. Sostna li filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jagħfas ħafna fuq ir-riċerka, għalhekk l-MCAST ma jistax ikun post edukattiv li ma jagħmilx ir-riċerka.

    L-MCAST isostni biex kulħadd ikun sinċier u jneħħi l-aġendi moħbija. Qal li l-intenzjoni għandha tkun li l-ideat jiġu diskussi madwar mejda u li kull riċerka għandha tkun appoġġjata. 

    L-MCAST spjega li l-ftehim kollettiv tal-MCAST iħalli lok li kulħadd jagħmel ir-riċerka u għalhekk sostna li ma setax ikun li wara tliet snin kienu biss ftit min-nies bis-sigħat ta’ riċerka. Qal ukoll li dak li sar kienet xi ħaġa innovattiva mmens u qiegħda tattira lil kulħadd. Barra minn hekk, l-MCAST qal li ġab baġit u li l-Gvern qed japprezza dan l-impenn. Ingħad ukoll li l-Gvern jaf li hemm miri Ewropej li jridu jintleħqu, fejn suppost 2% tal-Prodott Domestiku Gross ikun investiment fir-riċerka. L-MCAST qal li bħalissa qegħdin fil-livell ta’ 0.5%, u issa l-MCAST se jibda jkun parti minn dak it-2%. 

    L-MCAST saħaq li l-lekċerers għandhom l-għażla dwar kif jagħmlu r-riċerka, fejn jista’ jkollhom sigħat ta’ riċerka bħala parti mis-sigħat tax-xogħol tagħhom. Ġie spjegat li nħolqot tabella bil-massimu ta’ sigħat li jistgħu jagħmlu bħala riċerka, fejn wieħed għandu jifhem li l-piż finanzjarju hu wieħed partikolari. Wara dan kollu, l-MCAST qal li dan se jgħin biex l-MCAST jilħaq l-għan ta’ istituzzjoni vokazzjonali li jixpruna l-bidla fil-qasam edukattiv.

    L-MCAST qal li jinsab qrib li jniedi l-Associate Professorships u l-Professorships, fejn ilu xhur jiltaqa’ mal-unjin u jinsab qrib ta’ ftehim dwar id-dokument. L-MCAST qal li jixtieq li dawn l-opportunitajiet jkunu għal bixra ta’ letturi, li biex jaslu f’dan il-livell bilfors iridu jagħmlu r-riċerka u mingħajrha ma jistgħu jaslu hemm. 

    Fl-aħħarnett, l-MCAST saħaq li l-kritika negattiva hi inġusta. Qal li m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li l-MCAST qed jiġi akkużat li qed jagħti kwalifiċi li mhumiex approvati mill-NCFHE. Qal li l-Education Act jikkonfermaw dan, filwaqt li sostna li l-NCFHE kkonfermat li l-kwalifiċi tal-MCAST huma kollha approvati. L-MCAST qal li jilqa’ l-kritika, u min-naħa l-oħra ħeġġeġ biex kulħadd jaħdem flimkien għall-ġid tal-istudent. L-MCAST qal li jħares biex ikun pożittiv, u sostna li filwaqt li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tar-rwol tiegħu, il-kisbiet tal-istudenti għandhom jingħataw prijorità. 

     

    “Allegati manuvri li jagħmlu l-ħsara”

    Intant, persuni li tkellmu ma’ inewsmalta allegaw li dak li qed jiġri fl-MCAST bħalissa jekk joħloq konfużjoni u taħwid li qed jiddemoralizza kemm lill-ħaddiema, kif ukoll lill-istudenti. Dawn il-persuni allegaw li l-membri tal-kumitat tar-riċerka ta’ qabel qatt ma ġew informati li kienet se tinbidel l-istruttura, filwaqt li sostnew li dan juri li mhux vera qiegħda ssir konsultazzjoni. 

    Il-persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta allegaw li wara dan kollu jista’ anke jkun hemm allegati manuvri biex il-Gvern jidher ikrah il-qasam tal-edukazzjoni. Sostnew li filwaqt li Gvern Laburista qed imexxi l-pajjiż, dan mhux l-istess fl-MCAST, fejn qalu li allegatament għad hemm klikka ta’ nies li kienu anke f’pożizzjonijiet importanti fil-Partit Nazzjonalista u li baqgħu jżommu kollox taħt idejhom. 

    Dwar il-kumitat tar-riċerka li kien hemm qabel, dawn il-persuni qalu li qabel kien hemm mad-disa’ persuni li jiddiskutu u jevalwaw it-tip ta’ riċerka li kienet issir. Allegaw li minn issa r-riċerka se tkun qiegħda tiġi evalwata minn persuna jew tnejn. 

    L-istess persuni allegaw li minkejja li l-MCAST qiegħed jibni faċċata li tidher sabiħa u f’ċerti żminijiet anke kien jirreklama lilu nnifsu bħala Università, fil-verità dan hu kulleġġ li qatt ma rnexxielu jikseb il-liċenzja biex isir Università. Fil-fatt, il-persuni li tkellmu magħna allegaw li min suppost kellu jġib il-liċenzja biex l-MCAST isir dik li hi msejħa “University College” ma rnexxilux u llum minflok tneħħa, qiegħed ikompli jingħata l-fiduċja. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0