Inawgurat it-tielet u l-akbar impjant tan-new water fix-Xgħajra

  • Set 05, 2018 11:52
  • Miktub minn iNews

    B’investiment ta’ €10 miljun, b’kofinanzjament mill-UE, ilbieraħ ġie inawgurat it-tielet u l-akbar impjant tan-new water fix-Xgħajra, proġett li minnu se jibbenefikaw kważi 600 bidwi fin-naħa t’isfel ta’ Malta. 

    Dan l-impjant jirċievi 80% tad-drenaġġ f’pajjiżna u l-ilma li kien jintrema l-baħar qed jiġi trattat permezz ta’ tliet stadji biex jiġi msaffi f’ilma ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintuża għall-irrigazzjoni,landscaping, u għal ċertu tip ta’ industriji.

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li permezz ta’ dan il-proġett  il-bdiewa se jkunu jistgħu jpoġġu fis-suq prodott li jiddistingwi ruħu f’dik li hija kwalità.

    Il-Ministru Mizzi qal li dan ir-riżultat huwa frott ta’ sigħat twal ta’ xogħol iebes mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. “Illum qed naraw lill-ħaddiema tal-korporazzjoni li qed jagħtuna teknoloġija tal-ogħla livell, mhux biss fl-Ewropa imma fuq livell dinji. Bħala gvern ngħidilkom li kburin bix-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu dawn it-tekniċi ’il bogħod mill-attenzjoni tan-nies.”

    Aktar kmieni din is-sena ġew inawgurati wkoll l-ewwel proġett f’Taċ-Ċumnija l-Mellieħa, li minnu qed jibbenefikaw 200 bidwi, u t-tieni proġett f’Għawdex, li minnu qed jibbenefikaw 400 bidwi.   

    Il-Ministru Joe Mizzi temm jgħid li dan l-ilma jgħaddi minn testijiet rigorużi ħafna li jagħtu kull sigurtà neċessarja lil kull min jużah, u huwa ta’ kwalità eċċellenti li jiżboq il-livelli neċessarji Ewropej.

    Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li l-impjant f’Ta’ Barkat huwa t-tielet wieħed li qed jintieda wara l-impjanti tal-Mellieħa u ta’ Għawdex, sabiex kif jibda jitħaddem dan l-impjant, jibdew jibbenefikaw aktar minn 1,700 bidwi. Fil-fatt, permezz tal-impjant f’Ta’ Barkat, qal li se nkunu qegħdin inwasslu dan l-ilma ta’ kwalità eċċellenti u li jiżboq l-istandards neċessarji lil 585 bidwi fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Clint Camilleri spejga kif lill-bdiewa mhux biss qegħdin nagħtuhom alternattiva b’saħħitha iżda wkoll aħjar mill-ilma li għandhom illum. Dan filwaqt li qed nagħtu ċans lill-ilma tal-pjan sabiex jibda jiġġenera, u nittamaw li fis-snin li ġejjin il-kwalità tal-ilma tal-pjan titjieb. Hu kompla jgħid kif meta wieħed iqis il-klima sħuna u n-nuqqas ta’ xita li kemm-il darba affettwaw lill-gżejjer tagħna għal perjodi konsiderevoli matul is-sena, wieħed jirrealizza kemm il-provista tal-ilma hija essenzjali sabiex il-bidwi jkun jista’ jpoġġi fis-suq prodott illi jista’ jiddistingwi ruħu fil-kwalità filwaqt li jassigura għajxien għall-familja. 

    Clint Camilleri sostna li l-ilma li qegħdin noffru huwa ta’ kwalità għolja u għalaq billi rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dan ix-xogħol siewi sabiex issa l-bdiewa tan-naħa t’isfel ta’ Malta se jingħaqdu ma’ dawk tan-naħa ta’ fuq kif ukoll mal-bdiewa Għawdxin u se jkollhom aċċess għall-ilma tal-pjan. 

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-proġett imħabbar hu wieħed minn tliet polishing plants li jagħmlu parti minn pjan fit-tul fil-qasam tal-ilma u li għalihom ġew allokati €14-il miljun minn fondi Ewropej. 

    Aaron Farrugia spjega li l-konservazzjoni tal-ilma hi prijorità għal dan il-Gvern li investa madwar €110 miljun ta’ fondi Ewropej għall-ilma bejn l-2007 u l-2013, kif ukoll €92 miljun għall-ilma bejn l-2014 u 2020. L-investiment qawwi ta’ fondi Ewropej fis-settur tal-ilma jinkludi mhux biss tagħmir ġdid u użu aħjar ta’ ilma sekondarju, iżda wkoll riċerka u kampanja ta’ edukazzjoni biex il-familji Maltin jifhmu l-isfidi li għandna bl-iskarsezza tal-ilma f’pajjiżna, kif ukoll promozzjoni ta’ għodod li jgħinu lill-istess familji jagħmlu użu tajjeb tal-ilma mingħajr ħela.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook