“Jaqbdu u jinżgħu wara xi karozza u jaħsbu li qegħdin f’xi lukanda!”… L-Ispettur isostni li wara ma jsirux mirakli u jaf ikun tard wisq

  • Set 09, 2018 09:35
  • Miktub minn iNews

    Fl-aħħar ġimgħat inewsmalta rċeviet numru ta’ ritratti u filmati li dan is-sit mhux se jkun qiegħed jippubblika minħabba nuqqas ta' diċenz hekk kif dawn juru persuni li spiċċaw imxerrdin fuq il-midja soċjali wara li terzi persuni ġibdulhom dawn l-istess ritratti u filmati waqt li kienu qegħdin jagħmlu atti sesswali fil-pubbliku.

    Fost l-ilmenti li rċeviet inewsmalta kien hemm dak li jgħid “San Ġiljan spiċċajna burdell, ma jaħsbuhiex darbtejn biex jinżgħu wara xi karozza u jaħsbu li qegħdin f’xi lukanda!” u “Illum il-ġurnata qatt ma tista’ tgħid li mhu jarak ħadd, għax l-aktar post li għalik ikun meqjus bħala mwarrab jaf ipoġġik f’pożizzjoni ta’ redikolu soċjali wara li terza persuna li tinzerta fil-post tiġbed ritratti jew filmati li ma jdumux ma jispiċċaw imxerrdin mal-pajjiż kollu.” 

    Ix-xahar li għadda Koppja Ukrena spiċċat tressqet il-Qorti wara li xi ħadd irrapportaha lill-Pulizija li kienet qed tagħmel is-sess bil-purtieri mtellgħin. Il-Prosekuzzjoni fissret lill-Qorti li din il-koppja Ukrena, turisti li kienu Malta għall-vaganzi, kienu fil-kamra tagħhom f’lukanda f’San Pawl il-Baħar, iżda spiċċaw investigati minħabba li dawn kienu qegħdin jidhru minn barra.

    Mhux biss, din is-sena kien hemm diversi rapporti ta’ persuni li neżgħu għarwenin fil-pubbliku. Fost l-aktar riċenti kien hemm persuna li kellha tittella’ mill-bajja ta’ Spinola bil-għajnuna ta’ uffiċjali tal-pulizija wara li ntlemaħ jgħum għarwien fl-imsemmija bajja. 

    F’Ġunju turist Pollakk ta’ 20 sena ngħata l-libertà kundizzjonata wara li tressaq il-Qorti akkużat li offenda l-morali pubbliċi, li espona lilu nnifsu u li kien fis-sakra fil-pubbliku. Il-Pulizija sabet lil Alexander Philipp Kolacz għarwien qrib skola fil-Baħrija wara li għalliema fl-iskola rrapportatu lill-Pulizija.

    F’Mejju Sud Afrikan ta’ 24 sena kien immultat €1000 u kkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li xxabbat għarwien mal-funtana tat-Tritoni.

    Dan is-sit kellem lill-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri fejn kkonferma li qed ikun hemm persuni li jagħmlu atti sesswali jew oħrajn li jaqbdu u jagħmlu l-bżonnijiet taghhom fl-apert u mingħajr ma jkunu jafu. Camilleri saħaq li bl-avvanz li sar fit-teknoloġija llum il-ġurnata ma tistax tgħid li qiegħed xi mkien fl-imwarrab fejn mhu jarak ħadd hekk kif illum b’sempliċi mowbajl kapaċi jiġbdulek ritratt jew filmati minn distanzi twal u xorta jkunu ta’ kwalità għolja. Huwa kompla biex jispjega li eventwalment dawn ir-ritratti u l-filmati malajr isibu ruħhom fuq is-siti soċjali, bil-persuni involuti jispiċċaw irredikolati fuq il-midja.

    “Ovvjament, kulħadd jaf li atti bħal dawn huma illegali li jsiru fil-pubbliku jew f'postijiet aċċessibbli għall-pubbliku u jekk jiġu ffilmjati jew anki fotografati u mtellgħin fuq Facebook jippretendu li l-Pulizija tagħmel il-mirakli imbghad u tneħħihomlom minn fuq l-internet.”

    L-Ispettur saħaq li la darba din l-evidenza tispiċċa tinxtered fuq il-midja, tkun xi ħaġa ferm diffiċli li tħassar l-istess evidenza mill-għeruq, b’persuni minn Malta kollha jqassmu l-istess ritratti u filmati bejn il-ħbieb.

    Camilleri tkellem ukoll dwar il-problema tal-‘live video chat’, fejn persuni jiġu mistiedna u mħajjrin jinżgħu u juru l-partijiet intimi tagħhom. Huwa kompla biex jispjega li sfortunatament dawk li jaqgħu fin-nasba jispiċċaw rikattati għall-ammont ta’ flus u mbeżżgħin li jekk ma jaslux biex iħallsu s-somma mitluba, ritratti u filmati li jkunu nġibdu waqt l-istess konverżazzjoni jispiċċaw imxerrdin mal-erbat irjieħ tal-pajjiż.

    Camilleri appella biex kulħadd joqgħod attent u ma jagħmilx affarijiet bħal dawn għax imbagħad wara jkun tard wisq biex treġġa l-arloġġ lura. Huwa temm jgħid li f’każ ta’ rikatti jew tixrid ta’ materjal simili, dak li jkun għandu jirraporta immedjatament, iżda saħaq li “la darba dawn jibdew jinxterdu ma jistgħux jistennew mirakli imbagħad”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0