Uffiċjal tal-Pulizija rinfaċċat b’58 istanza ta’ sperġur

  • Fra 11, 2019 09:41
  • Miktub minn iNews
"

    Supretendent jiffaċċja allegazzjonijiet serjissimi, fosthom “li ffabrika, jew inkoraġixxa l-fabbrikazzjoni ta’ xhieda falza fi tliet każijiet kriminali differenti”…

    F’dawn l-aħħar ġranet, is-Supretendent tal-Pulizija Maurice Curmi qed jiġi rinfaċċat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati “b’xhieda falza, l-injorar ta’ evidenza medika, kif ukoll użu ħażin tal-kariga u l-uffiċċju tiegħu, biex jinkoraġixxi, jew jidħol f’konfoffa biex jiffabrika u jissottometti xhieda falza f’tliet każijiet kriminali.” Fl-istess talba, Curmi qiegħed jiġi indizzjat b’58 istanza differenti ta’ xhieda ħażina jew skorretta li huwa għamel f’żewġ każijiet differenti.

    L-Orizzont kiseb kwerela ippreżentata minn Dr Carmelo Spiteri kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fejn fiha Spiteri qiegħed jitlob li l-Kummissarju tal-Pulizija, lid-Deputat Kummissarju Mario Spiteri u lill-Assistent Kummissarju Mario Sammut jiġu mġiegħla “jitolbu r-rikuża tas-Supretendent Curmi, u li jew jiddixxiplinaw, jew jipproċedu kontrih, fuq akkużi ta’ sperġur, inċitazzjoni, s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ġurata li hija falza, frawdolenti u datata b’lura, kif ukoll theddid ta’ prosekuzzjoni fuq il-kwerelant bħala tpattija talli dan tal-aħħar rrikorra għal rimedju legali u kostituzzjonali.”

    L-isfond tat-talba ta’ Spiteri tmur lura għall-15 ta’ Lulju tal-2014, meta l-kwerelant safa attakkat minn ċertu Alfred Zahra, magħruf bħala d-Didda, f’aggressjoni mhix ipprovokata. Waqt l-attakk, Zahra uża siġġu tal-injam biex jagħti numru ta’ daqqiet fuq ir-ras, l-idejn u l-irkoppa tal-vittma, waqt li ripetutament hedded lill-vittma li kien se joqtlu. 

    B’riżultat ta’ dan l-attakk, Spiteri sofra konkussjoni, kif ukoll vertigo, uġigħ fir-ras, f’idejh u fl-irkoppa u sturdament ripetut, liema sintomi baqgħu jinħassu għal diversi xhur. Fuq dan, Spiteri itenni li kien hemm tliet tobba li kienu saħqu li huwa kien qiegħed ibagħti mill-kundizzjoni Post-Concussion Syndrome (PCS), u li sofra ġrieħi permanenti b’riżultat dirett ta’ dan l-attakk.

    Spiteri kien ssottometta rapport ġewwa l-Pulizija tal-Qawra mas-Surġent David Ċini (PS1530). Allegatament Ċini informa lill-kwerelant li kien riesaq it-tmiem tas-shift tiegħu, u li l-investigazzjoni fuq il-każ kienet se tibda wara li dan tal-aħħar jiġi lura mill-vaganza ta’ tliet ijiem. Spiteri jisħaq li bid-deċiżjoni tiegħu li ma jittrasferixxix il-każ tiegħu lil uffiċjal ieħor, “Ċini naqas milli jeżamina x-xena tad-delitt, li jassigura l-evidenza tanġibbli kollha, li jassigura x-xhieda tal-persuni li kienu fuq il-post dakinhar tal-attakk, jew li jordna lill-akkużat milli jersaq viċin il-vittma tal-aggressjoni. Ċini naqas milli jiġbor l-evidenza.” Spiteri saħaq li bl-aġir tiegħu, is-Surġent tal-Pulizija mpedixxa “l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u rrestrinġa l-vittma milli jibbenefika minn investigazzjoni li hija dettaljata u ġusta.”

    Il-kwerelant saħaq kif huwa u l-avukat tiegħu kienu taw d-dokumentazzjoni kollha marbuta mal-każ lis-Surġent Ċini, kif ukoll lis-superjur tiegħu, is-Supretendent Maurice Curmi (li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Spettur). Spiteri jallega li kemm Cini, kif ukoll Curmi, “injoraw il-fatti, rrifjutaw li jiġbru l-evidenza, injoraw l-arma fiżika li biha ntużat biex iseħħ l-attakk, injoraw t-theddid verbali li sar mill-aggressur, rrifjutaw milli jeżaminaw ix-xena tal-aggressjoni, u kif ukoll intenzjonalment injoraw diversi rapporti kliniċi u mediċi, li kkonfermaw li l-vittma kien ġarrab ġrieħi gravi u permanenti mill-attakk, u minflok ressqu lil Zahra fuq akkuża ta’ ġrieħi ħfief.”

    Meta ra dan, Spiteri kien ltaqa mas-Supretendent Martin Bayliss, fejn kien tah kopja tar-rapporti mediċi u kliniċi kollha relatai mal-każ tal-aggressjoni. Bi tpattija għal dan, kemm is-Surġent Curmi, kif ukoll is-Supretendent Curmi, ħarrku lill-imsemmi Spiteri u tellgħuh il-Qorti, madanakollu Spiteri ma nstabx ħati u kien liberat.

    Spiteri saħaq kif huwa kellu laqgħa separata mal-Kummissarju Lawrence Cutajar, kif ukoll mad-Deputat Kummssarju Magri, fejn appella biex issir investigazzjoni formali fil-każ tiegħu. Hawnhekk, Spiteri jallega li minkejja li Magri kien ordna lill-Ispettur Curmi biex ibiddel l-akkuża minn “ġrieħi ħfief” għal “ġrieħi gravi”, l-Ispettur Curmi rrifjuta milli jobdi l-ordni tad-Deputat Kummissarju.

    Kien għalhekk, sostna Spiteri, li kellu jirrikorri għal talba quddiem il-Qorti biex jibdew proċeduri kriminali kontra Curmi u Cini, filwaqt li l-akkuża kontra Id-Didda tinbidel għal waħda li tirrifletti dak li saħqu r-rapporti mediċi li huwa ppreżenta lilhom.

    F’kumment ma’ dan il-ġurnal, Spiteri saħaq li huwa kien qiegħed iħossu rrabbjat għall-aġir ta’ uħud mill-membri fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li kienu qegħdin jagħmlu “għajb għall-perkors tal-ġustizzja, u disprezz kbir għax-xogħol siewi ta’ kuljum li jagħmlu l-forzi tal-ordni f’pajjiżna.”

    Dan il-ġurnal bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija fuq x’passi temporanji ttieħdu fil-każ ta’ Curmi u Ċini b’rigward għal dan il-każ, però sal-ħin tal-ippubblikar, ma ngħatajna l-ebda risposta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0