UNL: Il-Maltin jibdew b’telfa

  • Set 07, 2018 23:26
  • Miktub minn iNews

    Ritratt: Paul Zammit Cutajar

    Faroe Islands ......3

    Malta ...................0

    Id-debutt ta’ Malta fil- UEFA Nations League xejn ma kien wieħed feliċi  meta minn Grupp D3 sfat megħ­luba mill-Faroe Islands bl-iskor ta’ 3-1 liema partita kienet milgħuba taħt kudizzjonijiet diffiċli.

    Iżda l-iskor huwa wieħed qarrieqi u ma jagħtix l-istampa ċara tal-andament tal-logħba. Il-Maltin kienu “pad­runi”  ta’ dan il-konfront sakemm żball difensiv għarraq kollox  u witta t-triq  għar-rebħa tal-avversarji.

    Filwaqt li din kienet l-ewwel partita kompetittiva għall-coach Ray “Żażu” Farrugia, b’din ir-rebħa l-Faroe Islands ilhom ma jitilfu f’darhom minn Ġunju 2017 meta kienu sfaw megħluba mill-Isvizzera bl-iskor ta’ 2-0.

    Matul l-ewwel taqsima sakemm sofrejna l-goal, il-Maltin kienu territorjalment aħjar mill-avversarji fejn anke urew personalitá billi ddettaw il-logħob fi tliet kwarti ta’ ground bl-avversarji joperaw bil-kontrattakki.

    Iżda l-goal tal-avversarji, li wa­sal minn azzjoni mejta fil-mument meta l-Maltin kienu qed jikkontrollaw kull sitwazzjoni, żbilanċja lill-   is­tess Maltin biex ir-ritmu sfaxxa għal kollox.

    Anke jekk Michael Mifsud naqqas id-distakk eżatt qabel il-mistrieħ, il-ftuħ tat-tieni taqsima kien wieħed diżastruż bil-Maltin jik-krollaw psikoloġikament filwaqt li l-Faroe Islands kibru fl-istatura mentali u dik fiżika.

    Għall-kronaka, fis-sitt mi­nuta Michael Mifsud ġie antiċipat fil-ħin minn Viljornur Davidsen meta Alfred Effiong żmarkah f’pożizzjoni ideali.

    Fil-15-il minuta, l-istess Mifsud seta’ għamel aħjar meta mit-through pass ta’ Rowen Muscat għeleb in-nasba tal-offside, avvanza iżda x-xutt tiegħu fil-baxx ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Gunnar Nielsen.

    Mill-istess corner, il-Faroe Islands ħarbu b’kontrattakk fejn Gunnar Vatnhamar xe­ħet għan-nofs fejn Joan Edmundson irnexxielu jogħla tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras b’saħħitha tiegħu ġiet salva mill-goalkeeper, Andrew Hogg.

    Fil-21 minuta, Hogg kien providenzjali meta tar minn tulu biex salva goal ċert mill-free-kick ta’ Brandur Hendriksson li minn 35 metru mmira lejn ir-rokna tax-xibka.

    Żewġ minuti wara, azzjoni bejn André Schembri u Mifsud spiċċat b’dan tal-aħħar jixħet cross fil-baxx iżda ma kien hemm l-ebda player Malti li seta’ kompla l-ballun għal ġewwa.

    Fil-31 minuta, kontra x-xejra tal-logħob il-Faroe Islands fetħu l-iskor meta Joseph Zerafa ta pass lura ħażin lejn Steve Borg biex litteralment irregala l-ballun lil JOAN EDMUNDSSON li waħdu quddiem Hogg xeħet fir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx.

    Kien goal li ddemoralizza lill-Maltin hekk kif seba’ minuti wara, sofrew it-tieni goal minn RENE JOENSEN li avvanza, dar ma’ Borg qabel għeleb lil Hogg. 

    Madankollu, fit-42 minuta, il-Maltin naqqsu l-marġni tal-iskor meta MICHAEL MIFSUD ikkontrolla tajjeb il-cross preċiż ta’ Schembri u b’xutt fil-baxx sikket lill-partitarji tal-Faroe Islands.

    Peró dawn komplew bl-inċitament tagħhom hekk kif seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Faroe Islands skorjaw it-tielet goal meta d-di­fiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda u b’Joseph Mbong jittakilja lil Gilli Sorensen f’tarf il-kaxxa ż-żgħi­ra, il-ballun wasal għand HALLUR HANSSON li kien pront xeħet fix-xibka.

    Dan il-goal kien id-daqqa mortali għall-Maltin bil-kumplament tal-logħba ma pproduċiet l-ebda azzjoni perikoluża biex l-iskor baqa’ dak ta’ 3-1 għall-Faroes.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0