L-edukazzjoni ċivika għandha ssir suġġett fl-iskejjel … Kurrikulu ta’ preparazzjoni għaż-żgħażagħ li issa jistgħu jivvotaw ta’ 16-il sena

  • Set 12, 2018 12:33
  • Miktub minn iNews

    Issa li għaddiet il-liġi li tagħti l-fakultà liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvotaw fl-elezzjoni ġenerali tal-pajjiż, il-Partit Vote 16 - Edukazzjoni Ċivika jemmen li mill-aktar fis possibbli għandhom jittieħdu miżuri biex l-edukazzjoni ċivika issir wieħed mis-suġġetti mgħallma fil-kurrikulu nazzjonali fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Din il-proposta saret fis-seduta parlamentari nazzjonali għaż-żgħażagħ organizzata mill-KNŻ ta’ dalgħodu bil-għan li jkun hemm preparazzjoni edukattiva li twassal ġenerazzjoni ġdida ta’ ċittadini aktar ippreparati u attivi fil-politika tat-tmexxija ta’ pajjiżna. 

    Filwaqt li l-Partit Vote 16 saħaq li l-vot huwa pass importanti u l-ewwel tarġa għaż-żgħażagħ fix-xena politika lokali, jemmen li dan mhux il-punt tal-wasla. Jingħad li l-parteċipazzjoni żgħażugħa għandha tibdel il-mentalità politika ta’ Malta u li l-enerġija tagħhom tista’ tolqot b’mod pożittiv ix-xena politika. 

    Il-proposta li ppreżenta dan il-partit hi li jsir pjan ta’ edukazzjoni ċivika biex jipprepara liż-żgħażagħ għall-vot u jressaqhom aktar lejn ix-xena politika. It-tliet proposti huma:

    1. Kampanja informattiva dwar l-importanza tal-vot responsabbli. Din għandha tkun immirata aktar lejn l-udjenza żagħżugħa li ssegwi l-aktar fuq il-mezzi soċjali. Hu ssuġġerit ukoll li din il-kampanja jkollha maskot bil-għan li jiġbed aktar l-attenzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.

    2. L-edukazzjoni ċivika għandha ssir bħala suġġett bla eżami fl-iskejjel kollha. Hu propost li ssir edukazzjoni informattiva fl-iskejjel bħala tħejjija ta’ ċittadini responsabbli u mhux tingħata biss edukazzjoni akkademika. Dan is-suġġett jista’ jsir bla eżami bil-għan li l-istudenti ma jħossuhomx sfurzati u forsi jitilfu l-interess. 

    Inqtal li s-suġġett għandu jiġi ppreżentat b’mod attraenti b’firxa wiesgħa li tolqot lill-istudenti u li jsiru laqgħat ta’ diskussjoni ma’ għaqdiet taż-żgħażagħ b’temi kurrenti u informattivi. 

    Filwaqt li l-partit jifhem li l-introduzzjoni ta’ dan is-suġġett fl-iskejjel tista’ twassal għal sfidi ġodda fis-sistema edukattiva u għall-edukaturi, huwa jemmen li dan is-sillabu hu importanti għas-sistema elettorali tagħna bħala preparament siewi għaż-żgħażagħ għal meta jasal iż-żmien li jivvotaw. 

    Il-partit jissuġġerixxi li suġġett tal-edukazzjoni ċivika jista’ jinkludi fost l-oħrajn il-prinċipji bażiċi tal-ekonomija u li tingħata ħarsa ħafifa lejn l-ideoloġiji tal-prinċipji tal-partiti politiċi ewlenin, kemm lokali, kif ukoll Ewropej.

    3. Il-kunsilli lokali jistgħu jkollhom aktar żgħażagħ u jsiru aktar inizjattivi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika Maltija fosthom inizjattivi li jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ istituzzjonijiet bħal dak tal-Parlament. Il-Partit Vote 16 jipproponi l-introduzzjonijiet ta’ forums u blogs onlajn li jilqgħu dibattiti liberi u li jagħtu informazzjoni dwar ix-xena politika jgħinu liż-żgħażagħ fl-għarfien politiku tagħhom. 

    Fl-aħħarnett jingħad li din hija l-ewwel ġenerazzjoni li se tivvota u għandha ftit informazzjoni u issa li ż-żgħażagħ għandhom sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom hemm bżonn ta’ inizjattivi u workshops biex jedukaw u jippreparaw lilhom infushom għar-responsabbiltà politika tagħhom. 

    Il-Partit Vote 16 - Edukazzjoni Ċivika qal li l-ħsieb wara din il-proposta hu li jitjieb dak li diġà hemm fis-sistema edukattiva u mhux li jmanjnuha jew jagħmlu l-ħajja tal-edukaturi aktar diffiċli. 

    Is-suġġetti diskussi din is-sena f’din is-seduta parlamentari għaż-żgħażagħ kienu l-media u l-ġurnalizmu f’Malta, l-istrateġija tal-iżvilupp tal-bini f’Malta, l-edukazzjoni ċivika b’relazzjoni tal-Vote 16, is-saħħa mentali, ir-riformi fil-liġi tal-prostituzzjoni u l-legalizzazzjoni tal-marjuwana.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0