L-abbużi sesswali minn membri tal-kleru… il-knisja tista’ tirriforma ruħha waħidha?

  • Set 05, 2018 11:04
  • Miktub minn iNews

    Mistoqsija pertinenti li qed issir wara rapport ta’ inkjesta li ħareġ fl-Istati Uniti dwar abbużi sesswali minn membri tal-kleru, li hu rapport xokkanti għall-aħħar, hi dik ta’ jekk il-Knisja Kattolika hix kapaċi tirriforma lilha nfisha waħidha minn din il-pjaga tal-biża.  Il-Qorti ta’ Pennsylvania, fl-aħħar jiem ippubblikaw inkjesta li għamlu fuq abbużi sesswali minn membri tal-kleru fuq tfal mid-djoċesi Kattolika.  In-numri jitkellmu waħidhom. 1,000 vittma u xejn anqas minn 300 qassis involuti.  Abbużi li jmorru lura għal diversi snin. 

    Ir-rapport jibda b’sentenza sinifikattiva għall-aħħar  u jgħid li “kien hemm għadd ta’ rapporti fuq abbużi sesswali minn membri tal-kleru. Imma mhux fuq din l-iskala”.

    Taqra l-inkjesta u forsi għal mument tibda taħseb li qed taqra xi novella fittizzja.  Qassis kien jorbot lit-tfal abbatini b’ħabel.  L-istess qassis kien parti minn ċirku ta’ pornografija tat-tfal flimkien ma’ qassisin oħra.  U tissorprendi ruħek aktar taqra li dawn il-qassisin kienu jagħtu lill-vittmi tagħhom kurċifissi kbar tad-deheb bħala ġizirajjen.  Kienu jagħmlu dan biex  jintgħarfu. 

    Imma l-affarijiet kienu agħar minn dan. Kien hemm qassis li kien jieħu kampjuni tal-urina u ieħor kienu jieħu demm menstruwali minn vittmi bniet.  Qassis ieħor taqqal tifla taħt l-età u hu mbagħad ħeġġiġha tagħmel abort. 

    Sfortunatament jidher li għal darba oħra l-Knisja Kattolika qed tiffaċċja kritika li ħbiet dawn il-każijiet. Fis-sena 1996, id-djoċesi ta’ Pittsburg irċeviet rapport li kien hemm qassis li b’mod ripetut kien qed jabbuza. Dan baqa’ qassis sas-sena 2004. Meta għadd ta’ ġenituri ilmentaw li qassis ieħor miss lit-tfal tagħhom meta dawn kienu għarwenin fl-iskola Kattolika li kienu jmorru fiha, id-djoċesi neħħiet lil dan il-qassis mill-iskola  imma ħarġitlu ittra fis-sena 2014 u li fih ingħad li ma kien sar xejn ħażin.

    Dak li ħareġ li seħħ fid-djoċesi ta’ Pennsylvania hu simili għal dak li seħħ fl-arċidjoċesi ta’ Boston, fejn il-vittmi ingħataw xi flus biex jagħlqu ħalqhom u l-qassisin li fuqhom sar l-allegazzjonijiet kienu trasferiti lejn parroċċi oħra.  Il-gżira ta’ Guam ġara l-istess, fejn sa issa ħarġu xejn inqas minn 200 każ ta’ abbużi fuq tfal minn qassisin Kattoliċi.  Hemm bliet oħra Amerikani li fihom ħarġu l-iskandli fosthom Buffalo, Rocheter, New York, Maryland u Illinois.   Hemm pajjiżi oħra li għaddejjin minn stejjer simili fosthom l-Irlanda, il-Polonja, l-Arġentina, l-Awstralja u l-Paragwaj.  Illum żgur li ma nistgħux ngħidlu li dan l-iskandlu qed f’xi żona waħda biss. L-iskandlu hu universali daqs  kemm hi universali il-Knisja Kattolika.

    Imma ma nistgħux ma nistaqsux, jekk il-knisja għandhiex il-kapaċità li tnaddaf lilha nfisha minn dawn l-akkużi. Waħidha tista’ titnaddaf?  Minn dak li joħroġ mir-rapport ta’ inkjesta jidher li  hu diffiċli li l-knisja tnaddaf lilha nfisha. Matul is-snin baqgħu jinħarġu każijiet wara każijiet.  Mill-inkjesta ħareġ li d-djoċesi ħadet xi allegazzjonijiet bis-serjetà u neħħiet il-qassisin mill-kariga li kellhom.  Din turi biċ-ċar imma li l-istess qassisin ma ffaċċjawx il-ġustizzja mill-knisja tagħhom. Anzi il-knisja kienet tmexxihom minn parroċċa għal parroċċa.  Ir-rapport jimplika kif il-Kardinal Donald Wuerl, li serva bħala Isqof ta’ Pittsburgh, qabel sar Arċisqof ta’ Washington, b’mod ripetut ħalla qassis b’akkużi fuq rashom biex jibqgħu fil-ministeru, u dan ħafna drabi b’rakkomandazzjoni  taċ-ċentri ta’ trattament għal qassisin abbużivi tal-istess knisja.

    Mistoqsija f’waqtha hi dik  ta’ kemm hi kbira l-problema? Għal din m’hemmx tweġiba minħabba l-kobor u l-firxa li għandha l-Knisja Kattolika. Wieħed irid jimmarka li fl-aħħar snin kien hemm tentattivi mill-awtoritajiet biex ikun hemm  mod sistematiku u kontabbli ta’ kif ikunu trattati dawn il-każijiet. Kien hemm iċ-Charter ta’ Dallas, li kien inħoloq mill-Konferenza tal-Isqifijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti fis-sena 2002.  Dan kien rivedut fis-sena 2011 u anke riċentament.  Dan iċ-charter  jitlob li kull djoċesi tippubblika l-proċeduri ta’ kif tirrapporta l-abbużi u kif  toħloq bord li jinvestiga l-allegazzjonijiet.  Dan jordna lid-djoċesi biex “turi impenn serju’  lejn “is-saħħa emozzjonali u spiritwali’ tal-vittmi.

    Kumment li jista’ jitqies kontroversjali kien dak ta’ Fr Dominic Legge O.P.. Dan jgħallem it-teoloġija fil-Fakultà tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Washington. Hu jitfa’ t-tort fuq qassisin jew membri tal-kleru li hu ‘gay’. Jiddikjara li “l-ewwel irridu ninvestigaw il-passat u  jkollna kontabilità trasparenti biex naraw fejn kien hemm falliment.  Kif networks magħrufin ta’ qassisin omosesswali u isqfijiet, tħallew ikomplu għaddejjin?”. Hu jirrakkomanda li jkun hemm skrutinju ta’ qassisin li “għandhom storja ta’ omosesswalità”.   

    Imma l-knisja għandha strutturi interni li suppost jagħtu jgħaddi minn skrutinju, u dan mhux skrutinju faċli lil dawk li  jkunu urew interess li jidħlu għas-saċerdozju.  Allura dan hu proċess li qed ifalli?  Jekk hemm ħafna qassisin li huma gay allura dawn kif għaddew mill-proċess?  Hu ġust li t-tort jintefa’ fuq l-omosesswalità?  Wieħed ma jridx jinsab li daqs sitt snin ilu, dak li  kien is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone  kien qal lil Isqfijiet Ċileni, li ‘psikoloġisti u psikatri qalulu li hemm relazzjoni bejn l-omosesswalità u l-pedofelija.

    Ebda rabta bejn l-omosesswalità u l-abbuż sesswali fuq tfal

    Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet hemm rapporti, li juru li m’hemm ebda rabta bejn l-omosesswalità u l-abbużi fuq tfal. Kien sar rapport  minn John Jay Research Team, li filfatt kien wera dan. Dak ir-rapport kien qal ukoll li hu żbaljat min jgħid li qassisin li jabbużaw minn minura huma ‘qassisin pedofeli’. L-istudju ken sab li 5 inqas minn 5 fil-mija tal-qassisin b’allegazzjonijiet, urew aġir konsistenti ma’ dijanjosi ta’ pedofelija. Allura l-problema fejn hi qiegħda?  Hemm min jgħid li l-problema qiegħda fiċ-Ċelibat? Oħrajn jgħidu li jekk tħalli l-qassisin jiżżewġu se tnaqqas dawn il-każijiet bil-kbir. Wara dak li ħareġ minn Pennsylvania, u anke każijiet oħrajn, ħafna huma tal-fehma li l-kultura ta’ segrtezza u l-privileġġi li għandhom il-membri tal-kleru jistgħu jkunu r-raġuni ewlenija. Filfatt mir-rapport tal-inkjesta joħroġ li “r-rapporti tal-allegazzjonijiet kienu jinżammu maqfulin f’arkivju sigriet.” Qed jingħad li l-Liġi Kanonika titlob li jkun hemm dan it-tip ta’ arkivju u li għalih l-Isqof biss ikollu iċ-ċavetta.

    Għandek sitwazzjoni fejn ir-riformi fid-duttrina tal-knisja, sistemi ta’ kontabilità u fuq kollox materji li jikkonċentraw lill-qassisin, jistgħu isiru biss minn ħdan il-Knisja Kattolika.  Irridu  ngħidu li wara jumejn sieket il-Vatikan ħareġ dikjarazzjoni ta’ ħames sentenzi. Qalu li minn dan il-każ iridu jittieħdu l-lezzjonijiet. Sejħu għal kontabilità, ovvjament mingħajr ma qalu dan kien se jintlaħaq. Il-Papa Franġisku qed ikun kritikat minħabba li fi żjara li qed jippjana fl-Irlanda, m’għandu l-ebda laqgħa ippjanata mal-vittmi tal-abbużi.  Xi ħaġa li qed tħasseb, għax il-fidili madwar id-dinja iridu Knisja li jkollha proċeduri b’saħħithom li fil-futur ma jibqax ikollna dawn l-abbużi. 

    Jaħbu kemm jaħbu, hu fatt li l-abbużi sesswali fuq tfal huma atti kriminali. Dawn mhux atti kontra l-Kattoliċi imma huma atti kontra is-soċjetà. Dawn l-atti ma jintemmux biss fi ħdan il-knisja imma jaffettwaw lil kulħadd. Il-Knisja Kattoli għandha l-obbligu li tgħid il-verità u li tagħmel ir-riformi meħtieġa.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0