[ARA] Ġorġ Agius: “It-tbatija rigal għalija”

  • Aww 31, 2018 09:57
  • Miktub minn iNews

    Kontra x-xnigħat li nxterdu kmieni lbieraħ filgħodu u minkejja li saħħtu marret lura, Ġorġ Agius magħruf aħjar bħala “l-Għannej tal-Mulej” għadu determinat li jkompli bil-ħidma tiegħu biex ifaħħar lill-Mulej u jwassal il-kelma tiegħu b’mod differenti. Issa, wara tant snin li Ġorġ kien ilu jżur lil morda fl-Isptarijiet, in-nies qiegħda tkun hi li tfittex lilu billi tmur iżżuru fir-residenza tal-anzjani San Vincenz de Paul.

    Dan ikkonfermah hu stess meta tkellem ma’ Inewsmalta hekk kif qal li wara li nxterdet ix-xniegħa li huwa kien tilef ħajtu fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, aktar nies bdew jistaqsu dwaru u saħansitra kien hemm għadd kbir ta’ nies li marru jżuruh f’San Vinċenz.

    Minkejja li llum għandu 92 sena, Ġorġ jgħid li huwa ma jħossux imdejjaq għax ħafna nies qegħdin jmorru jżuruh u li meta jara dan ir-rispett mingħand ħaddieħor, dak huwa ta’ sabar u konsolazzjoni għalih. Huwa jgħid li dan hu li għandna bżonn fil-ħajja - li nirrispettaw lil xulxin għax ir-rispett ġej minn Alla.

    “Jiena ċert li l-akbar kelma li hawn fid-dinja hi l-imħabba. Imma biex l-imħabba tkun tassew sabiħa trid tkun l-imħabba kif omm tħobb lil uliedha,” sostna Ġorġ.

    Huwa żied jgħid li kull ħaġa li teżisti, jekk mhix tajba, tkun ta’ dwejjaq għal ħaddieħor. “Min jista’ jiċħad li s-sewwa tant hu sabiħ? Imma x’jiġri fil-ħajja? Min iwebbes rasu fit-triq tal-imqarrqin, il-ħażin jgħidlu tajjeb u t-tajjeb jgħidlu ħażin.”

    Ħass fih id-don tal-għana meta kien imur ma’ missieru jbigħ il-ħaxix

    Mistoqsi dwar meta beda jgħanni, Ġorġ qalilna li sa minn ċkunitu, meta kellu biss 14-il sena u kien imur ibigħ il-ħaxix flimkien ma’ missieru, kien jisma’ lil ħaddieħor jgħanni u ħass ġewwa fih li huwa kellu wkoll dan id-don u li jrid jużah. Huwa ma naqasx milli jqabblilna waħda dwar x’kien jgħanni li kieku jerġa’ jmur ibigħ il-ħaxix.

    “Ara kemm kelli ful u piżelli. U qarabagħli ċkejken u tari. U għandi l-basal u l-patata. U ħass u ndivja u nsalata. Għandi l-bżar aħdar, brunġiel sabiħ… u kemm hu tajjeb meta taqlih! U għandi l-għeneb u l-bettiegħ, nixtri kilo biex lir-raġel wara l-ikel minnu ntih.”

    Dwar minn fejn nibtet l-idea tiegħu biex jmur iżur l-isptarijiet, Ġorġ jgħid li huwa kien ta’ sikwit jisma’ dak li kien jgħid San Ġorġ Preca u minn hemm ‘il quddiem kien iddeċieda li jidħol għal dan l-appostolat.

    “Meta ħassejt fija li għandi dan it-talent, kelli 20 sena. Darba fost l-oħrajn kont weġġgħajt l-għaksa ta’ saqajha f’inċident. Kelli nidħol l-Isptar u riduni nqabblilhom. Ħaġa tal-għaġeb… bdejt nitkellem fuq dawn l-affarijiet. Meta kont rajt li n-nies bdew jagħtu kas il-kliem li ngħid, għedt tajjeb li nkompli nxerrdu.”

    Kien hawn li Ġorġ qabblilna waħda milli kien jgħid lill-pazjenti li kienu jinsabu rikoverati fl-isptar; “fl-Isptar ta’ San Luqa jien lilkom ġejt nara. Magħkom ġejt nitkellem O ħuti Nsara biex forsi nfarraġkom bil-kliem li ngħidilkom għax inthom fis-sodod kemm għandi x’ngħidilkom. Nitlob għalikom għax inthom fil-bżonn u paċi u ġid nixtiqilkom u ħaġa u tajba u mill-aħjar, issa nixtieq li inthom tfiequ u tmorru d-dar.”

    Mistoqsi x’jagħmlu kuntent l-iktar fil-ħajja, huwa qalilna li l-iktar ħaġa li tagħmlu kuntent il-bniedem hija meta jkun kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu għax “min hu bla kontroll bl-id waħda jorbot u bl-oħra jħoll”. Huwa qal li “dejjem titgħallem minn dak li jkun ġralek fil-ħajja… imbagħad tibda tgħid kemm hi sabiħa l-ħajja tajba, kemm hi kerha l-ħażina, waħda twassal għal paċi u l-oħra għar-rovina.

    Ġorġ qalilna wkoll li lilu baqgħu jsejħulu “Tal-Mużew” għax kien jattendi għal-laqgħat tas-soċji tal-Mużew u iktar tard, meta kien ġie intervistat fuq ir-radju minn ċertu Lawrence Mizzi, dan kien qalagħhielu “Ġorġ, l-Għannej tal-Mulej.”

    Mistoqsi dwar kif iħossu quddiem it-tbatija, Ġorġ jgħid li huwa jħossu “kkonslat”. “Meta nqum kmieni filgħodu ngħid: Ġesu’ poġġi kliemek fuq ilsieni. Meta bniedem ikun imdejjaq u tgħidlu kelma u jgħidlek Alla bagħtek, dik il-kelma jgħidha imma li ma jafx hu li Alla jkun qed ikellmek permezz ta’ bniedem.”

    “Jiena ma nieħu għal ħadd. Issa aktar jafu li ma mittx”

    Ġorġ ma naqasx milli jitkellem dwar ix-xniegħa li xxerdet fuq il-mezzi soċjali, dik li huwa kien ħalla din id-dinja, u qal li “jiena ma nieħu għal ħadd. Issa aktar jafu li ma mittx b’dawn l-intervisti.”

    Staqsejnieh ukoll jekk jibżax mill-mewt, b’Ġorġ jgħidilna li; “qed nagħmel kulma nista’ biex ngħix kif irid Alla u nħossni kalm għall-mewt. It-tbatija rigal għalija. M’hawnx premju mingħajr tbatija.” 

    Huwa żied jgħid li dan il-kunċett issibu kullimkien u li saħansitra mill-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li għaddiet wieħed seta’ jgħarbel sew kemm wara dan it-trofew kien hemm tbatija għax skont kliemu stess l-istess trofew lanqas kien jesa’ l-għaraq li nxtered għalih.

    Qabel temmejna l-intervista tagħna tlabnieh iqabblilna waħda għall-qarrejja tagħna u peress li ftit tal-ħin wara kien sejjer jiekol qalilna hekk: “Fjakkajt jien sejjer niekol. Ommi qed tistennieni. Il-platt iġġib quddiemi bil-brodu tas-serduq. Ma nafx ‘l għala qatlitlu kien jgħajjat quqqu quqqu. Kulħadd irid iduqu, dan naqra ta’ serduq. Tlieta tlieta jagħmlu sitta u l-kappell mhuwiex beritta. U s-Surġent jgħidlek left right u se nmur niekol għax fjakkajt.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook