Irreġistrat it-300 ajruplan taħt il-bandiera Maltija

  • Nov 08, 2018 18:20
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar l-uffiċini ta’ Comlux Aviation fej ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv, is-Sur Andrea Zanetto, u ċ-Chief Operations Officer, is-Sur Daniele Traviglia, fil-preżenza tal-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Ġappun, is-Sur Andre Spiteri, u f’dik tas-Sur Norihiro Chishima-san, Viċi-president tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni tal-Kumpanija Universal Entertainment Corporation. “Il-fiduċja li Comlux Aviation, flimkien ma’ kumpaniji oħra tal-avjazzjoni, juru fil-bandiera Maltija hija riżultat ta’ numru ta’ fatturi. Illum qegħdin naraw ir-riżultat tal-istrutturi regolatorji, legali, amministrattivi u finanzjarji b’saħħithom li joffri pajjiżna, u li għalhekk jiġbdu ħafna investiment minn din l-industrija lejn pajjiżna. Il-Gvern kien u għadu kommess li jmantni relazzjoni soda mal-industrija tal-avjazzjoni,” qal Dr Borg.

    Il-Ministru spjega li f’dawn l-aħħar ġranet, it-300 ajruplan – 9H-UEC – ġie fil-fatt irreġistrat taħt il-bandiera Maltija, li jfisser żieda ta’ 134% mill-2012 sa din is-sena.  “Dan, fil-fatt, huwa rekord ġdid għall-bandiera Maltija. Il-Gvern, permezz tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, għaddej b’ħidma sfiqa biex jiżgura li Malta ssir hub tal-avjazzjoni li toffri portafoll wiesgħa ta’ servizzi tal-avjazzjoni minbarra li tkompli tkabbar ir-reġistru. Aħna konxji li l-industrija tal-avjazzjoni globali qiegħda tikber b’rata mgħaġġla mmens u għalhekk inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nwessgħu il-cluster tal-avjazzjoni impressjonanti li għandna billi nħajru aktar kumpaniji tal-avjazzjoni biex jistabbilixxu n-negozji tagħhom f’Malta, kif ukoll servizzi anċillari relatati.”

    Il-Ministru nnota li l-fatt li l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta qiegħda tikber b’mod sostnut, ifisser ukoll li hemm effett pożittiv fuq fatturi oħra, bħall-opportunitajiet tax-xogħol li qegħdin jinħolqu permezz ta’ dan it-tkabbir. B’reġistru ta’ 9 ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, Comlux Aviation qiegħda tħaddem aktar minn 110 impjegati, li jinkludu nies li jaħdmu fuq l-art u ekwipaġġ tal-ajruplani.

    Il-Ministru Borg faħħar lill-impjegati kollha tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta għax-xogħol tagħhom. Huwa għalaq billi rringrazzja lill-Comlux Aviation talli għażlet lil Malta bħala l-pajjiż fejn tistabbilixxi u tkabbar in-negozju tagħha, filwaqt li rringrazzja lis-Sur Chishima-san għall-kunfidenza u l-fiduċja li għandu fil-ġurisdizzjoni Maltija meta fil-fatt għażel li jirreġistra l-ajruplan tal-kumpanija 9H-UEC taħt il-bandiera Maltija.

    Is-Sur Andrea Zanetto rringrazzja lill-Ministru Borg talli laqa’ l-istedina ta’ Comlux Aviation. Is-Sur Zanetto saħaq dwar il-fatt li Malta tat prova li hija pajjiż lest biex jaħdem ma’ kumpaniji bħal Comlux sabiex jimxi ’l-quddiem u jagħmel progress. Dan il-fatt, għalhekk, żewwaq il-bandiera Maltija b’fiduċja għolja u anke ħajjar lill-kumpanija biex tkompli tespandi lokalment.

    Is-Sur Norihiro Chishima-san esprima l-apprezzament tiegħu għall-effiċjenza tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili. Huwa irrimarka illi dan il-fatt juri d-dedikazzjoni u l-impenn tal-Gvern Malti favur l-industrija tal-Avjazzjoni.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0