Studju dwar il-qagħda tas-saħħa f’Malta

  • Set 04, 2018 12:30
  • Miktub minn iNews

    Studju li se jkun qed isir fost 5,000 persuna f’Malta u f’Għawdex għandu jagħti stampa aktar ċara fuq il-mod kif l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu taffetwa l-istat tas-saħħa tagħna.

    Sostniet dan is-Supretedent tas-Saħħa Pubblika, Dr Charmaine Gauci waqt it-tnedija tal-istudju dwar l-aspetti soċjali li jiddeterminaw is-saħħa, li huwa parti minn proġett ta’ madwar €3 miljun, li €2.2 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej. 

    Dr Gauci spjegat illi l-persuni li se jiġu intervistati għandhom ‘il fuq minn 16-il sena u se jkunu qed jolqtu gruppi ta’ etajiet differenti. Bħalissa dawk il-persuni li ġew magħżula biex jipparteċipaw f’dan l-istudju qed jirċievu inviti u fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jirċievu telefonata biex jiġi ffissat appuntament dwar fejn u meta tista’ ssir intervista magħhom. Din il-fażi tal-istudju għandha tieħu madwar sitt xhur biex titlesta’. 

    Huma se jkunu mistoqsija fuq aspetti li jmorru lil’hinn mid-dinja medika fosthom dwar fejn jaħdmu, il-livell tal-edukazzjoni li għandhom u d-dħul tagħhom, li wkoll għandhom impatt fuq is-saħħa tagħna. 

    Apparti l-karatteristiċi demografiċi soċjo-ekonomiċi, l-istudju jinkludi wkoll l-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni, l-aspett tas-saħħa mentali, il-kundizzjoni relatata mad-dieta u l-obeżità, u ċertu vizzji bħat-tabakk, drogi, logħob, l-użu tal-midja soċjali u l-kwalità tal-ħajja.

    Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika żiedet tgħid li l-istudju jħares ukoll dwar kif l-ambjent ta’ madwarna qiegħed ikun ta’ ostaklubiex il-persuni jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba. 

    “Permezz ta’ dan l-istudju se jkollna stampa ċara ta’ x’inhuma dawk id-determinanti soċjali tas-saħħa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biex naraw x’impatt li qed ikollhom fuq is-saħħa tal-persuni. Barra minn hekk, irridu nidentifikaw dawk il-gruppi vulnerabbli li l-iktar qed jiġu affetwati b’dawn il-health inequalities, biex bl-inizjattivi tagħna nkunu nistgħu nolqtuhom aktar,” tenniet Dr Gauci. 

    “Filwaqt li aħna naraw esperjenzi ta’ pajjiżi oħra, rridu nkunu nafu eżatt din l-istampa ċara li se toħroġ minn dan l-istudju biex aħna nfasslu dik il-politika li hija proprju adattata għal dan il-pajjiż.”

    Min-naħa tiegħu, d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li bħalissa għaddejjin preparamenti intensivi biex bħala Gvern iħejju u jagħtu qafas għal viżjoni fil-qasam tas-saħħa għas-snin li ġejjin. Huwa spjega li qegħda titfassal strateġija ta’ kif irridu naraw dan il-qasam jiżviluppa sal-2030.

    Huwa semma kif fil-preżent għaddejjin numru ta’ proġetti biex fi kliemu “tingħata stampa aktar ċara ta’ fejn irridu immorru” fosthom il-health systems performance assessment li jagħtik snapshot ta’ kif inhi s-saħħa tal-pajjiż u studju dwar l-istrateġiji kollha li qed jiffunzjonaw bħalissa.

    Huwa qal li bl-istudju li tnieda llum, “qed inħarsu lejn kif affarijiet barra mid-dinja medika qed jaffetwaw is-saħħa tagħna pereżempju fejn taħdem, x’tip ta’ xogħol għandek, kemm tagħmel eżerċizzju u anke xi dħul għandek. Irridu nindirizzaw affarijiet li huma estranji għad-dinja medika imma li għandhom impatt fuqna.” 

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna kif il-pjan huwa li joħorġu l-ewwel riżultati ta’ dan l-istudju sa nofs is-sena d-dieħla.

    “Anġlu Psaila kien wieħed mill-bastjuni fil-qasam tas-saħħa”

    Sadanittant, qabel il-konferenza stampa saret minuta silenzju biex tkun imfakkra l-memorja tal-Professur Anġlu Psaila, li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 81 sena. 

    Dr Fearne iddeskriva lil Prof. Psaila bħala għalliema, kollega u anke ħabib u qal li ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti ta’ mediċina, tobba u pazjenti għandhom gratitudni kbira lejh. Qal li, “Anġlu Psaila kien wieħed mill-bastjuni fil-qasam tas-saħħa u li fassal il-mod kif nagħtu l-kura f’pajjiżna.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0