L-Indja ssir saħħa globali fir-riċiklaġġ tal-karta

  • Mar 20, 2019 11:00
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Qatt ħsibtu fejn tmur il-karta li tintrema għar-riċiklaġġ fl-Ewropa u fl-Istati Uniti? Qabel kienet tmur iċ-Ċina, li kienet waħda mill-aqwa destinazzjonijiet tar-riċiklaġġ tal-karta. Madankollu, mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet ġodda fuq l-importazzjoni tal-karta mormija u ammont kbira minn din il-karta qiegħda tintbagħat l-Indja fejn qiegħda tiġi pproċessata mill-ġdid. 

    Fost l-impjanti fejn qed isir ir-riċiklaġġ hemm l-NR Agarwal fl-istat tal-Punent ta’ Gujarat. Hawnhekk il-muntanji tal-karti għar-riċiklaġġ jibqgħu telgħin sas-saqaf. Dan l-impjant hu meqjus bħala wieħed mill-akbar tad-dinja u l-iskala tal-operat hi waħda kbira. Il-ħaddiema jkollhom jużaw apparat massiv biex jifirdu l-karta, filwaqt li timijiet ta’ nisa jagħżlu l-karti skont il-qisien differenti. 

    Id-direttur eżekuttiv tal-kumpanija, Ashok Bansal jispjega li l-parti l-kbira tal-karta importata tkun ġejja mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti. Fil-fatt, fost l-iskart jintlemħu l-gazzetti Ingliżi u anke dawk Amerikani. 

    Il-karta tiġi magħżula u mbagħad tgħaddi minn fuq ċineg li jwasslu l-karta għal fejn tiġi mkissra u anke ssir likwidu. Ir-riżultat tkun massa b’lewn kaħlani li mbagħad tiġi ttrattata b’kimika u mgħoddija minn rombli kbar li jifformaw folji kbar ta’ karta bajda li tista’ terġa tintuża mill-ġdid. 

    L-impjant ma jieqaf qatt u kuljum jiżdied l-ammont ta’ karta ħażina li tiġi biex tkun riċiklata. 

     

    Ir-restrizzjonijiet fiċ-Ċina

    Ir-raġuni li minħabba fiha l-Indja qiegħda żżid daqshekk fl-ipproċessar tal-karta hi li ċ-Ċina imponiet restrizzjonijiet ġodda fuq l-importazzjoni tal-karta mormija. L-awtoritajiet sostnew li dan il-pass ittieħed biex tiġi protetta s-saħħa pubblika u l-ambjent. 

    Id-deċiżjoni, imħabbra fil-bidu ta’ din is-sena, ħalliet lill-pajjiżi tal-Punent iħabblu rashom fejn se jibagħtu l-karta biex tiġi rriċiklata. 

    Matul l-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ 200% ta’ karta użata li ġiet esportata mill-Unjoni Ewropea lejn l-Indja. Dan ġie kkonfermat mill-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej.  

    Min-naħa tal-Istati Uniti wkoll ġiet irrapportata żieda ta’ aktar minn 100% bejn Jannar u Ottubru tal-2017. 

     

    Bastimenti akbar għax żdiedet il-karta riċiklabbli

    Iċ-ċermen ta’ kumpanija tar-riċiklaġġ fir-Renju Unit jisħaq li l-kumpanija tiegħu qiegħda tuża bastimenti akbar biex tesporta lejn l-Indja. Jistqarr li l-volumi ta’ karta riċiklabbli qiegħda tiżdied bil-kbir u jħoss li l-Indja se tkompli tikber bħala suq tal-karta. 

    Jispjega li l-Indja hu pajjiż nieqes mill-materja prima, b’nuqqas  ta’ siġar u ġungli fejn minn jistgħu jġibu l-injam li minnu ssir il-karta. Għalhekk, l-Indja tiddependi fuq din il-karta mormija mid-dinja tal-Punent. 

    Ħafna mill-karta li ssir fl-Indja tintuża għall-kotba, għall-pitazzi tal-iskejjel, biex isir il-kartun u anke biex jintuża fis-settur tal-manifattura. Parti sostanzjali oħra tintuża għall-gazzetti. Fil-fatt, jidher li fl-Indja qiegħda tiżdied bil-kbir il-midja stampata. Il-bejgħ ta’ gazzetti u rivisti matul is-sena żdied minn 40 miljun fl-2006 għal 63 matul l-2016. 

    Esperti jgħidu li r-raġuni prinċipali għalfejn l-Indja qiegħda topponi l-aċċess għall-internet fuq il-mowbajls u kompjuters hi minħabba li l-Indjani jippreferu li jkollhom l-aħbarijiet imwassla d-dar kull filgħodu bħala gazzetta. 

     

    L-influss ta’ karta jbiddel l-andament tal-industrija

    Dan l-influss ta’ karta mormija li qiegħda tasal l-Indja għen l-industrija, li sas-sena li għaddiet kienet qiegħda tonqos drastikament minħabba l-iskarsità u l-prezz li kienet tiswa l-karta biex tiġi riċiklata. 

    Jidher li fl-imgħoddi kien hemm daqs kwart tal-imtieħen tal-karta li kellhom jagħlqu l-bibien għax kienet wisq għolja għalihom biex jiksbu din il-karta għar-riċiklaġġ. Illum il-ġurnata bidel kollox għax tant hemm karta li qiegħda tiġi importata li qegħdin jerġgħu jiftħu. 

    Din hi aħbar tajba għall-ekonomija Indjana għax qegħdin jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, mhux biss fl-impjanti tar-riċiklaġġ, iżda wkoll fil-portijiet u mal-kumpaniji tat-trasport li jwasslu l-karta lejn u mill-impjanti. Jidher li dan l-andament mistenni jkompli għaż-żmien li ġej. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0