L-ebda attentat għal kjarezza fuq l-assi tal-Knisja … Ma jeżisti l-ebda rendikont pubbliku tal-assi u tad-djun fuq il-Knisja Maltija

  • Aww 29, 2018 13:48
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    Hekk kif fil-jiem li għaddew il-Knisja Kattoliku elenkat ir-rapport finanzjarju tagħha, fejn fost l-oħrajn elenkat id-dħul u l-ħruġ finanzjarju tagħha matul is-sena tal-2017, dan is-sit innota kif ir-rapporti finanzjarji ppubblikati, filwaqt li jiddiskutu l-pożizzjoni annwali tagħha, ma qalux xejn fuq il-bilanċ tal-assi u tad-djun tal-istess Knisja, kif wieħed jista’ jara f’rapporti finanzjarji ta’ azjendi u kumpaniji oħra.

    Il-mistoqsija ta’ kemm hija sinjura l-Knisja (kemm dik Maltija, kif ukoll globalment), hija waħda topika ħafna. Hekk kif din l-organizazzjoni qegħda tiġi sfurzata tagħmel rikonoxximent tal-pożizzjoni tagħha (kemm fl-isfond reliġjuż, kif ukoll dak politiku), fid-dawl ta’ diversi skandli li nqalgħu, kif ukoll bħala riżultat dirett tat-tnaqqis fl-ammont ta’ nies li għadhom jirrikonoxxu r-relevanza u l-importanza tagħha fis-soċjeta tal-lum, l-argument tat-trasparenza  li forsi wieħed għandu jikkunsidra b’mod iktar b’saħħtu.

    Sorsi fi ħdan il-Knisja (li xtaqu jibqgħu anonimi) tennew li l-pożizzjoni finanzjarja tal-Knisja, għal raġunijiet ovvja, m’għadhiex dak li kienet f’ġenerazzjonijiet preċedenti. “Qabel, il-Knisja kienet tiddomina f’kull aspett tas-soċjetà Maltija, iġifieri dak politiku, dak komunitarju, u dak spiritwali. Però wieħed mgħadux jinsa l-lat ekonomiku: L-ammont ta’ flejjes u donazzjonijiet li ngħataw lill-Knisja, bħala xi forma ta’ pagament għal xi grazzja, talba, jew anke bħala indulġenzi għad-dnubiet tal-persuna, huwa wieħed kbir ħafna. Kważi kważi, inkonċepibbli.”

    “Illum il-ġurnata, hekk kif ħafna iktar nies saru iktar xettiċi għal kif topera l-Knisja, speċjalment meta kkumparat ma’ kif sfortunatament uħud mill-membri tal-Kleru aġixxew f’ċertu ċirkostanzi differenti, dan is-sors ta’ introjtu m’għadux b’saħħtu daqs li kieku. Ma waqfux għal kollox, ejjew inkunu sinċieri, però l-ebda Knisja jew Parroċċa m’għadha tista’ tiddependi biss fuq id-donazzjonijiet li tirċievi għall-ispejjeż kollha tagħha.”

    L-istess sors fi ħdan il-Kleru madanakollu saħaq li waqt li l-Knisja Kattolika nediet numru ta’ kumpaniji matul iż-żmien biex tiddiversifika l-portafoll tagħhom (fosthom l-APS Bank, li twaqqaf fl-1910, u l-arma tal-midja tal-Knisja, RTK Limited), din id-deċiżjoni wasslet għal sitwazzjoni kemmxejn ambigwa. “Filwaqt li dawn qegħdin jimxu bl-istess rappurtaġġ finanzjarju bħal kull kumpanija oħra, l-operat ċentrali tal-Knisja qatt ma ġie eżaminat, mill-lat ta’ kontabiliżmu u awditjar, bl-istess reqqa. Kull min kien risponsabbli mill-Knisja Kattolika, iġġieled bis-saħħa kull attentat li qatt seta kien hemm biex ikun hemm iktar trasparenza finanzjarja fl-assi totali tal-Knisja. Ma kien hemm l-ebda eżerċizzju konkret, kemm intern kif ukoll minn terzi persuni, li ppruva jikkonkretizza il-valur tal-assi u l-propjetajiet kollha li tagħhom huwa risponsabbli l-Kleru.”

    Tajna ħarsa ħarsa lejn l-aħħar rapport finanzjarju ppubblikat mill-Kurja ta’ Malta, iktar kmieni dan ix-xahar. Ir-rapport finanzjarju spjega kif l-Arċidjoċesi ta’ Malta kellha introjtu totali ta’ €39 miljun matul is-sena tal-2017, li hija żieda ta’ iktar minn €2 miljuni fuq l-introjtu tas-sena ta’ qabel. L-istess rapporti pero jindikaw li kien hemm żieda sostanzjali (ta’ €2.8 miljun) fl-infiq totali, li wassal biex is-surplus tal-Knisja jinżel minn €1.8 miljun, għal €370,000.

    Fejn jidħol l-bilanċ tal-kurja, ir-rapport finanzjarju jindika li kien hemm żieda fis-surplus tagħha, minn €354,000 fl-2016, għal €885,000 fl-2017. Dan kien riżultat ta’ żieda sostanzjali fl-introjtu, minn €7.5 miljun fl-2016 għal €8.8 miljun fl-2017, li kkumpensa maż-żieda inqas notevoli fl-ispiża tagħha (minn €6.7 miljun fl-2016, għal ftit inqas minn €7 miljun fl-2017). 

    Ir-rapport finanzjarju, filwaqt li elenkat l-introjtu u l-ispiża totali tal-Knisja, ma ppubblikatx id-Dikjarazzjoni tal-Pożizzjoni Finanzjarja tal-Knisja, fejn jiġu mniżżla wkoll l-assi u d-djun kollha li l-Knisja għandha fil-preżent. Dan huwa kuntrarju għal dak li jsir f’intrapriżi jew għaqdiet privati oħra huma ntitolati jagħmlu fir-rapporti finanzjarji tagħhom.

    Ħadna l-kumment tal-Kummissarju għat-Taxxi, is-Sur Marvin Gaerty, fuq dan is-suġġett. “L-istituzzjonijiet reliġjużi li joperaw intrapriża ta’ kummerċ, bħalma hija skola, sptar jew anke kumpanija tal-midja, jiġu meqjusa għall-fini ta’ taxxa bl-istess mod bħala kumpanija normali, u huma ntaxxati bir-rata ta’ 35%. Dawn il-kumpaniji huma obbligati li jkollhom ir-reġistri finanzjarji kif suppost, fosthom Dikjarazzjoni tal-Profitt jew Telf,  kif ukoll Dikjarazzjoni tal-Pożizzjoni Finanzjarja tal-Intrapriża, kif ukoll kull dokuemtn relevanti.”

    “L-atti dwar it-taxxa fuq l-introjtu (Kapitlu 123 tal-Liġijiet ta’ Malta) ma jirrikjedux lil kull min iħallas it-taxxa biex jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom, pero jagħtu s-saħħa lill-Kummissarju tat-Taxxa biex isaqsu lin-nies jew il-kumpaniji biex jipproduċu r-rapporti tagħhom biex jiġu eżaminati, u dan meta jkun hemm bżonn għal raġunijiet ta’ taxxa.”

    Meta mistoqsi jekk il-Knisja qatt bagħtitx id-Dikjarazzjoni tal-Pożizzjoni Finanzjarja tagħha lill-Uffiċċju, Gaerty tenna li “Kull informazzjoni li tiġi miġbura mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa hija marbuta mas-segretezza uffiċjali.”

    Il-Kummissarju kompla jgħid li l-introjtu li jkun hemm minn kommunitajiet jew għaqdiet reliġjużi, li ma jkunux minn xi transazzjoni kummerċjali jew ta’ negozju, huwa rregolat bl-istess kapitlu, fejn fost l-oħrajn, l-att jindika rata ta’ taxxa ta’ 20% fuq dan l-intorjtu. Filwaqt li r-rata hija waħda sostanzjali (kkumparat ma’ pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti per eżempju, fejn l-għaqdiet reliġjużi huma fil-maġġoranza tagħhom eżenti minn kull tip ta’ taxxa), ir-rata hija xorta waħda iżgħar minn dik normali, li hija 35%.

    Madanakollu, Gaerty jisħaq ukoll li l-uffiċjali tal-kleru, kif ukoll tal-għaqdiet reliġjużi kollha, fuq bażi personali jiġu ntaxxati b’rati normali fuq id-dħul personali tagħhom. Fil-fatt, l-imsemmi rapport finanzjarju jindika kif l-ammont ta’ taxxa dovuti mill-Arċidjoċesi ta’ Malta (€1.11 miljun fl-2017) u mill-Kurja (€668,000 fl-2017).

    Meta staqsejna għalfejn, is-sors ġewwa l-Knisja tenna li hemm numru ta’ affarijiet li wieħed irid jikkunsidra: “Minħabba n-numru kbir ta’ donazzjonijiet, kemm dawk iż-żgħar ta’ matul il-quddies, kif ukoll in-numru ta’ bini u art li ngħataw matul is-snin, l-ammont ta’ propjetà li hemm bżonn isir evalwazzjoni fuqu huwa wieħed konsiderevoli immens. U matul iż-żmien, ma kienx hemm dak l-impetus biex isiru dawn il-valwazzjonijiet.”

    Fuq dan il-punt, is-sors irrimarka fuq il-ftehim ta’ bejn il-Knisja u l-Istat tal-1993, fejn il-Knisja kienet ċediet l-artijiet kollha tagħha (apparti dawk li kellhom użu uffiċjali) lill-Gvern. Filwaqt li l-Gvern kien elenka lista tal-propjetajiet kollha li ngħataw lilu taħt dan l-ftehim, u filwaqt li dak iż-żmien, il-Gvern kien ħallas lill-Knisja total ta’ €65 miljun (f’forma ta’ stocks) bħala pagament, ix-xogħol biex jiġi ddeterminat b’modċ ert liema artijiet kienu jaqgħu taħt dan il-ftehim għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum, u mistenni jdum għaxar snin oħra.  

    “Il-Gvern kien għamel stima li f’dan il-ftehim, kienu ngħataw iktar minn 38,000 propjeta differenti. Pero sal-lum il-ġurnata, ma nafux l-ammont eżatt ta’ propjeta li ngħatat, u liema huma, aħseb u ara l-valur propju tagħhom. U dawn fuq propjetà. Immaġina l-istess ħaġa  r-rikezzi u l-affarijiet kollha li għandha f’idejha l-Knisja, kemm sejra tkun iktar diffiċli biex tagħmel evalwazzjoni u stima konkreta tagħhom.Probabilment, il-Knisja stess ma tafx.”

    Argument simili kien magħmul mal-vlogger Nas Daily, li f’filmat ippubblikat iktar kmieni din is-sena, appella lill-Knejjes barranin biex jikkunsidraw “ibiegħu l-knejjes u d-dehebijiet kollha, u jagħtuhom lill-fqar. F’filmat ppubblikat fil-bidu ta’ dan ix-xahar, l-għaqda True Light Catholic Media rribattiet għall-kummenti ta’ Nas Daily. 

    Fir-risposta tagħhom, l-għaqda tenniet kif “tul l-istorja, in-nies dejjem investew f’dawk l-affarijiet li huma jgħożżu, u jagħmlu lil dawn il-postijiet bħala sinjifikat ta’ xi ħaġa mportanti, jew inkella li jiġbru lin-nies flimkien. Għalina, dawn il-knejjes mhix biss postijiet fejn wieħed jista’ jiltaqa’’, huma postijiet fejn nagħtu glorja lil xi ħadd li huwa infinitament ikbar minnha.”

    “Għalhekk, dawn il-postijiet ħaqqhom ikunu daqshekk sbieħ, għaliex jelevaw l-ispirtu uman u jressquh lejn Alla. Wieħed qiegħed jirċievi previżjoni tal-ġenna, filwaqt li għadu jgħix fuq din id-dinja.” Il-video tenna wkoll li l-Knisja Kattolika hija l-ikbar organizzazzjoni li tagħti karità fid-dinja, u li “jekk il-Knisja tbiegħ il-propjetà kollha li għandha u tagħtihom lill-foqra, dan mhu sejjer isolvi xejn, għaliex dan il-bini jżomm ġo fih l-amministrazzjoni ta’ dawn il-karitajiet, li jirrikjedu ħafna iktar riżorsi milli dawn il-binjiet jistgħu qatt jiswew.”

    Ir-risposta ta’ True Light Catholic Media, filwaqt li tipprova tiġġustifika r-rikkezzi li preżentament għandha, ma tantx titkellem fuq il-bżonn li l-Knisja tkun trasparenti fl-operat tagħha, speċifikament f’dak finanzjarju. Irrelevanti jekk wieħed jaqbilx ma’ dan l-argument jew le, xorta jibqa l-fatt li l-Knisja Kattolika, kemm dik globali kif ukoll f’Malta, hija kawta ħafna fuq x’informazzjoni finanzjarja tippubblika. 

    In-nuqqas ta’ trasparenza li preżentament teżisti fil-Knisja Kattolika mhix biss kwistjoni lokali. Il-ġurnalist Kristopher Morrison, mal-gazzetta Kanadiża National Post, f’artiklu ntitolat “Impossibbli li tikkalkula r-rikkezzi tal-Knisja Kattolika”, tenna kif l-Knisja għandha l-fuq min 700,000 kilometru kwadru bħala art madwar numru ta’ pajjiżi differenti. Madanakollu, Morrison tenna kif “huwa impossibbli li tikkalkula kemm għandha rikkezzi l-Knisja Kattolika. Fil-verità, anke l-knisja stess mhix kapaċi twieġeb din il-mistoqsija, anke jekk tixtieq.”

    “L-investimenti u l-infiq tagħha huwa miżmum sigriet. Il-valur propju tal-arti u tal-propjetajiet tagħha qatt ma ġew ivvalutati kif suppost, u dan minħabba l-fatt li l-knisja m’għandha l-ebda intenzjoni li tbiegħhom. 

    Intant, il-ġurnalist Ahiza Garcia, fuq is-sit ta’ CNN.com, tenna kif il-Bank Ċentrali tal-Vatikan, “liema bank kien frekwentament fiċ-ċentru ta’ każijiet ta’ korruzzjoni u skandli... għandu madwar $8 (€6.9) miljun f’assi.”

    “Min-naħa l-oħra, il-Vatikan (li hija entità differenti u separata mill-bank tagħha) ukoll għaddiet minn perjodu ta’ tindif. Meta ppubblikat r-rapporti finanzjarji tagħha fl-2014, l-assi tal-Vatikan kienu żdiedu b’€1.1 biljun (liema assi ma kinux mniżżla fuq rapporti preċedenti).”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0