“Huwa obbligu tagħna li nippubblikaw l-istejjer”

  • Nov 08, 2018 16:12
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    Inewsmalta tkellmet ma’ moderaturi ta’ Break The Taboo, paġna fuq il-midja soċjali li jippubblikaw stejjer ta’ nisa Maltin li rrikorrew għall-abort

    ‘Break The Taboo’ hija paġna fuq il-midja soċjali li tippubblika b’mod anonimu l-istejjer ta’ nisa Maltin li rrikorrew għall-abort. Dan il-ġurnal tkellem mal-moderaturi tal-paġna, li xtaqu jibqgħu anonimi, fuq l-idea wara l-ħolqien ta’ din il-pjattaforma virtwali, kif ukoll fuq il-livell tad-diskussjoni fuq dan is-suġġett sensittiv f’pajjiżna.

    X’kien l-għan oriġinali wara l-ħolqien tal-paġna tagħkom fuq Facebook?

    Ridna noħolqu spazju sigur biex in-nisa jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, waqt li ntuhom iċ-ċans jibqgħu anonimi: dan minħabba l-istigma li hija assoċjata mal-abort. Aħna ridna li jkun hemm spazju fejn in-nisa jistgħu jaqraw l-esperjenzi ta’ ħaddieħor, biex hekk jaraw li mhux weħidhom, u li m’għandhom xejn minn xiex jistħu.

    L-isem tal-paġna hija “Break the Taboo.” Għaliex għażiltu dan it-titlu partikolari?

    Sa riċentament, il-kelma ‘abort’ ma setgħetx tingħad fil-pubbliku. L-abort kien, u għadu taboo, b’numru ta’ politikanti, għaqdiet hekk imsejħa pro-life, kif ukoll persunaġġi fuq il-midja soċjali, li jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħlqu kwalunkwe diskors fuq is-suġġett. Tista tinjora r-realtà, però dan ma jfissirx li l-abort ma jibqax iseħħ. 

    L-istejjer fuq ‘Break the Taboo’ juru kif in-nisa, għar-raġunijiet personali tagħhom, jiddeċiedu li jkollhom abort. Irridu niġġieldu biex inkissru dan it-taboo, għaliex l-abort huwa suġġett li jikkonċerna is-saħħa tal-mara, u huwa pprovdut lill-maġġur parti tan-nisa madwar id-dinja. Għal dan il-għan, irridu naħdmu biex inneħħu l-istigma lokalment assoċjata magħha.

    Sa’ ftit taż-żmien ilu, li jkollok argument jew diskussjoni fuq is-suġġett tal-abort kienet kważi impossibbli f’Malta, u ħafna drabi l-argument kien jiddiġenera ruħu għat-tgħajjir u għall-argumenti sentimentali. Illum, jidher li d-diskussjoni huwa iktar apert. Taqbel ma’ dan is-sentiment? Temmnu li l-abort għadu suġġett daqshekk taboo f’Malta?

    Matul is-sena li għaddiet, rajna bidla gradwali. In-nies qiegħdin ikollhom iktar kuraġġ biex jitkellmu fuq dan is-suġġett, jesprimu l-opinjoni tagħhom, u jiddiskutu s-suġġett. Aħna nittamaw li iktar nies professjonisti, bħal tobba, infermiera, ġinekoloġi, psikoloġisti u anke ħaddiema fl-oqsma soċjali, jitkellmu fuq is-sitwazzjonijiet li huma jaffaċċjaw.

    Fi snin riċenti, Malta immaturat. Irnexxielna nilħqu livell ogħla f’numru ta’ setturi, fosthom il-kunċett tal-ġeneru, li pajjiżi oħra għadhom anqas biss fehmu l-kunċett. Naħseb li wasal iż-żmien li bħala pajjiż, ikollna diskussjoni b’saħħitha mingħajr ebda biża ta’ stigma, u mingħajr ebda forma ta’ biża. Jekk persuna jesprimi l-opinjoni tiegħu, m’għandux ikollu riperkussjonijiet fuq il-professjonijiet tagħhom. Minn hawnhekk, qegħdin nagħmlu appell ugwali lill-politikanti biex jixprunaw din id-diskussjoni.

    Riċentament, numru ta’ siti u gazzetti (biex ma nsemmux ukoll produzzjonijiet teatrali) ppubblikaw numru ta’ stejjer u esperjenzi personali fuq l-abort. Temmen li stejjer bħal dawk li qegħdin tippubblikaw intom jistgħu joffru perspettiva differenti li forsi dawn l-artikli ma semmewx?

    L-istejjer personali jistgħu jkollhom effett ikbar fuq ħafna nies, għaliex dawn l-istejjer mhumiex fittizji, iżda huma l-ħajja reali ta’ ħafna nies madwarna. Dawn in-nies mhumiex inqas umani minnek u minnha. Ejja nkunu dak in-nazzjon li aħna nitkabbru bih: ma rridux pajjiż li jiġġudika u li jikkundanna, iżda pajjiż fejn nappoġġjaw lil xulxin, irrispettivament mill-opinjoni personali tagħna. 

    Uħud mir-rakkonti li ppublikajna aħna huma verament kommoventi: minn omm li kellha kankru waqt it-tqala tagħha, vittimi ta’ stupru, kif ukoll żagħżugħa ta’ 17-il sena li kienet għadha ħa tibda l-ħajja tagħha. Dawn huma l-istejjer tagħhom; l-esperjenzi reali tagħhom; il-ħajjiet tagħhom. Allura, m’għandniex niġġudikawhom. Huma għamlu dak li huwa l-aħjar għalihom u għall-familji tagħhom.

    Wieħed mill-aspetti l-iktar differenti tal-paġna tagħkom huwa l-anonimità tal-kontributuri. L-ebda waħda mill-istejjer li ppublikajtu ma nkludiet l-isem jew il-bijografija tal-awtur. Għaliex?

    L-għażla ta’ mara li tikkommetti abort hija l-għażla personali tagħha, u tagħha biss. Aħna nammiraw lil dawn in-nisa li għażlu li jaqsmu l-istejjer personali tagħhom, però aħna ma nħossux li għandhom jiġu sfurzati juru min huma, għaliex huma ħaqqhom il-privatezza tagħhom.

    Hemm ukoll idea żbaljata ta’ x’jista’ u ma jistax jitqies bħala reat kriminali. Aħna nifhmu li uħud minn dawn in-nies għandhom biża tar-riperkussjonijiet, u anke ħabs, li huma jistgħu jaffaċċjaw jekk l-identità tagħhom tidher pubblikament. Idejalment dawn in-nisa m’għandhomx jibqgħu mbeżżgħin, però dik hija r-realtà. Huwa għalhekk li hemm bżonn li jkun hemm dibattitu b’saħħtu, b’informazzjoni ċara u korretta, bil-għan li nifhmu lil xulxin, u mhix li nbeżżgħu.

    Madanakollu, l-ammont ta’ nies li ttellgħu il-qorti wara li ttellgħew l-abort huwa ammont baxx ħafna. Ma taħsibx li din it-theddida hija waħda esaġerata?

    In-numru ta’ nies li telgħu l-Qorti huwa żgħir, għaliex l-ammont ta’ nisa li nqabdu li wettqu abort f’Malta huwa wieħed żgħir. Però dan ma jfissirx il n-nisa mhumiex qegħdin iwettqu abort. In-nisa l-iktar privileġġjati, u li kellhom ir-riżorsi biżżejjed, marru f’pajjiż ieħor, u ta’ dan skalpaw il-Qorti, għaliex qatt ma jistgħu jittellgħu l-Qorti fuq akkużi kriminali. Però dawk li wettqu abort f’Malta u nqabdu, jekk ġew irrapurtati, kellhom jaffaċċjaw prosekuzzjoni kriminali.

    Waqt li l-abort għadu llegali f’Malta, numru sostanzjali ta’ nisa għandhom il-possibilità li jwettqu din il-proċedura f’pajjiż Ewropew mingħajr l-ebda riperkussjoni. Jekk dan huwa veru, x’inhuwa l-bżonn li l-abort jiġi llegalizzat hawn Malta wkoll?

    U dawk li mgħandhomx riżorsi biżżejjed biex isiefru? Għal dawn, in-nuqqas t’aċċess għall-abort huwa diskriminatorju. Ma nsemmux ukoll dawk in-nisa minorenni li ma jistgħux jivvjaġġaw weħidhom. U xi ngħidu fuq dawk l-immigranti li ma jitħallewx jħallu l-pajjiż minħabba l-pożizzjoni legali tagħhom?

    Ir-realtà hija li l-istat qiegħed ifalli lil dawn in-nisa – għalhekk hemm bżonn li l-abort jiġi ddikriminalizzat u jiġi llegalizzat.

     

    Kemm huwa l-ammont ta’ stejjer li intom ippubblikajtu sal-lum? U kemm huma l-ammont ta’ nisa li kkuntatjawkom bi stejjer li għadkom trid tipubblikaw?

    Mingħajr ma nsemmu numru, għandna numru sostanzjali ta’ stejjer li aħna rċevejna, u nisperaw li meta nisa jaqraw l-istejjer ta’ persuni oħra, jħossuhom siguri u inkoraġġjati biżżejjed biex jaqsmu l-istejjer tagħhom ukoll.

    Temmnu li, bl-ipubblikar ta’ dawn l-istejjer, apparti li jkun hemm sensibilizazzjoni ikbar, hemm ċans li nies li s’issa jopponu l-abort għal raġunijiet morali u etiċi, jistgħu jkunu iktar konxji tal-aspett uman ta’ dan is-suġġett, u forsi juru kompassjoni ikbar?

    Nirrikonoxxu l-fatt li hemm numru ta’ nies li bl-ebda mod m’huma se jkunu favur, jew jappoġġjaw l-abort. Aħna m’għandna l-ebda għan li inbiddlu l-imħuħ, il-qlub u l-perspettiva morali tagħhom. Din mhix l-għan ta’ din il-paġna.

    Li nixtiequ aħna huwa li n-nies jaraw l-istejjer kif verament huma – u jifhmu verament s-sitwazzjonijiet differenti li n-nisa jaffaċċjaw, kif ukoll l-għażliet li kellhom quddiemhom, u r-raġuni għaliex għażlu dak li huma ħasbu huwa l-aħjar għalihom, għal ħajjithom, u għall-familji f’dak iż-żmien partikolari. Huma m’għandhomx għalfejn jiġu mistmerra, kkundannati u mgħajjra. Bil-kontra: Dawn in-nisa għandhom jiġu aċċettati u rispettati għal-fatt li kellhom jagħmlu għażla f’perjodu matul ħajjithom, u għandhom jitħallew fil-paċi. Għallinqas, għandhom jingħataw għajnuna bħal counselling jekk għandhom bżonnha, biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali kemm jista’ jkun fis.

    Allura korrett meta ngħid li l-paġna tista tiftaħ diskussjoni iktar aperta fuq is-suġġett? U jekk le, x’inhuwa l-pass li jmiss?

    Ridna li nagħtu lil dawn in-nisa pjattaforma fejn jistgħu jitkellmu u jaqsmu l-istorja tagħhom b’tali mod li ma setgħux qabel, flimkien ma’ nisa oħra b’sitwazzjoni simili, f’post wieħed. Din hija kollezzjoni ta’ stejjer vera, ta’ nisa differenti, li juru fost l-oħrajn, li din il-perċezzjoni li n-nisa li jwettqu abort huma nisa “rrisponsabbli” u “sesswalment attivi li ma jużawx kontraċettiv”, jew li qegħdin jagħżlu li jkollhom abort “għall-gost”, hija waħda ridikola u ta’ ħsara. Ta’ min jirrimarka li l-fuq minn 60% tan-nisa li jwettqu l-abort madwar id-dinja, jgħidu li użaw xi tip ta’ kontraċettiv.

    Aħna nafu wkoll li ħafna mill-każijiet tal-abort jseħħu meta jkun hemm tqala mixtieqa, iżda li eventwalment waqt testijiet mediċi, jirriżulta li jkun hemm anormalitajiet fatali u severa fil-fetu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, m’hemm l-ebda tama, apparti tbatija għaż-żewġ ġenituri u għall-fetu li, anke jekk jitwieled, jbati minn uġigħ estrem qabel ma eventwalment jmut. L-istess japplika f’każijiet fejn il-fetu jispiċċa theddida għas-saħħa, u xi kultant il-ħajja, tal-omm.

    Dawn in-nisa huma sfurzati li jagħmlu dawn id-deċiżjonijiet diffiċli, biex itemmu t-tbatija tagħhom malajr kemm jista’ jkun... l-aħħar ħaġa li jkun hemm bżonn f’ċirkustanzi bħal dawn huma li jiġu deskritti bħala qattiela u bħala nies irrisponsabbli. Fil-fatt, dawn huma nisa kuraġġjużi li jieħdu deċiżjonijiet b’responsabbiltà u b’kuraġġ, biex jwaqqfu mill-uġigħ u t-tbatija. Huwa obbligu tagħna li nippubblikaw l-istejjer tagħhom kif inhu – li nesebixxu l-verità, u mhix ix-xniegħat, il-gideb, il-kunċetti żbaljati, u saħansitra anke l-mibgħeda.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0