“Inħarsu ‘l quddiem b’aktar prosperità”

  • Nov 09, 2018 08:28
  • Miktub minn iNews

    Jgħid dan il-Ministru Chris Cardona hekk kif il-Kummissjoni Ewropea tbassar li Malta se jkollha l-għola rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-UE ; li l-pagi f'Malta se jikbru bit-triplu u li Malta mistennija jkollha t-tieni l-ogħla surplus…

    Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul is-sena d-deħla. Iċ-ċifri tal-Kummissjoni juru li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni jkun ta’ 4.9 fil-mija, aktar mid-doppju tal-medja fl-Unjoni Ewropea li hija ta’ 1.9 fil-mija.

    Il-Kummissjoni qalet ukoll li f’pagi tal-ħaddiema f’Malta se jiżdiedu b’1.8%, it-triplu taż-żieda li qed tbassar għall-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

    "Fid-dawl li x-xena internazzjonali hija bħalissa waħda turbulenti, l-ekonomija mondjali hija mbasra li tikber aktar bil-mod fis-sena 2019. Għal kuntrast ta' dan imma, il-Kummissjoni Ewropea tbassar li s-sena d-dieħla l-ekonomija ta' pajjiżna se tkompli tikber, tant li se jkollu l-għola rata ta' tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-UE, bil-ġid nazzjonali tagħna jikber b’4.9%.”

    Hekk ikkummenta magħna l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona b’reazzjoni għat-tbassir li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tgħid li Malta se jkollha l-għola rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-UE. 

    Cardona qal li dan it-tkabbir se jkun xprunat minn konsum domestiku aċċelerat. “Dan ikun ġej minn iktar investiment privat, min-nies ikollhom iktar flus f'idejhom, b'iktar disposable income hekk kif inhu previst li l-pagi tal-ħaddiema għandhom jikbru bi triplu tal-medja Ewropea,” żied jgħid.

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta se jkollha żieda fil-pagi tal-ħaddiema ta' 1.8%, li huwa t-triplu taż-żieda li l-istess rapport qed ibassar għall-bqija tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ħareġ mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea Autumn Economic Forecast. Is-sezzjoni ta' Malta ġġib l-isem, "Malta: Sustained economic growth". 

    Cardona qal li “hekk kif ix-xena internazzjonali qed isir iktar mtappna u diffiċli biex tbassar, pajjiżna qed igawdi minn politika ta' dawn l-aħħar ħames snin. Il-politika tagħna mill-ewwel ġurnata tagħna fil-Gvern hija waħda li ddur mal-ħaddiema u favur n-negozju. Ix-xogħol biex nagħmlu pajjiżna aktar kompetitiv u aktar attraenti għal investiment u faċli biex tmexxi n-negozju qed iħalli l-frott tiegħu.  Il-Kummissjoni fil-fatt tirrimarka li l-kunfidenza kemm tal-negozju kif ukoll tal-konsumatur għadhom u se jibqgħu għoljin.”

    Huwa żied jgħid li “bħala Gvern qed naħdmu biex verament pajjiżna jgħix dan is-suċċess u noħolqu dejjem iktar opportunitajiet. Bil-Baġit li tħabbar ftit ta' ġimgħat ilu, u l-entużjazmu u ħila li għandna f'pajjiżna, nħarsu 'l quddiem għas-sena ddieħla bħala waħda b'aktar prosperità, u nkomplu naħdmu biex dan verament jilħaq 'l kulħadd."

    Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonferma kif bħalissa Malta verament qed tgħix is-suċċess, bi tkabbir rekord fl-impjiegi, żidiet fil-pagi ferm għola minn dawk fil-bqija tal-UE, investiment qawwi u finanzi pubbliċi fis-sod. Bil-mizuri tal-Budget 2019, pajjiżna mistenni jkompli jqawwi r-ritmu ekonomiku filwaqt li tiżdied l-ispiża soċjali u jonqsu l-piż tat-taxxi biex il-ġid ikompli jitqassam aħjar.

    Fil-fatt, l-Autumn Economic Forecast tindika li fl-2018 l-ekonomija ta' pajjiżna ser tikber b'5.4%, it-tieni l-għola rata ta' tkabbir fost il-pajjiżi tal-UE. Din is-sena pajjiżna mistenni jikber b'rata aktar minn darbtejn dik fil-bqija tal-UE. Barra minn hekk l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li fl-2019 pajjiżna se jkollu l-għola rata ta' tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-UE, bil-ġid nazzjonali tagħna jikber b’4.9%.

     

    “it-tkabbir ekonomiku nistgħu nsostnuh għal tul ta' żmien ferm aktar minn pajjiżi ferm akbar minna”

     

    B’reazzjoni għal dak li qed tbassar il-Kummissjoni Ewropea, dan il-ġurnal tkellem mal-ekonomista Dr Philip Von Brockdorff. Huwa qal li “Kif mistennija l-ekonomija ta' pajjiżna se tikber fl-livell ogħla minn dak ta' pajjiżi oħra fl-UE u dan minħabba livell ta' konsum għoli (għas-servizzi u prodotti) kif ukoll investment u attività ekonomika f'setturi bħal fintech, i-gaming u kostruzzjoni.”

    Von Brockdorff qal li dan il-konsum u investment qed iwassal biex negozji joffru aktar impjiegi b'riżultat li numru akbar ta' impjiegi qed jiġi offruti lil barranin. Il-preżenza ta' dawn il-barranin u possibilment il-familji tagħhom qed tkompli tiġġenera attività ekonomika. 

    Huwa qal li “hu neċessarju wkoll li l-ekonomija tkompli tikber f'dawn il-livelli għax sakemm ma jinbidilx il-mudell ekonomiku, mhux possibbli li nsostnu n-nefqa pubblika marbuta ma' pensjonijiet, benefiċċju soċjali, sussidji fuq kirjiet privati, nefqa fuq is-saħħa pubblika, edukazzjoni eċċ.”

    “Nemmen pero li dan it-tkabbir ekonomiku nistgħu nsostnuh għal tul ta' żmien ferm aktar minn pajjiżi ferm akbar minna u dan minħabba li ċ-ċokon ta' pajjiżna jagħtina aktar flessibiltà biex naddattaw għall-opportunitijiet ġodda. Barra minn hekk, iċ-ċokon ta' pajjiżna jfisser li investment mdaqqas jinħass ferm akbar minn investment simili jew akbar f'pajjiż ferm akbar minna bħall-Italja,” temm jgħid Von Brockdorff.

    Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li t-tkabbir ekonomiku f'pajjiżna se jkun xprunat l-aktar mid-domanda domestika, b'żieda fil-konsum privat. Il-Kummissjoni qed tbassar li din is-sena r-rata ta' qgħad f'pajjizna se tkun it-tieni l-anqas fiż-żona ewro u li se tibqa' mal-4% mill-anqas sal-2020.

    Għal darba oħra fl-2018 pajjiżna ser ikollu l-akbar żieda fl-impjiegi madwar l-UE, bi tkabbir ta' 5%. Fl-istess ħin li jibqa' jgawdi dan ir-rekord sa mill-anqas l-2020, mistennija żieda sinjifikanti fil-pagi. Wara li tqis l-inflazzjoni s-sena d-dieħla, l-pagi f'pajjiżna ser jikbru bi tliet darbiet miż-żieda li ser ikun hemm fl-UE. Dan imur għal kollox kontra tad-diskors fuq cheap labour tal-Oppożizzjoni. 

    Il-Kummissjoni Ewropea tindika li din is-sena r-rata tal-inflazzjoni f'pajjiżna ser tkun 1.8% jew l-istess rata tal-bqija tal-UE. Dan huwa mbassar li jiġri wkoll is-sena d-dieħla. Barra minn hekk, l-esperti tal-Kummissjoni jindikaw li l-inflazzjoni f'pajjiżna l-aktar li qed tinħass huwa minħabba l-qasam tal-lukandi, u mhux kif issostni l-Oppożizzjoni minħabba prodotti tal-ikel.

    Fejn jidħlu finanzi tal-Gvern, pajjiżna mistenni jkollu t-tieni l-għola surplus fiż-żona ewro, wara l-Ġermanja. Il-Kummissjoni qed tbassar li filwaqt li s-surplus ser jonqos fis-snin li ġejjin, dan ser ikompli jlaħħaq kważi 1% tal-ġid nazzjonali u jibqa' it-tieni l-aktar għoli wara dak tal-Ġermanja. B'kuntrast madwar l-UE mistenni jkun hemm defiċit ta' qrib 1% tal-GDP.

    L-esperti tal-Kummissjoni jirrimarkaw li s-surplus fil-finanzi tal-Gvern Malti ser jibqa' minkejja tnaqqis fit-taxxi, żieda fl-ispiża soċjali u f'dik kapitali. Dan minħabba li t-tkabbir ekonomiku ser jixpruna aktar dħul tal-Gvern, filwaqt li spejjeż oħra mistennija jonqsu. Fost dawn tissemma' l-ispiża fuq imgħax, minħabba li d-dejn nazzjonali se jonqos għal 42% tal-ġid nazzjonali sal-2020.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0