Intervista mal-player femmili Raina Giusti

  • Aww 30, 2018 00:56
  • Miktub minn minn Cris Muscat

    Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-football?

    L-imħabba lejn il-football nibtet fija mill-età żgħira ta’ erba’ snin, grazzi għall-kuġin li kien hu li daħħalni fid-dinja tal-football, dak iż-żmien mat-team tas-subien ta’ Floriana FC.

     

    X’tikkummenta fuq l-esperjenza li kellek ri­ċen­tement fil-UEFA Women’s Champions League ma’ Birkirkara? 

    Kienet esperjena sabiħa ħafna. Li nilgħab fl-ogħla kompetizzjoni Ewropea tfisser ħafna għalija. 

    Matul l-istaġun li għadda ħdimna ħafna u kien sforz kollettiv li dan l-istaġun konna qed nilagħbu f’din il-kompetizzjoni li tagħtik l-opportunità li tgħix tal-inqas ftit jiem bħala player professjonali fejn tikkon­ċentra biss fuq il-football.

    Din is-sena kienet waħda partikolari. Ktibna storja ġdida għall-club ta’ Birkir­kara fejn ksibna l-ewwel punt, kif ukoll sirna l-ewwel club Malti li skorjajna f’żewġ logħbiet differenti. Il-progress tat-team kien evidenti anke f’din il-kompetizzjoni.

     

    X’emozzjoni ħassejt me­ta skorjat il-goal mill-isbaħ li bih ġibt id-draw momentarju kontra Cardiff Met?

     Kienet emozzjoni li ma tantx nista’ niddeskrivi wisq. Kont kuntenta immens. Kull player joħlom li jniżżel ismu fost l-iskorers f’din il-kompetizzjoni, u kuntenta mmens li dan il-goal kien wieħed mit-tnejn skorjati f’logħbiet daqstant importanti għall-club.

    Bħala team dejjem nas­piraw biex inkomplu mexjin ‘il quddiem u r-riżultat kontra Cardiff Met kien xhieda li t-team jinsab miexi fid-direzzjoni t-tajba.

    X’ifisser għalik ir-rebħ tal-kampjonat speċjalment meta int kont ukoll l-awqa skorer tat-team b’21 goal?

    Ir-rebħ tal-aħħar kampjonat ifisser ħafna għalija. Kien kampjonat li pprovda numru ta’ lezzjonijiet, partikolarment, dik li nibqgħu niġġieldu sal-aħħar u li ma naqtgħu qalbna qatt. Lez­zjonijiet li japplikaw għalija, li baqagħli ħafna x’nitgħal­lem u x’nikber f’din id-dinja tal-football.

     

    Kemm kien differenti dan il-kampjonat minn oħ­rajn li rbaħt ma’ Birkirkara? Tqisu bħala iktar speċ­jali u isbaħ minn oħrajn jew ma tistax tiddistingwi bejn rebħ ta’ kampjonati mirbuħa?

    Bla dubju, iva, kien kampjonat differenti mmens għaliex baqa’ miftuħ sal-aħħar ġurnata tal-kampjo­nat. Kienet kampanja twila mimlija tlajja’ u nżul iżda bqajna nissieltu sal-aħħar, ma qtajniex qalbna u għe­libna kull ostaklu li ġie matul dan l-istaġun.

     

    X’taħseb li kien is-sigriet ewlieni tas-suċċess miksub minnkom bħala team tan-nisa ta’ Birkirkara matul dan l-istaġun li wassal biex tirbħu t-titlu finali?

    Kull kampjonat huwa speċjali u kull kampjonat fih il-memorji partikolari tie­għu. Bla dubju dan nibqa’ niftakru bħala wieħed mill-isbaħ kampjonati u l-ewwel kampjonat bħala l-aqwa skorer tat-team. Ċertament, motivazzjoni kbira biex naħ­dem aktar.

     

    X’tikkummenta fuq l-isfida denja li kellkom għal darb’oħra minn Hiber­nians  għar-rebħ tat-titlu?

    Il-logħbiet kontra Hibernians huma l-aktar partiti li nkun qed nistenna għax huma l-isbaħ konfronti tal-istaġun. 

    Bħalna, Hibernians jkunu qed jiġġieldu għall-unuri prinċipali kull sena u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni.

     

    U x’tikkummenta fuq l-aħħar partita li wasslitkom għar-rebħ tal-kampjonat, fejn għalkemm punt wieħed biss kien biżżejjed, umiljajtu lill-Pawlisti meta għelibtuhom bl-iskor kbir ta’ 4-1?

    Kienet waħda mil-aktar partiti li se nibqa’ niftakar. Grazzi lil kull min kien involut u li ta s-sehem tiegħu biex inkunu nistgħu nirbħu kampjonat ieħor. Kien sforz kollettiv ta’ min hu nvolut fit-team Birkirkara biex stajna nipproduċu prestazzjoni bħal dik. Preparajna bl-aktar mod professjonali u ħadna r-riżultat tal-prepa­razzjoni li għamilna.

     

    Bosta baqgħu sorpriżi bil-fatt li int ma rnexxie­lekx tagħmilha mal-finalisti għall-unur tal-MFA Player tas-Sena ... speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li kellek staġun mill-aqwa fejn int spiċċajt bħala l-aqwa skorer ta’ Birkirkara u t-tieni l-aqwa skorer fil-kampjonat b’goal distakk fil-konfront ta’ Dorianne Theuma. Kemm ħassejtek di­żappunatata?

    Ma ħassejtnix  diżappun­tata għaliex it-tragward personali tiegħi dejjem kien li nerġa’ nirbaħ il-kampjonat ma’ Birkirkara. Dan seħħ u seħħ bil-kbir. L-unuri personali huma dejjem sbieħ, peró l-prijorità fit-tragwardi tiegħi hiaa dejjem it-team.

     

    Kif tirribatti għall-kri­tika li ssir mhux biss f’pajjiżna, li l-footbal hu­wa biss ad­dattat għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħ­ħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi?

    Jiena nemmen li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni iżda huwa inti li tiddeċiedi liema opinjonijiet trid tevalwa u tħallihom jinfluwenzawk. 

    Irrilevanti s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi għax il-football tan-nisa f’pajjiżna għamel passi kbar u konvinta li l-progress se jkompli.

     

    X’tikkummenta fuq wie­ħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-football tan-nisa f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, li huwa wkoll l-ex coach tat-team naz­zjonali tan-nisa, u li pre­żentament qed jokkupa l-kariga ta’ Direttur Tekniku tal-football tan-nisa lokali, Pierre Brincat?

    Pierre Brincat huwa persuna mil-iktar importanti fil-football tan-nisa f’pajjiż­na. Kien ix-xogħol għaqli tiegħu kif ukoll l-imħabba tiegħu lejn dan l-isport li l-football tan-nisa wasal fejn wasal illum il-ġurnata. Bħal kull min hu nvolut fil-football tan-nisa, għandi rispett kbir lejn Pierre Brincat, kif ukoll ninsab grata għax-xogħol li wettaq.

     

    Hemm xi logħbiet me­mo­rabbli kemm ma’ Bir­kirkara kif ukoll mat-team nazzjonali li jibqgħu mmar­kati b’ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek s’issa?

    Hemm tliet logħbiet partikolari li dejjem jibqgħu memorabbli - il-logħba valida mill-Kampjonat Ewro­pew ta’ Taħt id-19-il sena,  li kien organizzat fl-2013 meta kont dħalt bħala sostituta u skorjajt l-ewwel goal miż-żewġ goals li skorjajna biex żammejna lis-Serbja fi draw prestiġjuż ta’ 2-2. 

    It-tieni logħba hija dik domestika, f’Settembru li għadda - ir-rebħa kontra Hibernians fis-Super Cup. L-iskor kien ta’ 2-2 u skorjajt il-goal tar-rebha - goal li nis­ta’ niftakar għal għomri kollu. Kien tassew il-bidu ta’ staġun fantastiku. 

    It-tielet waħda hija dik riċenti mill-UEFA Women’s Champions League kontra Cardiff Met li fiha ġibt id-draw momentarju ta’ 1-1. 

     

    X’tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-football tan-nisa f’pajjiżna jew tħoss li tista’ tagħmel iktar?

    L-MFA qed tagħmel ħaf­na xogħol siewi, speċjalment fid-dipartiment tal-football tan-nisa. Bħal dejjem u f’kollox hemm lok għal titjib u l-football tan-nisa f’Malta mhux eċċezzjoni.

     

    X’inhuma l-kummenti tiegħek fuq il-coach tat-team tan-nisa ta’ Birkirkara, Melania Bajada?

    Melania Bajada hija coach eċċezzjonali. Mil-lat perso­nali kienet l-ewwel coach femminili li kelli fil-karriera, peró dejjem kelli ammiraz­zjoni lejha. Dejjem kelli xewqa li jkolli coach bħalha u nħossni fortunata ħafna li nifforma parti minn team li huwa mmexxi minnha. 

    L-ewwel staġun taħt il-gwida tagħha se jibqa’ memorabbli. Il-coach għe­nitni ħafna fiżikament u mentalment. Kienet coach li emmnet fija mill-ewwel ġurnata li ħadet it-tmun tat-team u baqgħet timmotivani sal-aħħar logħba.

     

    Tikkunsidra l-possibbil­tà li fil-futur tmur tilgħab ma’ xi team barra minn Malta?

    Il-karriera ta’ player tal-football hija waħda qasira u jiena nemmen li kull player jaspira li xi darba jew oħra jmur jilgħab barra l-pajjiż.

    Jien mhux eċċezzjoni għaliex jekk tiġi l-offerta ideali nemmen Ii tkun il-pass li jmiss biex inkompli ntejjeb it-talent tiegħi. 

    Peró, żgur li prezentement m’inix naħseb fuqha. Nemmen li l-ewwel tragward tiegħi għandu jkun li nkompli nistabilixxi lili nnifsi hawn Malta u nkompli nkabbar it-talenti tiegħi.

     

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Birkirkara? Il-futur tiegħek huwa wie­ħed esklussivament mal-Istripes, jew tikkunsidra li fiż-żmien li ġej tħalli lil dan il-club, biex tingħaqad ma’ xi team ieħor?

    Ninsab kuntenta mmens ma’ Birkirkara. 

    Birkirkara kien il-club li emmen fit-talenti tiegħi fl-età żgħira ta’ 14-il sena. Kuntenta u sodisfatta li  bqajt tiela’ ma’ dan il-club u nħares ‘il quddiem b’otti­miż­mu għal aktar suċċessi miegħu. 

    Il-futur ma jafu ħadd, peró żgur li preżentament m’għandi l-ebda ħsieb li niċċaqlaq.

     

    Tħoss li l-media sportiva f’pajjiżna tagħti biżżejjed promozzjoni lill-football tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prin­ċipali u importanti, li fihom ikun involut it-team nazzjonali tan-nisa?

    Le, ma nħossx li l-media sportiva f’pajjiżna tagħti biżżejjed promozzjoni lill-football tan-Nisa. Peró ġus­tament, wieħed irid isem­mi li l-affarijiet tjiebu ħafna. 

    Il-coverage fuq il-logħob tan-nisa, partikolarment dawk bejn Birkirkara u Hibernians, sar wieħed b’saħ­ħtu, speċjalment mill-clubs rispettivi. Hija waħda mix-xewqat tiegħi li nara aktar promozzjoni fuq il-football tan-nisa mill-media.

     

    X’inhu l-mes­saġġ tie­għek għal  dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-football kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġ­ġuhom jagħmlu dan?

    L-ewwel u fuq kollox, nappella lil kull tifla interessata li tibda dan l-isport biex tieħu gost tipprattikah.

    L-għan ewlieni tal-isport huwa li tieħu gost speċjal­ment fl-etajiet aktar żgħar. Meta tieħu gost tipprattika u tibda tara r-riżultati, bla ma trid, taħdem aktar. 

    Nappella wkoll lill-ġe­nituri biex jissapportjaw u jinkoraġġixxuhom biex jibdew dan l-isport. L-isport huwa importanti ħafna għas-saħħa, kemm fiżika­ment kif ukoll mentalment.

    Ħallu lit-tfal jieħdu gost jipprattikaw dan l-isport min­għajr ħafna pressjoni żejda ħalli jitilgħu jħobbu jilagħbu l-logħba.

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0