“Tiġġudikawx iżda għinu”

  • Set 08, 2018 08:16
  • Miktub minn Carmen Cachia

    L-aħbar li lbieraħ wara nofsinhar instabet tarbija tat-twelid abbandunata f’parapett f’Bugibba xxokkjat lill-poplu u ħafna staqsew x’seta’ wassal biex l-omm tinfired minn mat-tarbija tagħha. L-ORIZZONT tkellem mal-psikologu li jmexxi l-Crisis Team, Dr Mark Xuereb, biex jagħtina mil-lat psikoloġiku x’seta’ jwassal għal att estrem bħal dan u l-effetti li jħalli warajh l-abbandun. “F’dan il-mument hu importanti li nagħtu l-għajnuna meta l-persuna jkollha bżonn u bħalissa kemm it-tarbija Cristiano kif ukoll ommu u l-familja immedjata tiegħu għandhom bżonn ta’ sostenn u mhux li niġġudikaw.” 

    Dr Xuereb iħoss li dan huwa każ serju li juri l-importanza ta’ Crisis Team fejn tingħata l-kura immedjata meta n-nies ikollhom bżonn għax kemm il-ħajja ta’ Cristiano kif ukoll t’ommu qegħdin f’salib it-toroq u jinsabu fi kriżi. “Importanti li ma nxekklulhomx ħajjithom ħalli jkun jista’ jkollhom ħajja normali u feliċi. Bħalissa l-poplu kollu Malti u Għawdxi għandu għażla wkoll, jew ħa jgħinhom biex jingħaqdu u jingħataw il-kura li tant għandhom bżonn jew ixekkel u hawn nittama  li l-għażla tkun l-ewwel waħda.”

    Il-psikologu li jmexxi l-Crisis Team qalilna li din hija kriżi li tidħol fil-fond tal-fibra soċjali għax hawnhekk jista’ jkun hemm impatt notevoli kemm fuq l-omm, fuq il-missier u l-familja immedjata, kif ukoll fuq it-tarbija. “Jiddispjaċina nisimgħu b’każ bħal dan minħabba li min jaf is-sofferenza li wieħed qed jgħaddi minnha f’dawn il-mumenti u importanti li l-ewwel u qabel kollox, wieħed ma jikkundannax lil din l-omm”. 

    Fl-opinjoni professjonali tiegħu, Dr Xuereb, jemmen li din l-omm għandha bżonn għajnuna, sostenn u epatija. Jibża’ li jekk ħa nikkundannaw nistgħu nipperikolaw ir-relazzjoni tant importanti bejn l-omm u t-tarbija. Jgħidilna li lil hinn mill-affarijiet mediċi fejn it-tarbija tingħata l-ħalib u jsirulu l-eżamijiet meħtieġa biex tiġi evitata kriżi fiżika, jista’ jkun hemm impatt psikoloġiku li jwassal għal kriżi kemm għat-tarbija kif ukoll għall-ġenituri.

    Dr Mark jgħid lil dan il-ġurnal kif probabbilment din l-omm waslet biex tabbanduna lil binha minħabba li jew għax kienet imġiegħla jew inkella għandha problemi serji u għalhekk għandha bżonn ħafna għajnuna. “Għaldaqstant l-ewwel ħaġa li wieħed għandu jagħmel hu li jagħtiha sostenn u appoġġ, jiġifieri support ħolistiku. L-appoġġ mediku f’dan il-każ huwa kruċjali u għandha bżonn ukoll appoġġ soċjali u psikoloġiku.”

    Huwa kompla billi qal li, “li hu żgur hu li biex omm tasal li tabbanduna t-tarbija tagħha min jaf minn x’xhiex tkun qiegħda tgħaddi,” u għalhekk iħoss li m’għandniex inkomplu nżidu l-ferita u ma niġġudikawhiex. Jitlob biex din l-omm tfittex l-għajnuna. “Hi għandha tingħata s-sostenn kollu li għandha bżonn b’imħabba, fuq sfond Kristjan u malajr kemm jista’ jkun.”

    Il-psikologu jispjega kif bħalissa t-tarbija hija vunerabbli mmens minħabba li l-bonding huwa importanti ħafna għall-iżvilupp aħħari tat-tarbija. 70% tal-problemi psikoloġiċi u kriżijiet jistgħu jkunu identifikati mill-ewwel snin ta’ ħajja tat-tfal u Dr Xuereb jgħid li jekk ma jkunx hemm bonding tat-tarbija ma’ l-omm jew persuna oħra viċin tiegħu jista’ jkun hemm problemi psikoloġiċi fosthom li hemm aktar ċans ta’ problemi ta’ droga u/jew alkoħol. 

    Hu temm jgħid li għalhekk ukoll ta’ min japprezza x-xogħol ferm importanti li qegħdin jagħmlu bħalissa l-infermiera, il-ħaddiema soċjali, il-pulizija u dawk kollha li qegħdin jagħtu s-sostenn tagħhom liċ-ċkejken Cristiano għax dawn huma eroj.

    Ilbieraħ għall-ħabta tal-4.00p.m. nstabet tarbija abbandunata f’parapett ta’ blokka appartamenti bl-isem ‘Cyril Court’ fi Triq il-Pijunieri f’Buġibba.

    Huwa mifhum li din it-tarbija kienet għadha bil-kurdun. Sorsi qrib il-pulizija ikkonfermaw li din it-tarbija hija ta’ sess maskili u ta’ karnaġġjon abjad. It-tifel ingħata l-isem ta’ Cristiano mill-Maġistrat Mifsud. Mhux eskluż li minħabba fuq il-post ma kienx hemm l-ebda traċċa ta’ demm li t-tarbija ma twielditx fil-post li nstabet.

    Il-pulizija mill-għassa tal-Qawra, ambulanza u tim mediku minnufih marru jintervjenu fil-post. Intant, it-tifel ittieħed l-isptar biex jingħata għajnuna iżda mill-ewwel instab f’kundizzjoni tajba iżda se jibqa’ Mater Dei għall-osservazzjoni.

    Kelliem tal-FSWS ikkonferma li mill-ewwel marru żewġ social workers mis-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal l-Isptar Mater Dei biex jieħdu ħsieb it-tarbija. Huwa żied jgħid li l-Aġenzija Appoġġ se tieħu ħsieb li tagħti l-affarijiet meħtieġa lit-tarbija u l-omm “mhux eskluż li setgħet kienet klijenta tagħna imma jidher li dan mhux il-każ.” 

    Huwa qal ukoll li jekk tiġi identifikata l-omm, bħala Aġenzija ħa jkunu hemm biex jagħtuna l-għajnuna li għandha bżonn.

    Skont sorsi rrappurtati, wieħed mill-ġirien iddeskriva x-xena bħala waħda xokkanti hekk kif it-tifel instab imgeżwer f’xi ħwejjeġ taħt il-letterboxes tal-istess blokka.

    Minnufih bdiet it-tfittxija għall-omm iżda huwa mifhum li fiż-żona ma hemm l-ebda cameras tas-sigurtà u għalhekk l-investigazzjonijiet jistgħu jkunu kemxejn diffiċli. Permezz ta’ xi ħwejjeġ u lożor li nstabu mgeżwrin mat-tarbija, il-Pulizija ser tara tistax tikseb xi forma ta’ evidenza ta’ DNA jew marki tas-swaba li jwasslu biex tinstab l-omm.

    Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud fejn qabbad lill-espert mediku Dr Mario Scerri sabiex jassistih.

    Kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ għandu jċempel lill-Pulizija fuq in-numru 119.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0