L-iskema “Nikru Biex Nassistu” għandha mal-40 applikazzjoni fi stadji differenti; “in-numru kien diżappuntanti, però mhix sorpriża”…
L-inizjattiva “Nikru Biex Nassistu”, l-iskema ta’ kiri ta’ propjetajiet għall-użu mill-Gvern bħala akkomodazzjoni soċjali, sal-lum il-ġurnata rċieva mal-40 applikazzjoni li bħalissa jinsabu fi stadji differenti.
Din l-inizjattiva nediet fi Frar li għadda mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, bil-għan li jinkoraġixxu lis-sidien ta’ propjeta residenzjali vojta biex jinkrew lill-Awtorita tad-Djar għal perjodu t’għaxar snin, filwaqt li l-Awtorita mbagħad tikri dawn il-propjetajiet lill-persuni li huma eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali. Filwaqt li d-dħul minn din l-iskema ikun eżentat minn ħlas ta’ taxxa, l-Awtorità tad-Dar tħallas lill-applikant kera bil-quddiem kull sitt xhur, liema kirjiet kienu jiżdiedu b’rata fissa ta’ tnejn fil-mija fis-sena.
B’risposta għall-mistoqsijiet li għamilnielu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni ikkonferma li bħalissa, huma biss tmien kuntratti taħt din l-iskema li bħalissa ġew iffirmati. 19-il applikant ieħor mistennija jagħmlu dan il-pass “fil-ġimgħat li ġejjin, li l-kuntratt tagħhom bħalissa qiegħed jiġi ffinalizzat mis-sezzjoni notarili tal-Awtorità tad-Djar.”
Dan jikkonferma dawk li tennew ma’ dan il-ġurnal sorsi fi ħdan l-istess Segretarjat Parlamentari, li allavolja dan in-numru wieħed ftit diżappuntanti, mhux għal kollox sorpriża. “Sal-aħħar t’April, kien għad hemm biss erba jew ħames persuni li kienu għaddew mill-fażi tal-applikazzjoni. Minn dakinhar l’hawn, sfortunatament li l-ammont t’applikanti ma’ nbidilx b’mod konsiderevoli.”
“Għall-Malti, l-propjetà mhix oġġett, iżda s-santwarju sagrosant tiegħu”
Sorsi fi ħdan il-Ministeru tennew kif allavolja dan kien diżappunt, numru bħal dan mhix għal kollox sorpriża. “Hemm diversi aspetti li trid tikkunsidra. L-ewwel nett, min għandu propjeta vojta ħafna drabi jkun irid ibiegħha, jew inkella jżommha għal iktar tard biex ibiegħha wara ċertu perjodu. Sadanittant, is-suq tal-kera huwa kif inhu fil-preżent, u ħafna nies jippreferu jmorru fis-suq privat mal-ewwel milli japplikaw biex tintuża għall-akkomodazzjoni soċjali. Illum il-ġurnata, wieħed faċilment jirreġistra l-propjeta tiegħu ma’ siti ma’ Airbnb, u jikri l-propjeta tiegħu għal ftit jiem biex ikollu dik it-tikka gwadann, mingħajr il-bżonn li joqgħod jirreġsitra ma’ xi entita.”
“Però l-ikbar raġuni prinċipali hija l-mentalita Maltija li għandna fuq il-bini. Hemm ammont sostanzjali ta’ nies Maltin li, minkejja dawn l-inizjattivi finanzjarji kollha, huma totalment kontra li jkollhom nies mhix qraba ġewwa l-propjeta tagħhom, anke għal skop finanzjarju. Il-poplu Maltin minn dejjem kien iqis il-propjeta mhix biss bħala oġġetti, iżda iktar bħala s-santwarju sagrosant tiegħu.”
Dawn is-sorsi spjegaw kif l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta huwa element li kapaċi jispjega dawn il-mentalitajiet prevalenti li għandhom il-Maltin fejn tidħol il-propjeta. “Qabel ma ġiet maħluqa il-borża ta’ Malta fl-1992, il-poplu Malti ma kellu l-ebda mod kif jagħmel xi tip ta’ investiment sigur, ħlief fil-propjeta. Minn dakinhar l’hawn, filwaqt li l-ekonomija lliberat ruħha, u żdiedu l-opportunitajiet, il-propjeta xorta għadha tibqa l-ikbar investiment li kapaċi jrendi ġo pajjiżna.”
“Ir-realtà hija li mhix faċli tiġġieled il-mentalita Maltija fejn jidħol dan is-settur. U għalkemm għandna nemmnu li inizjattivi bħal dawn kapaċi jkollhom impatt kbir f’dan is-settur, hemm battalja kontinwa li qegħdin naffaċċjaw, ġlieda li sejra tieħu s-snin biex tintrebaħ.”
Il-viżjoni tal-Gvern: Housing Authority “relevanti, effiċjenti u innovattiva”
B’risposta għal dan, kelliema għas-Segretarju Parlamentari saħqet li l-interess f’din l-iskema “qiegħed hemm”, waqt li tattribwixxi in-numru ta’ kuntratti ffirmati baxx “minħabba li l-proċess jiddipendi wkoll fuq jekk l-applikanti jissottomettux id-dokumenti meħtieġa.”
“Din hi biss waħda mill-iskemi li l-gvern nieda f’din il-leġiżlatura. Il-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari mmexxi minn Roderick Galdes tibqa’ għaddejja biex tara li dawn l-iskemi qed iħallu l-frott mixtieq, u fejn ikun neċessarju, tbiddel jew tintroduċi miżuri ġodda. B’hekk titwettaq il-viżjoni tal-Gvern li jkollna Housing Authority tassew relevanti, effiċjenti u innovattiva.”
L-istess kelliema tenniet ukoll kif l-Awtorità tad-Djar talbet lis-sidien ta’ 77 residenza, li bħalissa qegħdin fi stat ‘shell’ jew fuq il-pjanta, biex jersqu għall-ftehim ta’ wegħda tal-kirja biex din tiġi effettiva kif jitlesta l-post. “Minn dawn, is-sidien ta’ 56 residenza infurmawna li jixtiequ jkomplu bil-process ta’ l-applikazzjoni u b’hekk il-kaz taghhom gie mghoddi lis-Sezzjoni Notarili sabiex jigi ffirmat l-‘availability agreement’. Minn dawn diġa ġew iffirmati 33 ftehim.”
“L-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’ hija waħda li tevolvi kontinwament u li tiddependi wkoll fuq l-input tal-applikanti peress li huma bosta d-dokumenti meħtieġa ta’ natura legali u ta’ ppjanar.”
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.