Il-politika tal-UE: Mill-karta, għall-implimentazzjoni nazzjonali

  • Set 07, 2018 12:09
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    X’ostakli qegħdin jaffaċċjaw l-istati membri tal-Unjoni Ewropeja, inkluża Malta, biex jimplimentaw ir-regoli ġodda tal-UE? Inewsmalta tiddiskuti dan ma’ Leo Brincat, ir-rappreżentanti Malti fi ħdan il-Qorti Ewropeja tal-Awdituri, fuq l-aħħar rapport ippubblikat mill-istess Qorti fuq dan is-suġġett.

    F’rapport ippubblikat ftit tal-jiem ilu, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri saħqet li fejn jidħol il-proċess ta’ traspożizzjoni ta’ liġijiet u regolamenti Ewropej fi ħdan it-28 membru stat tal-Unjoni Ewropeja, “jeżistu diversi opportunitajiet fi ħdan il-Kummissjoni  biex tkompli ssaħħaħ is-superviżjoni tagħha, kif obbligata skont it-trattat.” Wieħed kapaċi jistaqsi: Għaliex dan il-proċess huwa wieħed importanti?

    Għal din il-mistoqsija, ir-rappreżentant Malti fi ħdan il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm iktar koerenza bejn iż-żewġ sistemi legali: “Jidher biċ-ċar li, iktar ma jgħaddi iż-żmien, il-politika tal-Unjoni Ewropeja qegħda tiddependi iktar fuq l-implimentazzjoni ta’ din il-legislazzjoni Ewropea fl-istati membri. Kien f’dan il-kuntest li l-Parlament Ewropew talab lil din il-Qorti biex teżamina kif il-Kummissjoni Ewropeja qegħda timxi mal-obbligu tagħha, u tassigura li l-istati membri qegħdin japplikaw il-liġi tal-Unjoni Ewropeja.”

    Leo Brincat kien ukoll il-membru tal-Qorti Ewropeja risponsabbli għal dan ir-rapport, flimkien ma’ numru ta’ nies oħra, “fosthom il-kap u l-attache’ tal-uffiċju tiegħi, kif ukoll grupp ta’ erba’ awdituri.” Brincat jisħaq fuq l-importanza ta’ dan ir-rapport, għaliex “minkejja li l-obbligu tal-Kummissjoni f’dan is-settur ikopri diversi setturi differenti, qabel ma tfassal dan ir-rapport, dan il-proċess tant importanti kien qiegħed isofri minn nuqqas ta’ analiżi u vverifikar. Fil-konklużjoni tagħna, aħna sħaqna b’mod pubbliku l-għan ta’ din il-Qorti biex fuq dan is-suġġett, fil-futur nkomplu nagħmlu verifiki simili.”

    “Kien għalhekk li, permezz ta’ dan il-landscape review, iddeċidejna li nanalizzaw l-ostakli li l-Kummissjoni qegħda tiffaċċja meta tiġi biex tassigura li l-istati membri qegħdin japplikaw il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.”

    “Il-proċeduri użati huma ċari.. r-riżultati? Mhix daqshekk...”

    Brincat saħaq kif is-sistema ta’ sorveljanza li qegħda tuża l-Kummissjoni Ewropeja fuq l-implimentazzjoni ta’ regolamenti u direttivi tal-UE nbniet fuq bażi ta’ numru ta’ snin. 

    “Filwaqt li l-proċeduri użati f’din is-sistema huma relattivament ċari, li forsi mhux daqshekk ċar huwa r-riżultat in ġenerali ta’ din is-sorveljanza, u kif ukoll ir-riżorsi li jintużaw mill-Kummissjoni għal dan l-iskop.”

    “Dan jista’ jkun prodott anċillari tan-natura orizzontali tas-sorveljanza użata, kif ukoll minħabba l-mod kif hija organizzata l-Kummissjoni fis-settur in kwistjoni. Aħna ninnutaw li l-Kummissjoni għadha m’għamlitx evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettivita ta’ din is-sorveljanza, liema analiżi aħna nikkunsidrawh bħala mezz importanti li potenzjalment jgħin lill-Kummissjoni jtejjeb is-sistema ta’ prijoritizazzjoni fejn jidħlu allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ regolamenti, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ riżorsi allokati biex jiġu amministrati dawn il-każijiet.”

    “Il-KE trid tiżviluppa approċċ iktar koerenti għall-użu ta’ fondi Ewropej”

    X’għajnuna finanzjarja tista’ tingħata mill-Kummissjoni Ewropeja biex jiffaċilita dan il-progress? Brincat ifakkar kif l-istati membru “huma risponsabbli mill-użu tal-baġit finanzjarju allokat għall-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja. Tajjeb infakkar però, li taħt ċertu programmi finanzjarji offruti mill-Unjoni Ewropeja, stati membri jistgħu japplikaw għal ċertu fondi Ewropej, biex jgħin fil-bini tal-infrastruttura u l-kapaċità amministrattiva neċessarja biex tassigura l-implimentazzjoni.”

    “Aħna qegħdin nistiednu lill-Kummissjoni Ewropeja tikkunsidra tiżviluppa approċċ iktar koerenti għall-użu tal-baġit tal-UE, biex b’hekk tkompli tippromwovi l-applikazzjoni korretta u fil-ħin tal-liġijiet u tar-regolamenti Ewropej.”

    Meta mistoqsi jekk żviluppi bħal Brexit jistgħux ifixklu l-implimentazzjoni tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, Brincat tenna: “Mhux lok għall-Qorti li tispekola fuq l-impatt potenzjali ta’ Brexit, jew ta’ kwalunkwe żvilupp politiku simili fil-futur.” 

    Fl-istess waqt, Brincat saħaq li sakemm membri stati qegħdin ikunu li japplikaw il-liġi tal-Unjoni Ewropeja, “il-bżonn ta’ sorveljanza effiċjenti u effettiva mill-Kummissjoni Ewropeja u mill-Qorti tal-Ġustizzja sejjer jibqa’ hemm, kif stipulat f’Artiklu 17.”

    Bżonn ta’ għodda “iktar individwali u speċifiċi”

    Saqsejna lil Brincat x’għodda qegħdin jintużaw mill-Kummissjoni Ewropeja, li jistgħu jgħinu biex dawn il-liġijiet jiġu mplimentati iktar faċilment. “Il-Kummissjoni għandha numru ta’ mezzi fid-dispożizzjonijiet tagħha li hija tapplika f’setturi differenti. Dawn jinkludu l-provvediment ta’ dokumenti ta’ gwida, kif ukoll numru ta’ laqgħat ma’ awtoritajiet li ġejjin min stati membri.”

    “Filwaqt li dawn il-pajjiżi tennew li dawn l-għodda kienu t’għajnuna, l-istess pajjiżi ħassew il-bżonn li jkun hemm iktar iffukar fuq il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, iktar milli t-teħid ta’ approċċ ġenerali one-size-fits-all. L-istati membri jinnutaw wkoll kif id-diversi Direttorati Ġenerali, li jieħdu ħsieb oqsma u setturi differenti, jaħdmu b’metodi differenti u b’għodda differenti.”

    Hawnhekk, Brincat esprima t-tama tiegħu li l-użu aħjar ta’ dawn l-għodda “kapaċi jilgħabu rwol iktar importanti fil-ħolqien ta’ ftehim komuni, u anke ta’ fiduċja, bejn l-istati membru nfushom, kif ukoll bejn l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropeja.”

    “Il-punt tagħna huwa favur il-promozzjoni effiċjenti tal-konformita mal-liġijiet Ewropej. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jgħin biex inaqqsu l-bżonn li l-Unjoni Ewropeja tiftaħ proċeduri ta’ ksur ta’ regoli, liema kawżi legali ħafna drabi, apparti li jieħdu ż-żmien, jiswew ammont sostanzjali ta’ flus.”

    “Diffiċli biex ikollna ritratt ġenerali tal-effettivita tal-politika tal-UE”

    Brincat irrimarka kif, li filwaqt li l-Qorti Ewropeja tal-Awdituri “għandha l-mandat li tagħmel verifika fuq l-infiq tal-flus meta l-implimentazzjoni ta’ regolamenti tal-UE jirrikjedi l-infiq tal-baġit finanzjarju tal-istess Unjoni”, hemm każijiet oħra differenti li ma jaqgħux taħt is-superviżjoni tal-istess Qorti. 

    “F’ċertu setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-UE, bħal per eżempju l-ġlieda li hemm kontra t-tniġġis ambjentali, l-Unjoni Ewropeja hija dik li tistipola l-livelli standard, u l-istati Membri huma dak li jridu jħallsu u jużaw l-metodi tagħhom biex jilħqu dan l-imsemmi standard, mill-flus tal-baġit nazzjonali tagħhom. L-Qorti Ewropeja tal-Awdituri ma tistax tagħmel verifika ta’ dan: L-unika istituzzjonijiet li jistgħu jagħmlu dan huma l-korpi tal-verifika nazzjonali.”

    “Dan jagħmilha iktar diffiċli biex ikollna ritratt iktar ġenerali tal-effiċjenza u tal-effettivita ta’ politika tal-Unjoni Ewropeja. Abbażi ta’ dan, il-Qorti qegħda tisħaq biex meta l-Unjoni Ewropeja tniedi politika jew regolament ġdid, speċifikament dawk ibbażati fuq l-introduzzjoni ta’ istrumenti legali ġodda, irid ikun hemm annessi magħha provvedimenti ċari u suffiċjenti biex f’dan il-proċess, tiġi assigurata t-trasparenza, il-kontabbilita, u l-verifika pubblika ta’ din l-implimentazzjoni.”

    “Direttiva waħda tista tirrikjedi abbozz ta’ liġi ġdid f’pajjiż, u tibdil f’mijiet t’avviżi legali f’pajjiż ieħor”

    Brincat spjega kif fir-rapport, “sħaqna fuq il-punt li ż-żmien li qiegħed jittieħed biex dawn id-direttivi jiġu trażmessi fil-liġijiet lokali jiddependi fuq numru ta’ fatturi differenti, kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq livell nazzjonali.”

    Il-fattur prinċipali, skont l-istess Brincat, huwa l-kumplessità tal-liġi minnha nnifisha: “Biex isir l-implimentazzjoni kif suppost ta’ dawn ir-regolamenti, il-pajjiż irid jiddedika ammont ta’ riżorsi, kemm finanzjarji kif ukoll umani. Id-dewmien tal-implimentazzjoni jista’ jkun kaġun ta’ nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti.”

    “Fattur ieħor huwa l-kumplessità tal-metodu użat mill-istat membru biex jagħmel traspożizzjoni tal-miżuri Ewropej. Direttiva tal-UE tista’ tiġi ntrodotta fil-liġijiet nazzjonali bit-tnedija ta’ avviż jew att legali ġdid f’pajjiż wieħed, waqt li f’pajjiż jew sistema legali oħra, jirrikjedi emendi f’għexieren, jekk hux mijiet, t’avviżi legali differenti. Id-dewmien hawnhekk jiddependi kemm fuq l-arranġament legali li kien hemm qabel, kif ukoll fuq il-preferenzi tal-leġislatur.”

    Ir-rapport sejjer jiġi diskuss ġewwa Brussell matul Settembru

    Dan il-ġurnal saqsa lil Brincat fuq il-pass li jmiss għall-Qorti tal-Ewropeja biex tkompli taħdem fuq il-proposti li ppreżentat f’dan id-dokument. Brincat ħabbar li fl-24 ta’ Settembru li ġej, il-Qorti sejra torganizza konferenza pubblika ġewwa Brussell, li sejjer jiddiskuti dan is-suġġett ma’ “numru ta’ persuni importanti, parteċipanti differenti minn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja, kif ukoll gvernijiet u uffiċji tal-verifika nazzjonali, kif ukoll istituzzjonijiet akkademiċi.”

    “Din il-Qorti sejra tuża r-riżultati ta’ dan id-dibattitu pubbliku li sejjer jiġi ġġenerat, biex nkomplu niddeterminaw x’xogħol ta’ verifika li jista’ jsir fil-futur, biex inkomplu naħdmu favur it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Ewropew.”

    Apparti hekk, Brincat jisħaq kif dan ir-rapport sejjer jiġi diskuss ukoll mal-Kumitati tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea relevanti. “Apparti hekk, aħna sejrin nippreżentaw dan ir-rapport lill-Kumitati relevanti tal-Parlament Ewropej, kif ukoll tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.”

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook