“Fi tliet snin rajt biżżejjed imwiet għal ħajti kollha”... Jitkellem wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ li kien abbord is-SeaWatch 3

  • Jan 12, 2019 08:50
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Għal darb’oħra Malta kienet il-protagonista tal-ftehim li ntlaħaq fil-kwistjoni tad-49 immigrant li damu kważi tliet ġimgħat maqbuda bejn sema u ilma viċin il-kosta ta’ Malta.

    Dan is-sit tkellem ma’ Brendan Woodhouse, wieħed mid-drivers tal-ispeedboats fuq il-vapur Seawatch 3. Huwa tkellem dwar l-aktar mument li se jibqa’ jgħożż minn dan l-aħħar salvataġġ  u jgħaddi l-messaġġ tiegħu biex inċident bħal dan ma jerġax iseħħ. Huwa jsostni li  l-argument dwar min għandu jiehu responsabiltà f’każijiet bħal dan għandhom jittiehdu ġewwa l-uffiċji tal-gvernijiet u mhux għad-detriment ta’ persuni li jinsabu bejn sema u ilma mingħajr ma jafu x’se jsir minnhom.

    X’inhi l-professjoni tiegħek?

    Jiena kont wieħed mid-drivers tal-ispeedboats fuq il-vapur Seawatch 3. Meta ma nkunx qed insuq l-ispeedboat, niehu ħsieb li nnaddaf u nagħmel xi tip ta’ manutenzjoni li jkun hemm bżonn. Ħafna drabi nitkellem man-nies li nsalvaw u nagħmel minn kollox biex huma jħossuhom siguri u milqugħha.

    Kemm ilek tagħmel dan ix-xogħol?

    Ilni nagħmel ix-xogħol ta’ salvataġġ għal dawn l-aħħar tliet snin u tul dawn is-snin rajt biżżejjed imwiet għal ħajti kollha. Mhux l-ewwel darba li kelli nagħti l-ewwel għajnuna biex isalvaw in-nies imma darba sfortunatament allavolja li tajt l-ewwel għajnuna lil tfajla ta’ 16-il sena xorta mietet. Din il-katastrofi umana ħa tkompli għaddejja sakemm tinstab soluzzjoni politika. Huwa għalhekk li kibru l-NGOs bħalna. Ma tagħmilx sens li nieqfu milli nagħmlu xogħolna biex inwaqqfu aktar nies milli jitilqu minn pajjiżhom. Aħna nagħtu l-għajnuna tagħna għax in-nies ikunu qed jgħerqu u mhu sew għall-ebda bniedem li jissielet bejn sema u ilma. Xorta waħda kien hemm imwiet qabel ma bdejna noperaw biex insalvaw in-nies, u xorta waħda ħa jibqa’ jkun hemm wara li nieqfu minn xogħolna, bħal ma seħħ f’Settembru meta l-ebda NGO ma ħadmet u r-rata tal-imwiet telgħet għal wieħed kull ħamsa.

    Ġieli ltqajt ma’ esperjenzi simili bħal tas-SeaWatch tul il-karriera tiegħek?

    Jien ilni naħdem bħala membru tat-tifi tan-nar għal dawn l-aħħar 16-il sena u nista’ ngħid li qatt ma ltqajt ma xi ħaġa bħal dak li ġara bid-49 immigranti li damu għal diversi ġranet jissieltu għal ħajjithom. Fl-ebda okkażjoni ma ltqajt ma’ xi ħadd li saqsini dwar il-persuni li salvajt u qatt ma kien hemm min jargumenta dwar ir-responsabiltajiet ta’ fejn se jmorru joqgħodu n-nies li jiġu salvati. Is-soltu l-ewwel nagħmlu s-salvataġġ u nsibu soluzzjoni dwar x’se jiġri wara. Meta jkun hemm salvataġġ ta’ nies fuq il-baħar dan m’għandux ikun differenti.

    Mill-aħħar esperjenza tiegħek fuq is-SeaWatch 3, x’kien l-iktar mument li tibqa’ tiftakar?

    Wieħed mill-episodji li nibqa’ niftakar u ngħożż huwa l-mument meta l-immigranti salvati saru jafu li se jiddaħlu fil-port ta’ Malta. Kien mument sabiħ ħafna għax dak il-ħin spikka l-ferħ kemm fost il-membri tal-ekwipaġġ kif ukoll l-immigranti. Kulħadd beda jgħannaq lil xulxin u verament ħassejt li konna magħqudin flimkien. Fost in-nies li bdew jisfnu mal-aħbar, kien hemm raġel li kien qiegħed isofri minn trawma psikoloġika u rajtu jibki, imma din id-darba kien biki ta’ ferħ. Dak ir-raġel li spiċċa b’xejn f’dak il-mument sab l-enerġija u l-motivazzjoni biex jerġa’ jibda jitbissem. Mort fuqu u għannaqtu. Ir-raġel baqa’ jirrepeti f’widnejja “Grazzi, Grazzi” u għannaqtu. F’dak il-mument verament irrealizzajt xi tfisser li tkun salvat u mil-liem martirju kienu għaddejjin. Kien mument speċjali li tul il-karriera tiegħi mhux ħa ninsa.

    X’messaġġ tixtieq tgħaddi?

    Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi huwa biex ma nħallux sitwazzjoni bħal din terġa’ sseħħ. Il-pajjiż tiegħi, l-Inghilterra, abbandunat kull tip ta’ responsabiltà f’din is-sitwazzjoni bħal ma għamlu pajjiżi oħra. Imma l-argument dwar min għandu jiehu responsabiltà f’każijiet bħal dan għandhom jittiehdu ġewwa l-uffiċji tal-gvernijiet u mhux għad-detriment ta’ persuni li jinsabu bejn sema u ilma mingħajr ma jafu x’se jsir minnhom. Sakemm dawn in-nies salvati baqgħu ostaġġi fuq il-baħar, il-politiċi madwar l-Ewropa baqgħu jilgħabu b’ħajjithom. Għandna nevitaw li ndaħħlu l-politika f’kwistjonijiet ta’ salvataġġ ta’ persuni umani.

    Biex sitwazzjoni bħal din ma terġax tiġri, jiena nemmen li l-politiċi tagħna għandhom jibdew proċess ta’ negozzazzjoni. Huwa żgur li aktar persuni ħa jkomplu jitilqu minn pajjiżhom fuq il-baħar. Nemmen li l-politiċi għandhom jibdew jiddeċiedu kif ħa titqassam ir-responsabiltà u għandhom jifmhu li dawn huma persuni umani li jeħtieġu l-għajnuna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0