"Ħallini ħa ngħix… l-esperjenza tal-kanċer għallmitni u ħadt ħafna ukoll"

  • Nov 08, 2018 16:53
  • Miktub minn Victor Vella

    Tista’ esperjenza tal-marda tal-kanċer tqisha pożittiva?  Tista’ mill-marda tal-kanċer joħroġ ukoll il-pożittiv? Marda, li sa llum għadha twerwer u tixxokka lil ħafna nies u familji. Mhumiex wieħed u tnejn li jitkexkxu meta jisimgħu din il-kelma.  Marda li tħallik bla saħħa. F’ħafna każi, lanqas bil-lejl ma tħallik torqod u tistrieħ, xi ħaġa li jkollok bżonn wara l-kura li tkun qed tieħu biex tikkumbattiha.  Stħarriġna dwar dan, ma’ Yvonne Arqueros, mara li għamlet ħames snin tiġġieled kontra din il-marda. Ħames snin, ta’ kura u operazzjonijiet. Illum Yvonne hi ħielsa għal kollox minn din il-marda.  Imma l-ħelsien mhux biss minn din il-marda, imma anke fil-ħsieb.  Illum Yvonne, taħsibha kompletament differenti minn kif kienet taħsibha qabel tfaċċatilha din il-marda. Yvonne tissorpendik meta tgħidlek li “l-esperjenza tal-kanċer inqisha bħala xi ħaġa pożittiva. Tgħallimt ħafna. Il-kanċer ħadli saħħti għal diversi snin imma tani ħafna lura. Meta mradt kienet qisha id-daqq tal-iżveljarin. Illum qed nieħu ħafna ħsieb aktar tiegħi innifsi u dak li kont ilni snin nittama li nagħmel, wara li fiqt, qbadt u għamiltu”.

    Meta ngħaddi minn ħdejn dak li kien l-isptar Boffa kont indawwar wiċċi banda oħra bil-biża’

    “Jien kont waħda minn dawk li ngħaddi mill-Furjana, minn ħdejn dak li kien l-isptar Boffa u kont indawwar wiċċi għax nibża.  Darba minnhom ħadt ħabiba biex tagħmel scan u kont iddeċidejt li nagħmel scan jien ukoll.  Mill-ewwel infurmawni li għandi bżonn nagħmel biopsy, imma fl-ebda ħin ma qaluli li kelli xi ħaġa. Jien għedtlu ħa naħsibha. Ftaħt qalbi ma’ ħabib u dan qalli li kien tkellem ma’ professur  u qallu li la bgħatha ir-radoloġista  dik messha diġa għamlitha l-biopsy mhux qed taħsibha. Għamilt il-biopsy u wara ftit jiem qaluli li jrid ikellimni it-tabib. Mort u hemmhekk infurmani li għandi l-kanċer”, qaltilna Yvonne.

    Dak il-ħin għidt m’hemmx x’tagħmel kulħadd taħt sema waħda

    Nistaqsuha kif ħadet din l-aħbar.  Yvonne b’mod kalm għal aħħar tgħidilna li “qisu għidt m’hemmx x’tagħmel. Għalxejn ħa nippanikkja.  Għamluli l-ewwel operazzjoni.  Taħseb li dik u daqshekk għadda kollox. Imma jiġu ftit wara u jgħiduli li hemm bżonn it-tieni operazzjoni. Anki hawn, għal darba oħra erġajt ittamajt li nagħmel din l-operazzjoni u jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid.  Imma wara li lestejt it-tieni operazzjoni, kien għad jonqos u qaluli li hemm bżonn  kimoterapija. ”

    Għedtilhom kimoterapija ma niħux…minħabba xaghri... qaluli għażel bejn li jaqgħalek xagħrek jew titlef ħajtek

    Dwar din l-aħbar, Yvonne tiddikjara bla tlaqlieq li “għedtilhom li ma rridx li nieħu l-kimoterapija. Il-biża tiegħi kienet mhux biss li jaqgħali xagħri imma l-effett fuq ġismi kollu. Kont naf li kienu se jagħtuni kimoterapija qawwija ħafna li kienet se tbiċċirni.  Lit-tobba għedtilhom li ma rridx nieħu l-kimoterapija.  Ippruvaw ifehmuni u qaluli li rrid nagħżel bejn li jaqgħali xagħri u ċ-ċans li ngħix jew inkella ma nieħux il-kimoterapija u nitlef ħajti”.

    Yvonne tieħu id-deċiżjoni. Tkun id-deċiżjoni li tkompli tiġġieled u tieħu l-kimoterapija. Kont ngħid ibni għadu żgħir wisq.  Mhux se nissogra.  Titkellem magħna dwar kif aġixxiet eżatt malli bdiet tieħu l-kimoterapija.  “Jien qbadt u qaxxart xagħri kif rajtha nieżla. Għidt irrid niffaċċja din ukoll u qaxxart xagħri. Kull ftit xagħar li qaxxart kienu qishom stalletti deħlin f'qalbi.  Din kienet l-aktar esperjenza diffiċli. Waqt il-kimo, la stajt nieħu nifs sew u lanqas nimxi.  L-uniku saħħa li kien ikolli filgħodu kienet dik li  ngħid lit-tifel biex joqgħod attent l-iskola.”

    Lanqas tazza ma kont inżomm… l-arloġġ fil-kamra tas-sodda armejtu

    Tgħidilna li “il-kimoterapija tant kienet tgħajjini u tħallini bla saħħa li lanqas tazza ma kont nżomm f’idejja. Il-ħin kollu imqajjma anke bil-lejl meta wieħed suppost qed jistrieħ. F’dak is-skiet tal-lejl, dak it-tektik tal-arloġġ ma tifilħux. Biżżjjed ngħidlek li meta fiqt qbadt dak l-arloġġ u armejtu. Kont nisma’ dak it-tektik u kont ngħid ‘imma din meta se tgħaddi’”. Is-sorpriżi ma jonqsux. Kif lestejt mill-kimoterapija ġejt infurmata li se jkolli bżonn nieħu radjoterapija ukoll.  Ma ridtx nemmen.   Kont ngħid bejni u bejn ruħ - din ukoll tgħaddi .. se tgħaddi, se tgħaddi u finalment għaddiet.”

    Finalment fiqt… nħares lejn l-esperjenza tal-kanċer b’mod pożittiv

    Wara ħames snin ta’ taqtiegħ il-qalb, finalment Yvonne kienet ħielsa għal kollox minn din il-marda. “Bi ħsiebni nibqa’  hekk”, tgħidli waqt li titbissem. “U bi ħsiebni immut ta' 80.  Jien nemmen ħafna fil-meditazzjoni.   Li tapprezza dak li għandek.  Li temmen li l-mirakli iseħħu.  U naħseb li kollox hu bid-destin.  Illum il-ġurnata inħares lejn l-esperjenza tal-kanċer b’mod pożittiv. Minnu ħadt ħafna ukoll. Wara li fiqt erġajt  iggradwajt tlett darbiet. Għamilt post graduate f’innovazzjoni u kreattività u spiċċajt  higher diploma fil-politika. L-aktar ħaġa li għamilt u kont kburija hija il-liċenzja nawtika. Illum meta nħares lura nara li meta laqtitni l-marda tal-kanċer din kient qisha bħala alarm li jqajmek fil-għodu.  Illum qed nagħti każ aktar tiegħi innifsi għax dejjem iddedikajt ħajti gaħt-tfal u għall-oħrajn. Illum ngħid li iva  ħareġ il-pożittiv anke minn kanċer.  Nitbissem meta nara nies jinkewetaw fuq ix-xejn. Meta kont marida, l-inkwiet tiegħi kien kif se nibqa’ nieħu in-nifs.”

    L-akbar weġgħa kienet it-telfa ta’ Sabrina… kellna ħafna ħolm flimkien

    Ma jonqosx li titkellem dwar il-weġgħat li sofriet waqt din l-esperjenza.  B’dieqa tgħidilna li “l-akbar weġgħa kienet it-telfa ta’ Sabrina Carabott. Qattajna iljieli sħaħ flimkien fuq it-telefon. Kienet tgħidli imqajjma. Kont ngħidilha iva Sab u konna nitkellmu fuq kemm konna nkunu muġugħin u li ha jgħaddi.  Kont ngħidilha tagħmel kuraġġ. Kont ngħidilha issa la jgħaddi kollox  inġib il-liċenzja tal-baħar u nibdew inmorru fuq il-baħar. Tiegħi għadda imma tagħha għadda mod ieħor. It-telfa tagħha weġgħatni wisq. Wisq.”

    Il-ħajja tinbidel… sitt operazzjonijiet f’ħames snin

    Appoġġ issibkemm tixtieq u fuq kollox baqgħet tmur għax-xogħol? Għal dawn id-domandi Yvonne tgħidilna li “sibt appoġġ kbir mill-kollegi tax-xogħol. Minkejja l-uġiegħ u l-għejja dejjem ippruvajt nibqa’ nmur għax-xogħol. Mhux dejjem irnexxieli.  Ix-xogħol li nagħmel inħobbu wisq.  Huwa ħajti.  Kien hemm kollegi tiegħi li kienu jiġu għalija u jwassluni. Anke fid-drama li konna nagħmlu kienu jaraw li nipparteċipa f’xi parti qasira.”

    Tieqaf tirrifletti ftit u tħares lejja u tgħidli li “appoġġ sibt ħafna. Jien ħajti kollha qattajtha fil-volontarjat. Bdejt qisni nara li dak ix-xogħol kollu li tajt, f’daqqa’ waħda ġie lura għandi meta jien kelli verament bżonn. Lin-nies li jgħinuni kont insibhom anġli  Kont dejjem imdawwra bl-anġli.”

    Nistaqsuha tirringrazzjax lil xi ħadd partikolari u tgħidilna li “nirringrazzja lil Dr. Nick Refalo, l-onkoloġista tiegħi. Kieku t-tobba kollha bħalu, kieku l-morda żgur  iħossuhom ħafna aħjar. Għaliha hu kien  kollox. Ngħidlu grazzi imma ma nafx nesprimihiex biżżejjed kemm napprezzah u nħossni ixxurtjata li kelli lilu bħala tabib. Waħda mt-teżi iddedikajtha lilu.”

    Illum napprezza kull nifs li nieħu... imma x’jgħallmek il-kanċer?

    Meta tħares lura u tirrifletti, Yvonne tgħidilna li “meta smajt bil-kelma kanċer l-ewwel darba twerwirt. Illum dik il-kelma tgħallmek tapprezza kull nifs li tieħu. Kull tbissima li tara madwarek, tgħallmek tgħix. Fuq kollox il-kanċer jgħallmek ma toqgħodx tistenna u tgħix għall-għada.  Jgħallmek tgħix issa. Jgħallmek ma tipposponix.  Il-kanċer għallimni nagħmel affarijiet li kont ngħid li se nagħmel u qatt m’għamilt.”

    Mhux kwistjoni ta’ battalja għax kulħadd bl-istorja tiegħu… se nikkontesta l-elezzjonijiet lokali

    Minkejja li wara li fieqet u kompliet tiggradwa f'oqsma differenti, l-ambizzjonijiet ta’ Yvonn dejjem baqgħu li tagħti sehemha fis-soċjetà, u dan wassalha biex iddeċidiet li tikkontesta l-elezzjonijiet lokali mal-Partit Laburista fuq Raħal il-Ġdid. 

    Ma tiqafx hemm u tappella lil min hu għaddej minn din l-esperjenza diffiċli jitkellem ma’ min għadda minnha, fejn hi minn naħa tagħha tgħid li l-bieb tagħha hu dejjem miftuħ.

    Hi battalja mal-kanċer jew le?… kont ngħid tgħid issa jien imissni!

    Meta wieħed ikun qed jirċievi l-kura kontra l-marda tal-kanċer, spiss nirreferu għaliha bħala battalja. Imma Yvonne kif tħares lejn min isejħilha battalja.

    Hi tisħaq li “niddejjaq ngħidilha battalja. Din it-terminoloġija iddejjaqni. Din hi parti mill-ħajja. Mhux kwistjoni ta’ battalja li tirbaħ jew titlef. Kulħadd għandu l-istorja tiegħu. Ma nsejħilhiex battalja imma esperjenza ta’ min għaddej minnha u jrid jipprova joħroġ l-aħjar.  Trid temmen li se tfieq. Imbagħad dak li għandu jsir ħa jsir. Kont nitwerwer meta nisma’ li miet xi ħadd. Kont ngħid tgħid issa jien imissni. Hawnhekk irrid inwassal messaġġ, li wieħed joqgħod attent meta jxandar ċertu aħbarijiet dwar imwiet ta’ nies, għax huma aħbarijiet li jweġġgħu u jwerwru lil dawk li jkunu għadhom għaddejjin minnha.”

    Il-poeżija

    Fi tmiem, il-laqgħa li kelli ma Yvonne, qaltli “ jien inħobb nikteb il-poeziji.  Qatt ma nurihom lil ħadd imma ħa nurik il-poeżija li ktibt. Toħroġ karta minn ġol-basket u tgħaddihieli. Poeżija li inkitbet minnha waqt li kienet għaddejja bil-kura. Poeżija indirizzata lil din il-marda.

    Tqum u torqod miegħi
    Qisek il-maħbub tiegħi
    Int l-ewwel ħsieb 
    Li jiksini bis-skiet

    Iżda biżżejjed ħaristni
    Għakkistni
    Werwirtni
    Biċċirtni

    Ħallini 
    ħa norqod bil-kwiet
    ħa nsib il-mistrieħ
    ħallini ħa ngħix
    Ħallini.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook