Espert iwissi dwar il-perikli tal-għadds

  • Set 14, 2018 08:00
  • Miktub minn iNews

    Il-President ta’ Malta Skin Divers Club, fid-dawl ta’ żewġt imwiet f’xahar ta’ żgħażagħ li kienu qed jogħdsu, jisħaq dwar l-importanza li dejjem għandek tkun akkumpanjat meta tipprattika dan l-isport…

    “Jien lil Simon nafu bħala bniedem kwiet, ħabbrieki u ċajtier. Huwa kien jaħdem fl-istess lukanda li mmur jien, it-Topaz Hotel u minn dejjem kien iħobb il-baħar. Xħin smajt l-aħbar ixxukjajt ruħi u qas stajt nemmen. X’vojt ser tħalli Simon, kont tifel vera bilgħaqal.”

    Hekk qal wieħed mill-ħbieb ta’ Simon Psaila, il-ġuvni ta’ 24 sena li nhar l-Erbgħa li għadda nstab mejjet wara li kien qiegħed jogħdos bin-nifs fl-inħawi tal-Veċċa fix-Xemxija. 

    Mara li kienet toqgħod fl-istess triq ta’ Simon qalet lil dan il-ġurnal li huwa kien ġuvnott umli ħafna, dejjem mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol u kien jieħu ħsieb ħafna ta’ missieru.

    Adrian Bonello qal li Simon kien bniedem kwiet u mistħi. “Kien ħabib li għalkemm konna niltaqgħu ftit drabi biss kont tiehu gost titkellem miegħu u dejjem kien jipprova jiftaħlek għajnejk meta tiżbalja.”

    “Qatt tipprattika dan l-isport waħdek, kun dejjem akkumpanjat”

    L-inċident ta’ Simon mhux l-unika każ li seħħ f’dan l-aħħar xahar, hekk kif fl-4 ta’ Settembru nstab mejjet iż-żagħżugħ ta’ 20 sena, Neil Zammit wara li huwa ukoll kien qiegħed jogħdos bin-nifs flimkien ma’ sieħbu f’Baħar iċ-Ċagħaq. 

    Il-mewt ta’ Neil ħasdet lil bosta speċjalment għax huwa kien magħruf bħala għaddas kapaċi fin-nifs u kien jipprattika dan il-passatemp b’passjoni kbira.

    Fid-dawl ta’ dawn l-inċidenti, dan il-ġurnal tkellem mal-klabb tal-Malta Skin Divers fejn qalu li huwa importanti ħafna li meta wieħed jipprattika dan l-isport għandu dejjem ikun akkumpanjat minn persuna oħra. “M’għandek qatt tinżel waħdek. Huwa importanti ħafna li jkun hemm persuna li tinżel l-istess livell miegħek ħalli jekk jinqala’ xi għawġ ma tkunx waħdek. Il-baħar huwa imprevedibbli u ma tafx x’jista’ jinqala’.”

    Meta wieħed jogħdos mingħajr tagħmir, dak li jissejjaħ bħala freediving jew snorkelling, jinvolvi li wieħed iżomm in-nifs għal tul ta’ żmien. Riċentament dan evolva bħala forma ta’ passatemp rikreattiv u bħala sport. 

    Freediving huwa sport delikat u hemm bżonn tagħlim speċifiku biex wieħed jitgħallem kif għandu jieħu n-nifs. Ħafna nies jaħsbu li minħabba li ma għandhom l-ebda tagħmir ikkumplikat, din hija alternattiva aktar sikura għall-scuba diving, iżda din il-libertà għandha s-sett tagħha ta' perikli u riskji.

    Huwa rrakomandat li fl-ebda punt m’għandek tipprattika dan l-isport waħdek. L-imwiet f’dan it-tip ta’ sport, minn novizzi sa professjonisti liberi, kważi dejjem huma kkawżati minn persuni li jmorru lil hinn mil-livell tal-ħiliet tagħhom jew mingħajr l-appoġġ meħtieġ.

    Kelliema mill-Malta Skin Divers Club żied jgħid li “nirrakomandaw ukoll li wieħed jibda billi jmur għal kors bażiku minn għalliem ċertifikat b’xejn biex jitgħallmu kif jipprattikaw dan l-isport u jkunu aktar sikuri.

    Huwa qal li “wieħed mill-pariri li nirrakkomandaw huwa li jibdew minn livell ta’ 10 metri, ħalli jekk jiġri xi black out, il-persuna ma tkomplix tgħereq ‘il isfel imma tirritorna lura fil-wiċċ.” 

    “Aħna nħeġġu lill-membri kollha tagħna biex ikollhom kors bażiku tal-ewwel għajnuna. Kellna membri tal-klabb tagħna li salvaw il-ħajjiet fil-passat bis-saħħa tal-għarfien miksub. Fil-fatt aħna bħala klabb norganizzaw wkoll dawn il-korsijiet għall-membri tagħna.”

    “Importanti li meta l-persuna titla’ fil-wiċċ, il-persuna l-oħra għandha tħares f’għajnejha u tkellimha”

    Tkellimna mal-President tal-Malta Skin Divers Club Michael Galea fejn spjega li wieħed mir-riskji prinċipali matul il-free diving huwa dak li jissejjaħ ‘Shallow Water Black Out u Black Out’. Din hija reazzjoni mmirata biex tnaqqas l-attività metabolika kollha biex tiffavorixxi l-ossiġenazzjoni tal-qalb u l-moħħ, huwa l-aħħar tentattiv tal-ġisem li jsalva lilu nnifsu, mhux il-bidu tat-tmiem.

    “Il-Black out hija faċli ħafna biex isalvaha, imma huwa importanti li jkollok lil xi ħadd miegħek li jieħu ħsiebek. Huwa importanti ukoll li meta l-persuna titla’ fil-wiċċ, il-persuna l-oħra għandha tħares f’għajnejha u tkellem lill-persuna biex tassigura li kollox ikun sew.”

    Galea qal li ġieli jkun hemm każijiet fejn il-persuna titla’ fil-wiċċ imma terġa’ tinżel lura b’ħass ħażin. “Huwa importanti li l-persuna li tkun miegħek tkun imħarrġa ukoll biex tagħti l-ewwel għajnuna meħtieġa għax b’manuvra sempliċi tista’ issalva lill-persuna.”

    “Min jixtieq jipprattika dan l-isport għandu jieħu kors speċjali tal-free diving”

    “Għalhekk l-importanza li jkun hemm buddy, persuna li tinżel miegħek, ” qal Galea.

    Differenti ħafna minn Scuba diving li huwa relattivament sport sikur ħafna meta mqabbel ma' free diving, fi scuba għandek bżonn ta' taħriġ u liċenzja biex tipprattika, imma biex tipprattika l-free diving kulma għandek bżonn hija maskra tal-wiċċ u snorkel.

    Galea qal li huwa ferm importanti li wieħed li jixtieq jipprattika dan l-isport jieħu kors speċjali tal-free diving li jiġi offrut minn diversi skejjel privati biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju li jsir xi inċident.

    “Huwa importanti li minn jipprattika dan l-isport ikun armat b’ċertu apparat. Importanti ħafna, u din hija bil-liġi, li jkollok apparat bħal baga biex wieħed jidentifika l-preżenza tiegħu.” 

    Kelliem mill-Malta Skin Divers Club qal li “aħna wkoll qegħdin fir-riskju li nintlaqtu minn dgħajjes, ħafna sidien ta' dgħajjes ma jagħtu l-ebda konsiderazzjoni lill-markaturi li nagħmlu aħna u nipprattikaw dan l-isport u  drabi jgħaddu b’mod perikoluż u minn qrib ħafna. “Kellna żewġ membri tal-klabb f'dawn l-aħħar snin, wieħed spiċċa b’sieq maqtugħa barra u l-ieħor weġġa l-għarqub.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook