It-tfajla li hi allerġika għal kollox … anke għal xagħarha stess!

  • Mar 17, 2019 19:48
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    “Dħalt diversi drabi l-isptar u spiċċajt kemm-il darba fit-taqsima tal-kura intensiva tal-isptar… dejjem nistenna x’se jkun li jikkawżali reazzjoni allerġika oħra.”

    Hekk tistqarr Natasha Coates, it-tfajla ta’ 22 sena li prattikament hi allerġika għal kollox u tbati mill-kundizzjoni rari msejħa “Mast Cell Activation Syndrome” li tista’ tkun ta’ theddida għal ħajjitha. 

    Is-sintomi huma bħal meta tingidem minn naħla u ġismek jirreaġixxi billi titlagħlek tumbata li jkun fiha l-kimika li tiġġieled il-velenu. Fil-każ ta’ Natasha, ġisimha jitlaq ħafna iżjed kimika milli suppost u ġieli anke jitlaq din il-kimika meta ma jkunx hemm raġuni għalxiex. Minħabba f’hekk, jispiċċa jkollha ħafna reazzjonijiet spontanji.

    Natasha u d-delizzju tal-ġinnastika

    Natasha għandha għal qalbha ħafna d-delizzju tal-ġinnastika. Madankollu, hi jkollha tiffaċċja diversi sfidi li tfajliet oħra lanqas biss jaħsbu fihom. La tista’ tuża’ sprejs tal-għaraq, filwaqt li jkollha titħarreġ f’ambjent tal-gym mimli bi trabijiet u ġibs. 

    Waqt li tagħmel l-eżerċizzji tagħha, minħabba l-mod kif iċ-ċelloli tagħha jaffettwaw lil moħħha, hi titlef is-sensittività mill-minkeb ‘l isfel u mill-irkoppa ‘l isfel. Allura meta tkun qiegħda tagħmel l-eżerċizzji fuq it-travu tal-ġinnastika, spiss jiġrilha li ma tkunx taf eżatt fejn qegħdin saqajha u kif qegħdin iġibu ruħhom. Madankollu, Natasha hi persistenti u għandha rasha iebsa. Tħobb wisq tipprattika l-ġinnastika u dan jgħinha biex tibqa’ għaddejja fl-aktar ġranet diffiċli. 

    Natasha tgħid li hi tagħmel ħilitha biex jirnexxielha tegħleb l-isfidi u turi li l-persuni b’diżabbiltà huma kapaċi jagħmlu l-affarijiet. 

    Bdiet b’allerġija għall-frott

    Kien fl-2012 meta Natasha bdiet issofri minn allerġiji għall-frott. Meta kienet tiekol xi tuffieħa, kienu jintefħulha xufftejha u jaqbadha l-ħakk. L-ewwel bdiet b’allerġija għat-tuffieħ, imbagħad allerġija għall-frawli u wara anke għat-tadam. Marret għand it-tabib, kif ukoll għand speċjalista, li qalulha li għandha allerġija f’ħalqha. 

    Wara sitt xhur minn dan il-każ, hi ħarġet ma’ sħabha. Ma kienet kielet u xorbot xejn ġdid li seta’ jagħmlilha d-deni, iżda xorta bdiet tħossha ma tiflaħx. Minn dak il-ħin ‘l hemm, kulma tiftakar hu li bdew jagħtuha diversi injezzjonijiet u jpoġġulha l-maskra tal-ossiġnu fuq wiċċha. Natasha ntilfet minn sensiha u qalulha li ħajjitha kienet mhedda minn reazzjoni anafilattika. 

    Qalulha wkoll li kienet reazzjoni rari u ħeġġewha biex ma toqgħodx tinkwieta daqstant fuq li ġara għax iċ-ċansijiet li terġa’ tiġrilha kienu remoti. Dan ma kienx minnu għax minn dakinhar ‘l hawn użat mal-250 Epipen, tip ta’ medikazzjoni użata waqt emerġenzi biex jiġu kkurati reazzjonijiet allerġiċi serji. 

    Allerġija għal xagħarha stess

    Natasha spiċċat tbati minn allerġija għal xagħarha stess. Meta jitwalilha xagħarha, jibda jaqbadha ħafna ħruq u jifformawlha bżieżaq bil-materja. Tweġġa’ ħafna u b’hekk jaqblilha li żżomm xagħarha qasir u tilbes parrokki differenti minflok.

    Ir-reazzjonijiet li jkollha jvarjaw. Ġieli tħossha bħallikieku ma tiflaħx, filwaqt li drabi oħra jaqbadha ħafna ħakk u ħruq ma’ ġisimha. Kultant anke jintefħulha lsienha u ġriżmejha. Biex ikollha rendikont ta’ dak kollu li tgħaddi minnu, Natasha żżomm ritratti tar-reazzjonijiet li jkollha għax ġieli tibda tinsihom. 

    Fil-ħajja ta’ kuljum, Natasha ma tistax tagħmel bosta affarijiet li jagħmlu tfajliet tal-istess età tagħha. Ma tistax tagħmel make-up u lanqas ma tista’ tixrob alkoħol. Lanqas ma tista’ tmiss l-alkoħol mal-ġilda. 

    Ommha Adele tirrakkonta li d-dar ikollha ssajjar biss affarijiet li huma siguri għal bintha. Tistqarr li minħabba f’hekk hi u żewġha għandhom limitazzjonijiet kbar fl-ikel li jistgħu jieklu hi u r-raġel. 

    Minkejja dan kollu, Natasha ma taqtax qalbha. Xorta tkompli tagħmel sforzi kbar biex tmur tajjeb fil-ġinnastika. Peress li ma setgħetx tleħħaq mal-ġinnasti li m’għandhom ebda kundizzjoni, allura ddeċidiet li tikkompeti f’kategoriji għal persuni b’diżabbiltà. Dan jippermettilha li tikkompeti, tagħmel it-taħriġ bil-pass tagħha u mingħajr ma jkollha għalxiex tagħmel iżjed sforzi milli suppost. 

    Fl-aħħar tliet snin, hi rebħet diversi midalji u trofej, fosthom anke midalji tad-deheb. Fl-2015, hi rebħet ukoll il-“Pride of Sport Awards” bħala l-aqwa persuna sportiva b’diżabbiltà tas-sena. Tħossha kburija li ġiet rikonoxxuta fuq livell nazzjonali. 

    In-nies spiss jistaqsuha kif tista’ tkun ġinnasta meta hi allerġika għall-eżerċizzju fiżiku. Tistqarr li fil-verità ma tistax tagħmel dan. Madankollu, hi tgħid li tagħmel ħafna taħriġ u tara kif iddur mas-sitwazzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi li qatt mhi se tkun l-aqwa ġinnasta tad-dinja, min-naħa l-oħra hi tieħu pjaċir tagħmel dak li tagħmel u sakemm tkun kapaċi tagħmel dan mhix bi ħsiebha tieqaf.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0