Aġġornat: “Rajt id b'arma dieħla mill-bieb” - Bint il-vittma

  • Ġun 11, 2013 10:19
  • Miktub minn
"

    19.00: Hekk kif wara nofsinhar kompla l-ġuri ta' David Zerafa kien hemm, fost oħrajn, ix-xhieda ta' Deborah Grech, bint il-vittma. Hi tkellmet dwar kemm il-mewt ta' missierha affetwata tant li anke fl-iskola marret lura.

    Grech qalet li għall-ħabta tal-22.00, kienet fil-kċina ma' ommha u ma’ ħuha. Hawn semgħu ħoss ta’ sparatura u ħafna għajjat li għal bidu ħasbuh ċajta. “Ommi fetħet il-bieb u kif fetħet il-bieb, nara id b’arma dieħla mill-bieb. L-arma rajtha. Li rajt kienet qisha forma ta’ kanna. Imbagħad ommi, qisha pprovat tagħlaq il-bieb u għalqitu. Jien ma rajtx uċuħ,” kompliet it-tifla tal-vittma.

    Qalet li ommha kif għalqet il-bieb daħlet biex iċċempel lil Marija li kienet toqgħod fuqhom, għax ħasbu li kienet ċajta. Wara fetħu l-bieb u raw il-bagalja ta' missierha fuq in-naħa tax-xellug tal-bieb. “Indunajna li missieri kien diġà wasal id-dar. Kien hemm ħafna maltemp u ma smajnihx tiela',” kompliet ix-xhud.

    Hi żiedet tgħid kif bdew neżlin fit-taraġ , fejn kien hemm ħafna demm. Żiedet li hi telgħet tiċċekkja l-bejt xi darbtejn. Wara l-omm qaltilhom li sabet lill missierhom mejjet. Wara, Deborah Grech ċemplet lill-emerġenza u flimkien ma ħuha nieżlu fejn ommhom.

    “Lil ommi sibniha fil-garaxx u lil missieri rajnieh b’ħafna demm. Kien hemm ħafna demm fit-triq. Bqajna hemm sakemm ġew il-Pulizija,” kompliet tirrakonta Deborah Grech.

    “Qatt ma bqajna noqogħdu l-flat. Dak iż-żmien kont f’nofs l-O levels u kważi żarmajt mill-iskola ħafna drabi. Affetwatni ħafna l-mewt ta’ missieri. Dak li kien responsabbli għalih missieri imbagħad sar responsabbiltà tagħna,” qalet bint il-vittma.

    Illum xehdet ukoll il-ġara tal-familja Grech, Marija Scicluna li kienet toqgħod fl-istess blokka flats tagħhom.

    Scicluna qalet li dakinhar kienet qed tistudja għax l-għada kellha eżami. “Kien riħ qawwi. Smajt qisu sparatura fil-qrib. Però kienet qisha ftit fgata. Ftit qabel ma smajt din l-isparatura smajt il-bieb tal-garaxx jingħalaq bl-idejn. Kont naf li Dr Grech kien ġie għax hu kien jidħol fid-dar. Imbagħad smajt għajjat li dejjem kien qiegħed jitbiegħed. L-għajjat kien qisu ta’ xi ħadd qiegħed jokrob. F’dak il-ħin ħsibt li ġrat xi ħaġa, mort fuq il-kamra ta’ wara u ċempilt lil għarus tiegħi u għedtlu ġara xi ħaġa u għedtlu li ħija kien qiegħed barra jara film,” qalet ix-xhud.

    Qalet li wara ċemplet lil ħuha li kien maz-zijiet tagħha u qaltlu biex iqabbadha ma zitha li qaltilha biex tibqa' ġewwa u li hi sejra għand il-pulizija. Sadanittant kienet ċemplitilha Marija Grech, mart il-vittma u saqsitha semgħetx il-ħsejjes.

    Qalet li wara t-telefonata semgħet lil Marija u lit-tfal ħerġin u semgħet ħafna għajjat. “Imbagħad mort fil-kamra ta’ quddiem u malli mort fil-kamra ta’ quddiem, smajt in-nies isfel u għaraft leħen iz-zija. Imbagħad wara ftit telgħu l-Pulizija u z-ziju magħhom. Jien dejjem bqajt ġewwa u smajt biss, ma rajt xejn. Lili niżżluni mil-lift. Imbagħad kien hemm Pulizija u ħadli l-ewwel stqarrija. Imbagħad daħħluni fil-karozza u bqajt hemmhekk. Ma qalulix li Dr Grech kien miet,” kompliet Scicluna fix-xhieda tagħha.

    12.27: Hija xena makabbra dik li rrakkonta t-tabib Mario Saliba. Saliba kien iċċertifika lill-vittma mejjet fuq il-post tad-delitt. It-tabib Saliba spjega kif hu sar jaf min hu l-vittma biss wara li ra l-qraba tiegħu fuq il-post. Saliva spjega kif moħħ il-vittma kien miftuħ u dan konsegwenza tad-daqqiet li qala'.

    IKTAR QABEL: Il-ġuri fil-konfront ta' David Zerafa li hu akkużat bil-qtil tal-Avukat Michael Grech illum daħal fit-tieni jum tiegħu.

    Bħalissa fl-awla tal-Qorti qiegħed jintwera vidjo tax-xena tad-delitt, fejn fih jidher l-avukat Grech wiċċ 'l isfel f'għadira demm.

    L-eks spettur tal-Pulizija Marisa Camilleri qalet li kienet irċeviet informazzjoni dwar il-qtil tal-avukat Grech. Camilleri qalet li f'Ġunju tal-2004 kienet xogħol fil-control room tal-Pulizija, meta rċeviet telefonata anonima, li fiha qalulha li l-Pulizija jmisshom jinvestigaw lil Zerafa fuq il-qtil ta' Grech. Min ċempel qal ukoll li Grech kien l-avukat tal-mara ta' Zerafa u li Zerafa kien magħruf bħala persuna vjolenti.

    Il-ġuri qiegħed jinstema quddiem l-Imħallef Lawrence Quintano. Id-delitt tal-avukat Grech kien seħħ nhar il-25 ta’ Mejju tal-2004 f’Marsalforn.

    Dakinhar li seħħ il-każ, l-Avukat Michael Grech kien mar jipparkja l-karozza tiegħu fil-garaxx li hemm biswit l-appartament fejn kien joqgħod, li jinsab fi Triq Santa Marija f’Marsalforn.

    Hekk kif wasal fejn il-bieb tal-appartament fit-tielet sular, ġie avviċinat, minn agressur jew agressuri li kellhom wiċċhom mgħammad u kien aggredit, fejn jingħad li kien sparat tir.

    Ferut imma għadu ħaj Grech niżżel it-taraġ tal-appartament għall-barra, bl-aggressuri warajh. L-Avukat Grech kien imkaxkar għal garaxx ieħor li jinsab biswit tiegħu. Hawn l-aggressuri taw numru ta' daqqiet b'baseball bat lill-avukat sakemm dan miet kawża tal-ġrieħi li sofra.

    L-Avukat Malcolm Mifsud qiegħed jidher għall-akkużat.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0