Iż-żmien li ngħixu f’dar normali se jispiċċa?

  • Set 14, 2018 09:34
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Il-kriżi dinjija tal-akkomodazzjoni qed twassal għal għixien estrem fi spazju żgħir u kompatt iżżejjed

    adwar 900 miljun persuna fid-dinja jgħixu fi kwartieri fqar f’akkomodazzjonijiet mhux xierqa tant li lanqas għandhom ilma u sistema sanitarja diċenti. Hu stmat li sas-sena 2025 1.6 biljun persuna, jiġifieri 20% tal-popolazzjoni dinjija se jkollha diffikultajiet kbar biex tkun tiflaħ tħallas għal saqaf fuq rasha.

    Il-problema tal-akkomodazzjoni qiegħda tinħass f’pajjiżna wkoll meta f’dawn l-aħħar snin il-prezzijiet kemm tal-proprjetà għall-bejgħ, kif ukoll dik għall-kiri telgħu m’għola s-sema. 

    Għaxar snin ilu appartament b’żewġt ikmamar tas-sodda fit-Tramuntana ta’ Malta kien jinbiegħ għall-prezz medju ta’ €90,000 u jinkera għal €230 mentri llum il-ġurnata l-prezzijiet splodew tant li biex tixtri l-istess appartament trid tħallas id-doppju u biex tikrih il-prezz ittrippla! 

    Konsegwenza ta’ din iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta b’ċittadini li maġġoranza tagħhom għandhom paga medja jew minima, ix-xiri tal-proprjetà qed ikun iebes ħafna u l-ħlas tal-kirjiet saru piż kbir fuq kulħadd speċjalment fuq il-familji.

    Il-problema tal-prezzijiet tal-proprjetà tat bidu għall-fenomenu ta’ kiri ta’ kamra fejn appartament li s-soltu kien jinkera minn persuna waħda jew koppja issa qed jinqasam bejn numru ta’ persuni tant li xi drabi bejn sitt u/jew tmien persuni jgħixu f’appartament wieħed. Dawn jikru “kamra” f’appartament iffullat b’nuqqas ta’ privatezza u kumdità. Il-kriżi fis-settur tal-akkomodazzjoni hi waħda soċjali fejn qegħdin naraw persuni jgħixu f’garaxxijiet, anke xi drabi taħt l-art u f’irziezet. 

    Il-problema f’Malta mhix daqshekk gravi daqs sitwazzjonijiet li naraw barra minn Malta għax pajjiżna minn żmien Mintoff kellu sistema ta’ akkomodazzjoni soċjali li dejjem ħasbet għall-batut tal-poplu. F’dawn l-aħħar snin Malta bdiet tiffaċċja sfidi ġodda f’dan il-kamp u l-istat għandu pjanijiet u strateġiji biex jindirizza din il-problema qabel ma ssir kriżi serja bħal fil-każi ta’ pajjiżi barranin.

    Fi studju ġdid li sar mill-World Resources Institute (WRI) juri kif politika ħażina dwar akkomodazzjoni soċjali, pressjoni biex isiru sidien tad-djar tagħhom u użu ħażin tal-art wasslu biex tiggrava u tiżdied il-kriżi fl-akkomodazzjoni speċjalment fil-bliet ewlenin u f’pajjiżi b’popolazzjoni kbira iżda b’art limitata. Tant li diversi pajjiżi qegħdin jikkonsidraw alternattivi ġodda u xi drabi estremi fosthom l-appartamenti mikro… appartamenti żgħar ħafna, pjuttost iżżejjed tant li hemm kummenti bħal “tgħix f’tebut qabel tmut!”

    Pajpijiet tal-konkrit ikkonvertiti f’residenzi

    Hong Kong minħabba l-ġeografija tal-belt gżira bħallissa għandu kriżi kbira fl-akkomodazzjoni soċjali. Iż-żieda fil-popolazzjoni u t-talba kbira f’dan is-settur kibret bil-konsegwenza li l-prezzijiet tal-proprjetà fuq din l-art limitata splodew. Fl-2017 sar stħarriġ demografiku dwar akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli għal kulħadd fejn irriżulta li Hong Kong hu fl-ewwel post fost il-bliet ewlenin fid-dinja bl-għola prezzijiet għall-akkomodazzjoni.

    Kumpanija f’Hong Kong, il-James Law Cybertecture, ħarġu bl-idea u bnew prototip ta’ akkomodazzjoni alternattiva li tiswa ftit flus li tikkonsisti f’pajpijiet tal-konkrit ikkonvertiti f’residenzi mmirati biex jitpoġġew bejn il-vojt tal-binjiet fl-ibliet iffullati. 

    Fi kliem sempliċi, l-idea hi li jimltew l-ispazji bejn blokk ta’ bini u ieħor b’pajipijiet kbar u fihom ipoġġu n-nies jgħixu f’dak li qegħdin isejħu l-micro homes - djar mikro. Il-proġett propost intitolat OPod Tube Housing jikkonverti l-pajpijiet wiesgħa żewġ metri u nofs fi “djar” b’daqs totali ta’ 9.29 metru kwadrat li huma mgħammra b’bibien li jistgħu jissakkru bl-ismartphones.

    Il-ħsieb hu li dawn l-istrutturi f’forma ċilindrika jitpoġġew fuq xulxin u b’hekk joffru akkomodazzjoni bi ftit flus għaż-żgħażagħ li jgħixu għal rashom għall-ewwel darba fiċ-ċentru ta’ Hong Kong. Din it-tip ta’ akkomodazzjoni hi maħsuba bħala alternattiva temporanja għal perjodu ta’ massimu sentejn li mistennija tkun popolari fost iż-żgħażagħ li ma jifilħux iħallsu l-flejjes involuti ma’ xiri jew kiri ta’ proprjetà privata. L-OPod Tube Housing għadu f’fażi ta’ prova u għandu l-għan li sa ċertu punt jindirizza l-problemi kbar li hemm fis-settur tal-akkomodazzjoni f’Hong Kong.

    Il-periti li ddisinjaw l-OPod bnew prototip biex jagħtu idea ta’ kif inhi mqassma residenza ta’ dan it-tip. Il-ħitan fuq ġewwa huma tondi u l-akkomodazzjoni għandha spazju biex wieħed jorqod, isajjar u jinħasel. Fuq quddiem tal-pajpijiet residenzjali tpoġġew bibien u twieqi u biex ikun hemm aktar dawl fuq ġewwa l-bini ġie mgħammar b’dwal taħt l-ixkafef u tpoġġiet lampa mal-ħajt li tista’ tinġibed ‘il barra tul il-kamra.

    Il-kumpanija li ddisinjat dawn it-tip ta’ akkomodazzjoni mikro tgħid li din il-proposta mhix soluzzjoni permanenti għall-kriżi f’Hong Kong, iżda temmen li jistgħu joffru alternattiva temporanja għal residenti li qegħdin ifittxu akkomodazzjoni bi ftit flus u għal żmien limitat.

    Dawn il-mikro appartamenti jiswew madwar €12,000 biex jinbnew u jistgħu jinkrew għal madwar €300 fix-xahar. Il-kera medja ta’ appartament b’sodda waħda fiċ-ċentru ta’ Hong Kong bħalissa hija ta’ madwar €1,700 fix-xahar. Din qed tirriżulta għolja wisq għall-but tan-nies u proposta bħal din tal-mikro appartamenti qiegħda tidher attraenti min-nies li m’għandhomx alternattivi oħra.

    Proġett bi ħsieb li jsir realtà…

    F’Hong Kong dan il-proġett għadu fi stadji ta’ prova iżda jingħad li l-kumpanija Law tinsab f’negozjati mal-Gvern lokali biex jiddiskutu li jitpoġġew diversi akkomodazzjonijiet OPods u jibdew jinkrew lin-nies. Dan il-proġett mhuwiex l-ewwel wieħed li kien propost biex tiġi solvuta l-krizi tad-djar f’dan il-pajjiż. 

    Fil-fatt fl-2014 il-kumpanija Affect-T ta’ Hong Kong kienet issuġġeriet djar mikro magħmula mill-Bamboo li jitpoġġew f’bini ta’ fabbriki abbandunati. Aktar riċenti, il-kumpanija Design Eight Five Two wżat ħitan temporanji (dividers), għamara li faċli tmexxiha minn post għall-ieħor u ħażna moħbija biex jagħmlu l-aħjar użu minn appartament kbir 51 metru kwadru. Idea oħra kienet ta’ NCDA li għamlet speċi ta’ mezzanin bl-istil ta’ dar fuq siġra (tree house) bil-għan li jiksbu aktar ispazju f’appartament żgħir b’daqs ta’ 34 metru kwadru.

    New York bi ħsieb simili… iżda għal dawk bla saqaf fuq rashom

    Ħsieb simili, iżda din id-darba fi New York, ġie ppreżentat mill-kumpanija Framlab li ħarġu b’disinn ta’ bini f’forma ta’ xehda tal-għasel bil-għan li jagħtu kenn lin-nies li jgħixu barra minħabba li huma fqar u bla dar.

    Din l-iskema ta’ akkomodazzjoni ġiet żviluppata minħabba li mill-2012 il-problema tan-nies li jgħixu fit-triq fi New York telgħet għal 40%.

    Hemm diversi fatturi li wasslu biex fi New York żdied ħafna n-numru ta’ nies li huma bla saqaf fuq rashom fosthom l-għoli fil-prezzijiet tal-kiri, nuqqas ta’ għajnuna soċjali fl-akkomodazzjoni u nuqqas ta’ regolarizzazzjoni fil-liġijiet tal-kera.

    Minħabba li l-art hija limitata u tiswa ħafna flus, Framlab ippropona li jintużaw l-ispazji vertikali bejn il-ħitan ta’ bini li diġà qiegħed hemm bil-għan li joffru kenn temporanju lill-persuni bla dar. L-iskema tipproponi bini bla twieqi bil-forma eżagonali fl-ispazji bejn bini u ieħor. Minkejja li New York hi imbullata bil-bini ġew identifikati għadd kbir ta’ spazji vojta li qiegħed hemm għal xejn.

    Din l-akkomodazzjoni proposta tista’ tilqa’ persuna waħda biss minħabba li hi żgħira ħafna iżda almenu l-persuna li tgħix fiha jkollha saqaf fuq rasha u privatezza. L-istruttura tal-akkomodazzjoni mikro hi ddisinjata b’tali mod li tista’ tiżżarma malajr jekk ikun hemm il-bżonn minħabba li s-sit ikun se jiġi żviluppat f’bini ieħor. 

    Din is-sistema hi simili għal dik li ppropona James Fruzer f’Londra li ħareġ bl-idea li jibni spazji temporanji magħmula mill-injam għall-persuni bla saqaf.

    Livelli kritiċi fil-maġġoranza tal-pajjiżi fl-UE

    Il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea qegħdin isofru minn kriżi fis-settur tal-akkomodazzjoni u dan b’eċċezzjoni biss għall-Finlandja. Rapport maħruġ fl-2017 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu ma’ persuni bla dar juri li l-problemi tal-akkomodazzjoni soċjali laħqu livelli kritiċi fil-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi kollha fl-Ewropa. 

    Hu rrapportat li l-aktar li qegħdin ibatu huma ż-żgħażagħ li minħabba din is-sitwazzjoni qegħdin ikollhom jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u l-possibbiltà li jkollhom proprjetà tagħhom fil-futur qarib qiegħda dejjem tonqos.

    Hu stmat li nofs il-popolazzjoni żagħżugħa tal-Unjoni Ewropea tonfoq aktar minn 40% mid-dħul tagħha fi spejjeż għall-akkomodazzjoni. F’uħud mill-pajjiżi s-sitwazzjoni hi ħafna agħar fosthom fid-Danimarka u l-Ġermanja li 78% u 65% rispettivament jonfqu aktar minn 40% tal-pagi tagħhom biex ikollhom saqaf fuq rashom.

    Il-Finlandja tidher li tinsab stabbli f’dan is-settur grazzi għall-miżuri soċjali li ħadet f’dawn l-aħħar 20 sena. Dan il-pajjiż investa f’aktar akkomodazzjonijiet bi prezzijiet issusidjati, b’mod speċjali għall-persuni fil-bżonn.

    Il-prezzijiet tal-proprjetà fl-Ewropa qegħdin jogħlew aktar milli qegħdin jogħlew il-pagi u dan il-piż qed jinħass fi Franza fejn il-ħaddiema qegħdin iħossuhom dejjem jifqaru. Din il-problema ma teżistix fi Franza, biss iżda fl-Ewropa kollha fejn fl-2016 kien hemm l-ogħla żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni mill-aħħar kriżi ekonomika tal-2008.

    Fit-tieni edizzjoni tar-rapport dwar is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa fl-2016 il-prezzijiet tad-djar għolew b’4.4%  meta mqabbel ma’ 4% fl-2015 u 2.5% fl-2013. 

    Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea f’dan is-settur… 

    Fost il-proposti biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-akkomodazzjoni fil-pajjiżi Ewropej, id-Deputat Segretarju Ġenerali u Ko-ordinatur għall-Politika tal-Akkomodazzjoni fl-Ewropa Julien Dijol, jgħid li, “hemm bżonn jinbnew aktar djar bi prezzijiet issusidjati b’mod speċjali fl-ibliet ċentrali fejn hemm konċentrazzjoni ta’ residenti minħabba raġunijiet ta’ xogħol.” 

    Huwa qal li wara l-kriżi ekonomika kien hemm nuqqas fl-investiment tal-akkomodazzjoni soċjali u issa wasal iż-żmien li l-gvernijiet lokali jerġgħu jibdew jinvestu f’bini tal-Gvern. 

    Dijol jipproponi li l-industrija tal-kostruzzjoni tidħol fi ftehim mal-istati biex isir xogħol ta’ rinnovazzjoni fil-proprjetajiet antiki bi pjan strateġiku li jimmodernizzaw dawn id-djar u joffruhom liċ-ċittadini bi prezzijiet issusidjati. 

    Huwa jsemmi kif l-innovazzjoni fl-arkitettura ta’ strutturi li fihom jistgħu jgħixu aktar nies għandhom ikunu prattiċi u ssusidjati mill-Gvern u permezz ta’ ideat ġodda jista’ jsir ippjanar u tqassim ta’ akkomodazzjoni aktar vijabbli milli għandna llum il-ġurnata.

    Barra minnhekk, “hu importanti li l-art fl-ibliet prinċipali tkun użata aħjar u l-bini għandu jkun studjat u mibni b’tali mod li jkun jista’ jesa’ aktar nies fih speċjalment lill-impjegati tal-istess belt,” sostna Dijol. 

    Rigward soluzzjoni għall-kriżi f’dan is-settur il-kelliem qal li hemm bżonn li l-gvernijiet ċentrali jagħmlu strateġiji ta’ akkomodazzjoni prattika bi prezzijiet issusidjati biex inaqqsu mill-piż finanzjarju li s-settur tal-akkomodazzjoni qed ikollu fuq iċ-ċittadini Ewropej.

    Dijol jaqbel li l-mexxejja tal-istati membri għandhom jindirizzaw din il-problema fuq livell nazzjonali iżda jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti fis-soluzzjoni tal-kriżi fl-akkomodazzjoni. 

    Huwa jgħid li, “l-Unjoni għandha tagħti inċentivi lil dawn il-gvernijiet biex ikomplu jinvestu fl-akkomodazzjoni soċjali u mhux biex inaqqsu fl-infieq f’dan is-settur tant importanti”. 

    Barra minn hekk l-UE tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet u linji ta’ gwida rigward liġijiet ġodda li jsiru fl-istati membri u tagħmel fondi Ewropej apposta bħala forma ta’ sostenn biex tiġi indirizzata aktar u aħjar il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali fl-Ewropa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook