ARA: "Dak li għaddiet minnu l-impjegata tal-Isptar Monte Carmeli, kienet xi ħaġa umiljanti"

  • Set 28, 2018 09:00
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Impjegata f’Monte Carmeli tispiċċa pazjenta...“Sitwazzjoni umiljanti li ħadd m’għandu jgħaddi minnha” - Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Jeremy Camilleri

    Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali ntalab jinvestiga każ ta’ Nursing Aide li taħdem fl-Isptar Monte Karmeli wara li din inżammet erbat ijiem bħala pazjenta minħabba argument li allegatament kellha mas-superjura tagħha.

    Il-każ kien żvelat mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri li kien avviċinat mill-istess impjegata u kien hu li taha l-parir biex tkellem lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia.

    Camilleri spjega li l-maniġment tal-Isptar Monte Carmeli kienu bagħtu għall-mara biex din tiskuża ruħha mas-superjur tagħha, kif fil-fatt għamlet. Ġara li din tal-aħħar qalet li ma tridx taħdem iktar magħha u bdiet tallega li l-mara kellha bżonn ta’ kura psikjatrika. 

    Tliet ijiem wara li seħħ dan l-inċident, il-maniġment reġa’ bagħat għaliha u qalulha “aħna inkwetati fuqek għax tista’ tweġġa’ lilek innifsek u lil ta’ madwarek” u żammewha bħala pazjenta fl-istess sptar fejn taħdem.

    “Il-mara ġiet hawn, fil-bini tal-GWU, tibki, wara li żammewha hemm ġew għal erbat ijiem, fl-istess sala fejn ġieli ħadmet ma’ pazjenti li ħadet ħsieb, mal-istaff li ħadmu magħha u fuq level 1 constant watch. Kien umiljanti għaliha li kull meta kellha bżonn tmur tinħasel, kollega kellu jidħol magħha biex dan jara li hija ma tweġġax lilha nnifisha,” qal Camilleri. 

    Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi qal li wara li l-mara nżammet erbat ijiem sħaħ hemm ġew, il-maniġment kienu tawha ċ-charge li se jieħdu passi dixxiplinarji kontriha b’rabta mal-inċident li kellha mas-superjur tagħha. 

    “Il-mara qed tallega li żammewha kontra l-volontà tagħha. Kellimna lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, li dawn qed jgħidu li hija qagħdet hemm volontarjament u għandhom dokument li ffirmat proprju dan.

    “Dan filwaqt li l-mara qed tgħid li huma qalulha li kienet se tinżamm hemm, għax li kieku ma aċċettatx, kienet se tinħarġilha care order u setgħet tinżamm sa għaxart ijiem,” spjega Camilleri filwaqt li qal li dak li għaddiet minnu l-mara kienet xi ħaġa umiljanti u li ħadd m’għandu jgħaddi minn dan kollu.”

    B’rabta ma’ dan il-każ, huwa qal li tkellem mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Rapa, u talab biex issir investigazzjoni dwar għalfejn inżammet hemm kontra l-volontà tagħha u li sakemm issir investigazzjoni tiġi sospiża l-miżura ta’ dixxiplina. 

    Min-naħa tiegħu, Rapa qal li jaqbel li din id-dixxiplina kellha tiġi sospiża. Ġara li kienu bagħtu għaliha għall-hearing dwar il-każ tagħha, b’Rapa jinforma lil Camilleri li huwa personalment kien se jkellem lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Carmeli.

    Il-mara ġiet infurmata li l-każ ta’ dixxiplina fil-konfront tagħha kien ġie deċiż fl-assenza tagħha. Ir-raġuni mogħtija lilha kienet li hija ma attendietx għas-smigħ. Dan meta hija ma kinitx qed tattendi għax-xogħol billi ħarġet fuq sick leave. Il-fatt li ma attendietx, ittieħdet mill-Bord tad-Dixxiplina bħala turija ta’ arroganza min-naħa tagħha.

    Camilleri kien taha parir biex tmur tkellem lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali biex jinvestiga l-każ tagħha u x’wassal biex din tinżamm hemm. Huwa żied jgħid li psikjatra indipendenti li eżaminaha kien ikkonkluda li fiż-żmien li seħħ l-inċident hija kienet konxja mill-azzjonijiet tagħha kif ukoll li ma kellhiex kundizzjonijiet. 

    Illum il-ġurnata, il-mara mhux qed tidħol għax-xogħol pero’ għandha ċertifikat mingħand psikjatra ieħor li jgħid li hija tinsab f’kundizzjoni li taħdem pero’ mhux f’Monte Carmeli minħabba t-trawma li għaddiet minnha. 

    Camilleri qal li l-GWU ilha tinsisti għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat biex il-mara tingħata trasferiment għal sptar ieħor mingħajr ma titlef ebda kundizzjoni tal-impjieg tagħha. Sostna li “madankollu sa issa għadu ma ġara xejn minn dan.”

    Huwa qal ukoll li wara li kienu infurmati li l-mara nstabet ħatja tan-nuqqas ta’ attendenza tagħha, l-GWU għamlet appell verbali fuq din id-deċiżjoni u għamlet is-sottomissjonijiet tagħha, u li għadhom sa issa mingħajr tweġiba. 

    “L-impenn tagħna bħala unjin huwa biex dawn l-affarijiet jinbidlu. Nappella lill-Ministru għas-Saħħa biex jara tassew x’qed jiġri u nitolbuh biex ġenwinament jintervjeni. Jiena personalment nemmen lill-membru,” tenna Camilleri.

    “Sitwazzjoni inkwetanti fl-Isptar Monte Carmeli”

    Sadanittant, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri kompla jitkellem dwar is-sitwazzjoni “inkwetanti” li hemm fl-Isptar Monte Carmeli u semma kif fl-aħħar sena, care workers li huma impjegati mal-kuntratturi qegħdin jitqabbdu jagħmlu xogħol li mhux fil-kompitu tagħhom li jagħmluh.

    Huwa qal li dawn il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol ta’ constant watch level 1, (fejn fuq ordni ta’ tabib, nurse jiġi assenjat ma’ pazjent deskritt bħala perikoluż għalih u għal ħaddieħor li xogħlu jkun dak li joqgħod quddiemu biex f’każ li jinqala’ xi ħaġa jintervjeni) u constant watch level 2 fejn il-pazjenti jkollhom bżonn ta’ ċertu attenzjoni imma mhux daqs dawk f’level 1.

    Fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena, fid-direttiva li ħarġet il-GWU, jingħad li dawn il-care workers ma għandhomx jagħmlu xogħol ta’ constant watch. Huwa tenna li dawn il-ħaddiema qed ikollhom jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol li huwa ta’ periklu għalihom u għall-pazjenti. Għalhekk il-GWU qed tinsisti mal-maniġment tal-Isptar Monte Carmeli biex dawn il-ħaddiema ma jitqabbdux jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol li mhumiex imħarrġa fih.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0