“Qatt ma niftakar li kien hemm investiment dirett fil-housing soċjali daqstant kbir”

  • Set 03, 2018 09:59
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    Jistqarr dan il-Kap Eżekuttiv Ġdid tal-Awtorita tad-Djar, Leonid McKay, hekk kif illum it-3 ta' Settembru, sejjer b’mod uffiċjali jibda jokkupa l-kariga l-ġdida tiegħu. L-Orizzont tiddiskuti ma’ McKay l-aspetattivi u l-ambizzjonijiet aħħari tiegħu f’dan is-settur.

    Inti llum ser tibda tokkupa b’mod uffiċjali l-kariga bħala Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar. X’inhuma l-aspettattivi u l-għanijiet tiegħek għas-snin li ġejjin?

    Kuntent ħafna li għalkemm f’pożizzjoni differenti, ser nibqa naħdem fil-kamp soċjali, f’qasam li ili nsegwi mill-qrib. Propju llum hija l-ewwel ġurnata tiegħi b’mod uffiċjali f’dan ir-rwol. Ser nġib miegħi l-istess valuri u prinċipji li sawwruni matul s-snin li għaddew. Nħares ‘il quddiem biex f’din il-ħidma nkunu ċari ħafna fuq min ser jiggwida l-funzjoni tal-Awtorita’: ser jkunu il-persuni u familji li ġenwinament qed jsibu diffikultà relatata mal-akkomodazzjoni. 

    Nirrikonoxxi li filwaqt li fortunatament il-maġġoranza fis-soċjetà tagħna ma jiltaqgħux ma’ diffikultajiet ta’ housing, hemm faxxa ta’ persuni li jeħtieġu aktar sostenn. Dawn il-familji jridu jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Awtorita’. L-għan tiegħi flimkien mat-tim huwa li nkunu sensittivi u relevanti għal bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.  

    Ftit ilu tennejt li l-akkomodazzjoni “huwa dritt fundamentali tal-bniedem, u mhix kommodita.” Ma taħsibx li f’ekonomija neo-liberali bħal dik li hija n-norma (mhix f’Malta biss, iżda fid-dinja kollha), dikjarazzjonijiet bħal dawn huma iktar punti idejoloġiċi, iktar milli asserzjonijiet taċ-ċirkostanzi fil-preżenti?

    Dak li għidt hu prinċipju li għandu jiggwida t-tfassil tal-politika tal-housing fis-snin li ġejjin. Kieku ma nemminx li dan huwa possibli, ma kontx ngħidu. Aktar minn hekk, ma kontx naċċetta li nagħti kontribut fi ħdan l-Awtorità. 

    Nemmen bis-sħiħ li filwaqt li bl-ebda mod ma rridu nopponu l-forzi tas-suq, irridu naċċertaw li nagħtu nifs lil dik il-faxxa ta’ persuni u familji li jsibu diffikultajiet jixtru jew jikru l-post tagħhom. Nemmen li f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbilta’, l-istat għandu jservi bħala xibka li tilqagħhom, u jipprovdi skemi ta’ akkomodazzjoni diċenti u affordabbli. 

    Naturalment nemmen ukoll li bħalma persuna m’ għanda qatt tispiċċa dipendenti fuq benefiċċji li joffri l-istat għal tul ħajjita kollha, hekk ukoll nemmen li persuna għanda tħares li tkompli ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fis-soċjetà u timxi ‘l quddiem.  

    Int, f’kumment pubbliku li ħallejt fuq il-midja soċjali, rrikonoxxejt il-fatt, u sejjer nikwota, li “s-suq tad-djar falla milli jipprovdi akkomodazzjoni diċenti u affordabbli lil nies bi dħul baxx li qegħdin jiddependu fuq suq tal-kera liberalizzat.” Abbażi ta’ dan, taħseb li l-Gvern (vide l-Awtorità tad-Djar) irid ikollha ħidma iktar diretta (f’forma ta’ proġetti ta’ bini, kif ukoll il-possibilità ta’ regolamentazzjoni iktar stretta u infurzata) biex tikkumbatti il-problemi li hemm preżenti?

    It-twemmin fid-drittijiet fundamentali, fosthom li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal għixien xieraq, ma jagħmlekx esponent radikali. Fil-verità, id-drittijiet tal-bniedem ma jmorrux kontra l-ekonomija tas-suq, anzi jassiguraw li din taħdem aħjar. Jekk kulħadd jkun jistà jipparteċipa fis-suq, l-ekonomija tikber u tħalli aktar profitti. F’dan is-sens, jekk kulħadd ikollu akkomodazzjoni xierqa, huwa jkun f’pożizzjoni aħjar li jsib xogħol u fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi lura fl-ekonomija permezz tal-konsum. 

    Waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn jien aċċettajt li nagħti kontribut permezz ta’ din il-kariga ġdida, huwa propju għalhekk. Wara ħafna snin il-Gvern qed jikkommetti ruħu bis-serjetà li jibni aktar minn elf appartament f’siti u żoni differenti madwar Malta sabiex jiġu allokati lil familji fid-diffikulta’,li qed jgħixu realtajiet varji fosthom dħul baxx, mard kroniku, sfidi ta’ saħħa mentali, ta’ diżabilita’, vittmi ta’ abbuż jew vjolenza u anzjani fost oħrajn. 

    Ili nsegwi dan il-qasam ftit snin mhux ħażin ,u qatt ma niftakar li kien hemm investiment dirett fil-housing daqstant kbir fis-snin riċenti.  Il-ġimgħa l-oħra segwejt l-konferenza stampa tal-Onorevoli Galdes li matula tkellem dwar ir-riġenerazzjoni u l-bini tal-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fuq sit ta’ madwar tlett elef metru kwadru f’Bormla. B’din, bħal ma tennejt qabel, hija d-direzzjoni li għandha tkompli tittieħed biex fejn ifalli s-suq, jidħol il-Gvern. 

    Nħares ukoll ‘il quddiem biex inkomplu nintroduċu aktar skemi li jkomplu jippromwovu li familji jsiru sidien ta’ darhom, inkluż dawk bi dħul baxx u li jkollna wkoll qafas regolartorju b’saħħtu fil-qasam tas-suq tal-kirjiet.   

    Il-Gvern bħalissa qiegħed jibni madwar ħames mitt post ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta u Għawdex. X’sejjer ikun l-irwol tal-Awtorita tad-Djar, biex tassigura li dan il-proġett jitlesta? Fit-tlestija tiegħu, kif sejjer tassigura l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ dan il-bini?

    Il-Gvern qed jikkometti investiment bla preċedent fl-akkomodazzjoni soċjali. Filfatt, hemm kommess investiment ta’ aktar minn €100 miljun li se jwassal għal aktar minn elf appartament ġdid. Appartamenti ġodda li l-Awtorità tad-Djar se tkun responsabbli mill-allokazzjonijiet tagħhom filwaqt li permezz ta’ politika sostenibbli se tkun qed tassigura amministrazzjoni effiċjenti.SPM Ltd -Social Projects Management Ltd, huwa nkarigat mill-immaniġjar ta’ dan il-proġett. 

    Apparti dawn il-binjiet il-ġodda, hemm numru ta’ bini li preżentament qiegħed jiġi użat bħala akkomodazzjoni soċjali li għandu bżonn urġenti ta’ tiswija u manutenzjoni, minħabba snin ta’ negliġenza taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Xi pjan għandha l-Awtorita biex tassigura li dawn it-tiswijiet isiru?

    L-Awtoritá tad-Djar diġa qed tagħmel ħafna xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni fi blokki li qed jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali. In-nefqa  kapitali dejjem qed tiżdied: fil-fatt, n-nefqa totali f’tiswijiet bejn l-2013 u l-2017 kienet ta’ aktar minn seba’ miljuni. Saru xogħolijiet varji fuq tiswijiet strutturali, manutenzjoni fil-partijiet komuni kif ukoll xogħlijiet fuq faċċati, bjut u galleriji. Eżempji ta’ dan huma x-xogħlijiet li saru fi blokka Okkella Agius ġewwa l-Ħamrun fl-2017 b’investiment ta’ aktar minn €200,000; xogħolijiet strutturali fuq żewġ blokki fi Triq is-Sur, l-Isla, b’investiment ta’ madwar €400,000 lura fl-2015. Proġett ieħor ta’ tiswija kien dak li sar fl-2016 f’erba’ blokki fi Triq Kordin, Raħal Ġdid b’investiment ta’ aktar minn €100,000. B’dawn ix-xogħlijiet qed jitkomplew matul din is-sena, fil-fatt f’Lulju tlestew xogħlijiet ta’ tiswija fil-faċċati, bjut u l-komun fi tmien blokok f’Wied Ħesri s-Siġġiewi. 

    Dan filwaqt li għaddejjin xogħlijiet fuq numru ta’ blokki oħra, fosthom f’Santa Luċija, San Ġwann, Ta’ Ġiorni, Ħal Lija u f’tal-Laqxija Birkirkara. 

    L-Awtorità tad-Djar tħaddem ukoll skema b’kollaborazzjoni ma numru ta’ Kunsilli Lokali, fejn l-Awtorità tagħti għotja finanzjarja u għajnuna teknika lill-amministraturi ta’ blokka biex jagħmlu xogħlijiet ta’ titjib fil-partijiet komuni tal-blokka li jgħixu fiha. Dan flimkien ma’ għotjiet li l-Awtorità tagħti lil residenti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti, biex tagħmel titjib f’post tal-gvern bħal tibdil ta’ madum, ta’ kamra tal-banju u ta’ aperturi esterni. 

    Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità offriet diversi skemi u assistenzi finanzjarji, biex tkompli tassigura akkomodazzjoni diċenti għal min għandu bżonn. Temmen li wasal iż-żmien il dawn l-iskemi jkomplu jiżviluppaw u jissaħħew, speċjalment fid-dawl ta’ żidiet konsiderevoli fil-prezz tal-propjetà kawża ta’ ekonomija li qegħda tikber?

    Ekonomija li qiegħda tikber qed iġġib magħha sfidi ġodda. Huwa għalhekk li jiena flimkien mat-tim tiegħi se nkunu qiegħdin naħdmu biex f’dak li nipproponu nassiguraw li l-Awtorità tad-Djar,  tkun dejjem relevanti. 

    Żgur li b’metodi antiki ma jinfetħux bibien ġodda, għalhekk il-politika tagħna trid tkun ibbażata fuq ir-realtajiet tal-lum. Realtajiet differenti li ma nistgħux nindirizzawhom b’soluzzjoni waħda.

    Permezz tal-iskemi li toffri fil-preżent, l-Awtorità diġa qed toffri għajnuna tanġibbli lil dawk li jħabbtu l-bibien tagħha. Iżda jeħtieġ li nibdew noffru ukoll skemi għal dawk il-persuni li mhux neċċessarjament huma eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali. 

    Għalhekk jeħtieġ li nimxu lejn aktar affordabilità. Kelma li ma tantx konna nisimgħu qabel, għaliex kienet in-norma li persuna adulta tixtri appartament, illum ir-realtà nbidlet u għalhekk jeħtieġ li nimxu lejn housing affordabbli u diċenti għal kulħadd. Dan filwaqt li nkomplu ngħinu aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom. 

    Jeħtieġ ukoll li permezz tal-white paper tal-liġi tal-kera, nipprovdu qafas robust li jassigura mhux biss stabbiltà għas-sidien u l-inkwilini iżda anke protezzjoni. 

    Għalhekk, il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar se tkun qed tkompli anke bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-soċjetà. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0