Alfred Sant: L-immigrazzjoni tista' tkun politikament splussiva

  • Set 08, 2018 11:27
  • Miktub minn iNews

    Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr Alfred Sant, iddikjara ma’ Inewsmalta li l-Prim Ministru Orban u l-Ministru għall-Intern, Matteo Salvini ma jistgħux jaqblu fuq li jaqsmu l-piż bejniethom u ma’ oħrajn fuq l-immigrazzjoni.

    Meta mistoqsi dwar kif fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Ungeriż Orban u l-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, niedew dak li ssejjaħ bħala manifest kontra l-immigrazzjoni. Dr Sant enfasizzalna li “bil-politika li jsegwu, kemm Orban u kemm Salvini jistgħu jiftehmu biss fuq li l-Ewropa għandha tirrifjuta kull immigrazzjoni. Ma jistgħux jaqblu li jaqsmu l-piżijiet bejniethom u ma' oħrajn, bħal b'xi bidla fir-regolament ta' Dublin li jobbliga lill-immigranti jibqgħu fil-pajjiż minn fejn jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Il-politika li Orban qed isegwi għall-Ungerija ma tħallihx jieħu xi wħud mill-immigranti li jinsabu fl-Italja, kif Salvini jrid li jagħmlu pajjiżi oħra membri tal-Unjoni. Bil-linja kontra l-immigrazzjoni, il-partiti populisti qed jirnexxielhom jiġbdu lejhom saffi sħaħ mill-elettorati f'diversi pajjiżi, mid-Danimarka u l-Isvezja, sal-Italja u l-Greċja. Naħseb li għal xi żmien ieħor se jkomplu jissaħħu. Mhux l-anqas għax il-qigħa baqgħet tisħon, in parti minħabba t-tattika ta' Salvini nnifsu, anke jekk fir-realtà in-numru ta' immigranti dis-sena naqas fuq s-snin ta' qabel.”

    Mistqosi dwar id-dikjarazzjoni ta’ Orban li “fl-Unjoni Ewropea hemm żewġ kurrenti, li wieħed minnhom hu mmexxi mill-President Franċiż, Emmanuel Macron, Dr Sant jgħidilna li “apparti mill-immigrazzjoni, li jgħaqqad lill-"populisti" huma l-ideat dwar if għandha timxi l-Unjoni Ewropea, fis-sens li tirrispetta aktar is-sovranità nazzjonali u ma tindaħalx fid-deċiżjonijiet li jittieħdu internament fil-pajjiżi bħal fl-oqsma tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt; l-edukazzjoni; u r-relazzjonijiet internazzjonali, fost oħrajn. Il-President Macron jesponi linja politika li hi kompletament differenti u jemmen li rebaħ il-presidenza ta' Franza għax għamel din l-għażla. Hu jrid li minflok l-Unjoni tidher li tinsab fuq id-difensiva, tipproklama politika ta' tisħiħ u tiġdid ta' strutturi fl-oqsma taż-żona tal-ewro, tat-tmexxija ekonomika u soċjali, u tad-difiża, ideat li jitilqu f'direzzjoni federali. Fuq l-immigrazzjoni, Macron irid politika tal-Unjoni maqbula bejn kulħadd, imma fil-prattka meta tiġi għal deċiżjonijiet nazzjonali, Franza tibqa' prudenti fuq dan is-suġġett. Wara l-attakki terroristi tal-aħħar snin, l-immigrazzjoni tista' tkun issue politikament splussiva.”

    Jisħaq li “peress li Macron l-aktar li ħareġ għonqu favur il-"federaliżmu" u ma baqax lura milli jgħid li din h l-aqwa risposta għall-populiżmu, u peress li pubblikament fl-aħħar sena kkritika lill-Ungerija u lill-Polonja, wieħed jifhem li Orban jippreżenta lil Macron bħala l-mexxej tal-kurrent avversarju għall-populiżmu tiegħu. Fir-risposta għal x'qal Orban, fil-fatt Macron mid-Danimarka fejn kien fuq żjara uffċjali, saħaq li m'għandu l-ebda problema li jitqies bħala l-għadu prim tal-populiżmu.”

    Dwar it-twaqqif  ta’ dik li qed tissejjaħ forza li tgħaqqad lil partiti populisti, imsejħa ‘The Movement’  bl-appoġġ ta’ Steve Bannon u x’effett jekk fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jiżdiedu, Dr Sant jenfasizza li “Orban hu membru tal-Partit tal-Popolari (EPP) fil-Parlament Ewropew u għadu qed jgħid li jrid li "jikkonverti" lill-EPP għall-ideat tiegħu, aktar milli jitlaq f'xi formazzjoni oħra. Biss, l-għajdut fl-aħħar xhur kien li hemm cans li jifforma grupp politiku madwar il-pajjiżi tal-Visegrad (barra l-Ungerija, jikkonsistu fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka ul-Islovakkja), ħaġa li ddgħajjef lill-EPP. Min-naħa l-oħra, il-Lega tinsab fil-grupp politiku tal-eks Front Nazzjonali Franċiż; jiġfieri "moviment" populista ġdid ifisser li jkun hemm bidla fl-iskjerament politiku tal-lemin għal-lemin estrem. Naħseb li l-bażi politika għal dan qed tinħema. Kemm se tasal sal-aħħar għad irridu naraw.”

    Itenni li “personalment, niddubita kemm l-istqarrijiet ta' Bannon, li ilhom sejrin talanqas mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-Italja, se jkollhom impatt reali, barra mill-effett publiċitarju. Ir-rankatura populista fl-Ewropa qed tkun aktar profonda minn x'jista' jwettaq Bannon bl-interventi tiegħu. Jekk l-EPP jagħżel bħala kandidat tiegħu għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea politiku Ġermaniż (kif mid-dehra trid Angela Merkel) il-qagħda tikkomplika ruħha, għax għażla bħal din tista' ssaħħaħ lill-populisti fir-rankatura tagħhom. F'dil-ħaġa tista' tkun determinanti l-elezzjoni riesqa fl-istat tal-Bavarja, fejn il-Kristjani Soċjali qed jibżgħu li jistgħu jitilfu l-maġġoranza li dejjem gawdew, minħabba l-vot populista tal-AfD.”

    Jisħaq li “biss, ir-rankatura populista mhux bilfors se tirbaħ fuq x'se ssib quddiemha. Il-metodi aggressivi kif tippreżenta l-politka tagħha jistgħu jispiċċaw kontro-produttivi, kif intwera fl-aħħar fażi tal-kampanja ta' Marine Le Pen għall-Presidenza Franċiża. Min-naħa l-oħra, Macron għad m'għandux warajh formazzjoni politika Ewropea għalkemm qed isiru ħafna sforzi biex jaraw kif il-moviment politiku li welled fi Franza jista' jallinea ruħu fuq skala Ewropea. Barra minn hekk, għalkemm barra pajjiżu Macron mitqies bħala stilla politika, f'pajjiżu stess il-poplarità tiegħu naqset bil-kbir u maġġoranza sostanzjali tikkunsidrah bħala l-President "lemini" u "tas-sinjuri”.”

    Isostni li “fir-realtà, is-sitwazzjoni politika Ewropea għadha fluwida, hekk kif il-forzi politiċi differenti jimmanuvraw ħalli jippreżentaw ruħhom b'mod li jipperrmettilhom jżommu dak li għandhom u jżidu fuqu kemm jistgħu.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0