Lejn gwerra fuq skala mondjali?…tħassib għall-akbar eżerċizzju Russu sa mit-tieni gwerra dinjija

  • Set 11, 2018 13:40
  • Miktub minn iNews

    Fl-aħħar xhur  rajna  it-tensjonijiet fix-xena internazzjonali jiżdiedu.  Qed nitkellu fuq il-kunflitt Sirjan u l-kwistjonijiet li inqalgħu, il-kwistjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran u t-tensjoni f’Gaża.  Kunflitti li fost ħafna esperti qanqlu mistoqsijiet dwar jekk id-dinja hix riesqa lejn gwerra dinjija oħra.  Quddiem dan ma tistax ma tistaqsix kemm huma reali dikjarazzjonijiet bħal dawn? L-ewwel li ma jiġik f’moħħok hu dak ta’ jekk id-dinja tgħallimtx mill-ġara fil-passat. Mill-banda l-oħra storiċi jikkummentaw kif l-istorja tirrepeti ruħha aktar u aktar dawk li jkunu għaddew minn kunflitti qabel, ikunu għebu minn din id-dinja u għalhekk dawk li qed jgħixu hawn illum ma jkunux esperjenzaw b’mod dirett il-kruha ta’ dawk il-gwerer. 

    Jekk nieħdu l-kunflitt bejn l-Istati Uniti u l-Iran naraw li dan ħa żvolta ġdida meta l-President Trump iddeċieda li joħroġ minn ftehim li kien sar mal-Iran dwar il-programm nuklejar. Deċiżjoni li ġiet ikkritikata minn ħafna u kien hemm  min iddeskriviha bħala ‘l-akbar żball tal-Istati Uniti fil-lvant nofsani sa mill-gwerra tal-Iraq”.

    X’wassal lil Trump għal din id-deċiżjoni hemm ħafna spekulazzjonijiet. Diversi analisti kienu jqisu l-ftehim li kien sar mal-Iran bħala importanti għax dan kien se jżommu milli jkollu kapaċità nuklejari.  Fost l-ispekulazzjonjiet għaliex Trump ħareġ minn dan il-ftehim kien hemm dik li saret pressjoni mill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u minn Mohammed Bin Salman tas-Għarabja Sawdija. 

    Aktar qabel kien hemm il-kunflitt fis-Sirja u d-deċiżjoni li wasslet biex l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza jisparaw xejn inqas minn 100 missiela kontra faċilitajiet militari tal-President Assad.  Dan sar b’ritaljazzjoni għal allegat attakk kemikali mill-gvern Sirjan fuq niesu stess. L-attakk tal-Punent kien ġie kkriikat bl-aħrax mill-President Russu Vladimir Putin. 

    F’laqgħa li kienet saret f’Helsinki bejn Trump u Putin, iż-żewġ nazzjonijiet kienu qalu li l-militar tgħhom qed jikkoperaw mill-qrib ma’ xulxin. Putin kien qal li l-kwistjoni tas-Sirja se tkun eżempju ta’ ħidma flimkien.  Għalkemm intqalu dawn id-dikjarazzjonijiet ftit li xejn hu magħruf eżattament f’hiex inhi din il-ħidma u meta tqis li l-Istati Uniti u s-Sirja għandhom interessi differenti fil-kwistjoni Sirjana.

    Ma rridux ninsew il-kwistjoni ta’ Gaza u l-biża li tfaqqa’ it-tielet intifada b’mod partikolari wara li Trump ħabbar id-deċiżjoni li jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael. 

    Kwistjoni oħra li qed tinkwieta lil diversi analisti hi dik tal-baħar fin-nofsinhar taċ-Ċina, fejn iċ-Ċna  ħoloqot faċilitajiet militari  fuq gżejjer kontestati. Bastimenti militari Amerikani regolarment ibaħħru qrib dawn il-gżejjer minkejja oġġezzjonijiet miċ-Ċina. Fost dawk li għamel dikjarazzjonijiet inkwetanti dwar dan, kien l-eks konsulent ta’ Trump Steve Bannon, fejn skont hu, fi żmien bejn 5 u 10 snin iċ-Ċina u l-Istati Uniti ikunu fi gwerra. 

    Matul dan ix-xahar mobilizazzjonijiet militari

    Matul dan ix-xahar mijiet ta’ eluf ta’ suldati Russi, tan-Nato u Ċiniżi se jkunu mobilizzati f’diversi eżerċizzji.  Dawn l-eżerċizzji militari qed jitqiesu  bħala l-akbar li qatt seħħew minn wara it-Tieni Gwerra Dinjija u li qed iseħħu hemm kif għadd ta’ kunflitti militari qed joħolqu tensjonijiet bejn diversi pajjiżi armati b’armi nuklejari.

    Bħalissa ir-Russja għandha l-akbar ammont ta’ bastimenti u suldati ibbażati fil-baħar Mediterran.  L-istess pajjiż se jkun qed jagħmel eżerċizzju fuq tmint ijiem fir-reġjun, li se jkun  jikkonsisti b’25 bastiment u xejn inqas minn 30 ajruplan inkluż Tu-160 Strategic Bombers, li l-kapaċità tinkludi attakki nuklejari. Il-Ministeru tad-Difiża Russu avża li ż-żoni li fihom se jsir l-eżerċizzju se jitqiesu bħala ‘perikolużi għan-navigazzjoni u għat-titjir tal-ajruplani”.

    Fil-11 ta’ Settembru, ir-Russja u ċ-Ċina se jniedu dak li jissejjaħ ‘Vostok -18”, eżerċizzju fil-lvant tar-Russja.  Dan l-eżerċizzju hu saħanistra akbar mill-eżerċizzju li kien sar fl-1981 imsejjaħ Zapad-81, li dakinhar kien tqies bħala l-akbar eżerċizzju. Dan l-eżerċizzju se jinvolvi madwar 300,000 suldat, 1,000 ajruplan u 36,000 vettura militari minn naħa tar-Russja flimkien ma’ 3,200 suldati miċ-Ċina, 30 ajruplan Ċiniż u 900 vettur militari.

    In-NATO mhix qed toqgħod lura ukoll u fil-bidu ta’Settembru ħadet sehem f’eżerċizzju fl-Ukrajna li fih ħadu sehem aktar minn 2,000 suldat.  Dan qed jitqies bħala preludju għal dak li se kun hemm wara u dan għab  bejn il-25 ta’ Ottubru u s-7 ta’ Novembru fin-Norveġja u mhux bogħod mill-fruntiera Russa, in-NATO se tagħmel l-aktar eżerċizzju tagħha mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, it-Trident Juncture 2018. Fih se jieħdu sehem 40,000 suldat tan-Nato, 130 ajruplan u 70 bastiment militari. 

    Imma dawn qed isiru bħala rutina, jew hemm xi pjani li għadna ma nafux bihom?  Mistoqsija li għalija mhemmx tweġiba ċara. L-ispekulazzjoni ma tonqosx u l-fatt li dawn huma l-akbar eżerċizzji militari li qatt saru, iqajjem tħassib, b’mod partikolari għaliex qed isiru f’dan iż-żmien.

    Jekk wieħed imur ftit lura isib li f’Jannar, l-Istati Uniti kinet ippubblikat  Strateġija ġdida għas-Sigurtà Nazzjonali, fejn ir-Russja u ċ-Ċina issemmew bħala ‘revisionist powers’. F’dik l-istrateġija kien issemma’ li l-fokus prinċipali tal-Istati Uniti m’għadux it-terroriżmu imma ‘kompetizzjoni akbar għall-poter’.

    Minn naħa tagħhom ir-Russja u ċ-Ċina qed jiddikjaraw li l-eżerċizzju militari li se jwettqu flimkien  hu b’rispons għal din l-istrateġija ġdida tal-Istati Uniti. 

    Kien ċar ħafna dwar dan Francois Heisbourg, strateġista f’Istitut Internazzjonali għall-Istrudji Strateġiċi, fi tweet li ħareġ kiteb li “dan l-eżerċizzju massiċċ mir-Russja imur lil hinn minn għanijiet prestiġġjużi.  Dan jinvolvi xejn inqas minn 30 fil-mija tal-militar attiv fir-Russja u dan jinvolvi spiża kbira meta bħalissa hemm pressjoni fuq l-infieq militari fir-Russja. Dan it-tip ta’ eżerċizzju jagħmel sens biss  jekk tkun  qed tippjana għal probabbilità ta’ gwerra fuq skala kbira.”

    Minn naħa tiegħu Jonathan Holslag, minn Free University fi Brussels, kien kwotat jgħid li “dan juri sinjal ta’ deterrent.   Dan juri li minkejja li hemm ċertu nuqqas ta’ fiduċja bejn ir-Russja u ċ-Ċina, Moska mhu qed tara l-ebda għażla ħlief li taħdem maċ-Ċina u dan hekk kif ir-relazzjoni mal-Istati Uniti baqgħu mhux stabbli. Wieħed irid iżomm f’moħħu ukoll li l-għajnuna finanzjarja Ċiniża hi meħtieġa biex tnaqqas l-effett tas-sanzjonijiet tal-Punent”.

    U waqt li għaddejjin dawn il-movimenti kollha, fejn il-massa tan-nies ftit li xejn qed jindunaw jew huma konxji tagħhom, qegħdin dejjem jikbru l-appell biex jitwaqqfu movimenti kontra l-gwerra.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0