Beentouch: suċċess għal ‘startup’ Maltija li toffri software ta’ komunikazzjoni fi swieq emerġenti

  • Fra 11, 2019 15:09
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    F’pajjiżi bħall-Afrika u l-Indja, il-mowbajls u s-servizzi tal-Internet huma disponibbli. Madankollu, hu ferm diffiċli li persuna tuża software għall-komunikazzjoni, minħabba li t-teknoloġija hi waħda antika u skaduta. Għaldaqstant, l-istartup Beentouch qiegħda timmira lejn dawn is-swieq emerġenti, biex permezz tal-idea tagħhom tipprovdilhom software li jippermettilhom li jagħmlu telefonati jew telefonati bil-vidjo.

    Il-membri tal-istartup Beentouch spjegawlna li bħala kumpanija jimmiraw lejn swieq emerġenti, b’mod partikolari dawk fiż-żona tas-Sub-Sahara u fl-Indja. Spjegawlna li din l-għażla hi bbażata fuq diversi fatturi, fosthom minħabba x-xena kompetittiva li hi vantaġġjuża għalihom. Spjegaw li f’dawn il-pajjiżi hemm inqas kompetizzjoni, hekk kif software bħal Skype ma daħalx fis-suq u allura ħalla ħafna spazju għal kumpaniji li għadhom qegħdin jikbru bħal Beentouch.

    Ir-rappreżentanti ta’ Beentouch spjegaw li għal startup bħalhom hu importanti li jagħżlu suq “ħafif” u li jkollu xena kompetittiva kkontrollata. Inkella, l-aqwa possibbiltà tkun li jinxtraw minn kumpanija kbira, jew inkella fl-agħar ċans jispiċċaw mgħaffġin.

    Rigward is-swieq fejn jaħdmu, ir-rappreżentanti tal-istartup iħossu li l-popolazzjoni qiegħda tħoss li qegħdin isolvulhom problema. Spjegaw li idea tkun tajba jekk toffri soluzzjoni għal problema u din il-problema trid tkun waħda li ġġiegħel lin-nies biex iħallsu għaliha. Is-swieq li għażlu għandhom bżonn sistema bħal tagħhom u s-soluzzjoni li kellhom ma kinux tajbin daqskemm hi tajba dik li toffri Beentouch.

    Il-kelliema spjegaw li bħala startup ilhom għal diversi snin jikbru u jiżviluppaw. Is-swieq li għażlu huma ġeografikament vasti u se jibqgħu jħossu dawn il-problemi għal diversi snin. B’hekk, l-istartup se jkollha l-ispazju biex taħdem fuq innovazzjonijiet oħra u tespandi l-kumpanija.

    L-għajnuna mill-programm YouStartIT tal-MITA

    Staqsejna lil Beentouch dwar l-esperjenza li kellhom mal-MITA waqt il-programm YouStartIT. Il-kelliema qalu li l-kelma waħda li tiddeskrivi dan ix-xogħol hi “eċċellenti”. Spjegaw li bħala startup huma attendew diversi acceleration programs iżda qatt ma attendew wieħed bħal dak li toffri l-MITA. Spjegaw li kull fażi kienet waħda ttrattata fid-dettall u kull startup fil-programm kien segwit b’mod personali.

    Fil-każ ta’ Beentouch, saret analiżi dettaljata, mifruxa fuq diversi xhur, dwar l-istrateġiji għall-bejgħ fi swieq emerġenti għal prodott ġdid iddedikat għall-kumpaniji. Il-MITA pprovditilhom nies li jiggwidawhom fl-għanijiet tagħhom, b’esperjenza vasta fis-swieq tagħhom u fil-proċessi tal-bejgħ. B’dan il-mod, l-istartup irnexxielhom joħolqu mudell tajjeb li ppermettielhom biex jiżviluppaw netwerk ta’ bejgħ wiesgħa fin-Niġerja, fil-Ghana u fis-Senegal. Dan kollu kien ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, mingħajr l-appoġġ kontinwu u effiċjenti tal-MITA. Beentouch stqarrew li l-mudell Malti jaħdem u jaħdem tajjeb ħafna. 

    Il-prodotti li toffri Beentouch

    Beentouch toffri żewġ prodotti prinċipali. L-ewwel nett toffri software li joffri diversi pjattaformi u li hu disponibbli bħala websajt u anke fuq Android u iOS. Dan is-software jippermettilek li tagħmel telefonati u telefonati bil-vidjo b’xejn filwaqt li tikkonsuma biss ftit data. Is-software jaħdem ukoll b’konnessjoni tal-internet bi kwalità baxxa.

    Beentouch toffri wkoll soluzzjoni għan-negozji, magħrufa bħala Beentouch 4 Business. Din is-soluzzjoni tuża l-istess teknoloġija bħall-prodott għall-konsumaturi. Madankollu, iżżid l-appoġġ iffokat u fatturi speċifiċi relatati man-negozju. Il-prodotti li toffri Beentouch huma kollha disponibbli fuq il-websajt https://beentouch.com 

    Startup li kisbet diversi suċċessi

    Din l-istartup irnexxielha tikseb diversi suċċessi u riżultati fix-xogħol tagħha. Fost l-aktar importanti nistgħu nsemmu li fis-swieq tal-pajjiżi taż-żona tas-Sub-Sahara hemm mal-50,000 persuna li jużaw dan is-software. Barra minn hekk, Beentouch ġiet imnedija fuq il-pjattaformi kollha u anke leħqet ftehim mal-kumpanija Taljana li tippromwovi l-innovazzjoni, Comunicatica. Beentouch irnexxielhom ukoll jilħqu ftehim ma’ Huawei.

    Beentouch bi ftehim ma’ Huawei

    Rigward il-ftehim ma’ Huawei, Beentouch spjegaw li llum il-ġurnata hemm mal-100,000 persuna minn madwar id-dinja li jużaw dan is-software u allura Beentouch qiegħed installat fuq mijiet u eluf ta’ apparat elettroniku. Jirriżulta li dan is-software qed jiġi installat l-aktar fuq il-mudelli Huawei u hu l-mudell li jirrikjedi l-iżjed attenzjoni. Għaldaqstant, Beentouch qattgħu ħafna ħin jipperfezzjonaw għal dan il-mudell u dan indunaw bih Huawei Worldwide li għażluhom biex jingħaqdu magħhom fuq l-AppGallery store diġitali tagħhom. Spjega li biex tkun f’dan l-istore mhux faċli u trid tilħaq diversi kriterji u ttejjeb it-teknoloġija tiegħek kontinwament. Madankollu, il-kelliema ta’ Beentouch stqarrew magħna li dan il-ftehim għandu effett doppju. Fuq naħa qiegħed jagħti valur lix-xogħol tagħhom u fuq in-naħa l-oħra juri l-prodott tagħhom lid-dinja kollha. Stqarrew li huma kuntenti ħafna li qegħdin jaħdmu ma’ kumpanija ta’ dan il-kalibru biex ixerrdu l-innovazzjoni tagħhom.

    Beentouch jixtiequ li fil-futur isiru punt ta’ referenza fejn tidħol il-komunikazzjoni diġitali fi swieq emerġenti u jkunu huma li joffru l-opportunità lil kulħadd biex jirrelata mad-dinja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0