''Jirreferu għalina l-omosesswali bħala imsieken jew imġienen''

  • Aww 28, 2018 13:14
  • Miktub minn Maria Azzopardi

    “Jiena li jien persuna omosesswali u nista’ nitkellem mill-esperjenza personali, nemmen li aħna l-Maltin fadlilna fejn naħdmu biex naprezzaw u nilqgħu iktar id-diversità. Li noħroġ u niltaqa’ ma ħars bl-ikrah sempliċiment għax nagħżel li naqbad id persuna tal-istess sess jew li noqgħod lura milli nitkellem fuq l-partner tiegħi man-nies minħabba l-biża’ ta’ xi reazzjoni xokkanti, ma nemminx li vera jagħtu serħan il-moħħ u jirriflettu l-ugwaljanza.”

    Hekk saħqet ma’ inewsmalta.com, Deborah Baldacchino, tfajla omosesswali, fejn kompliet tgħid li  “l-fatt li ċerti persuni jridu jirreferu għas-sieħba ta’ persuna omosesswali bħala “il-

    ħabiba” jew “il-ħabib” turi kemm vera dawn qed jiġu mħarsa bħala aljeni u trattati inqas mill-oħrajn. Vera li qed ngħixu f’soċjetà inklussiva fejn persuna tista’ tagħmel l-għażliet tagħha mingħajr ma tħossha inferjuri jew iġġudikata sempliċiment għax dil-persuna trid tħobb persuna oħra li nzertat għandha l-istess sess tagħha? Għalfejn persuna eterosesswali tħoss li għandha tiġi afettwata, jew agħar minn hekk, urtata għax sempliċiment persuna omosesswali qed tagħżel li tħobb persuna tal-istess sess tagħha?”

    Hija qalet li sfortunatament tħoss ukoll li koppji omosesswali rġiel jgħaddu minn ħafna iktar preġudizzji meta ikkumparati ma’ koppji liżbjani. “Ħafna nies eterosesswali jaħsbu li l-unika ħaġa li hi importanti, u teżisti bejn koppja gay, huwa s-sess u ma jagħrfux jaraw li dawn il-koppji kapaċi jkollhom relazzjoni stabbli u sabiħa, mimlija mħabba, rispett u valuri ukoll. Agħar minn hekk hawn min isejjaħ lill-persuni omosesswali bħala “imsieken jew imġinen”.”

    “Veru li ammont ta’ nies LGBTQ jaf jagħżlu li jfittxu għajnuna ta’ terapija bħal counselling iżda dan jagħmluh biex jaċċertaw ruħhom li dak li qed iħossu u jaħsbu huwa minnu u biex b’hekk jitgħallmu huma stess jaċċettaw u jħobbu lilhom infushom. Ħafna mill-perspettiva fuq koppji omosesswali hi li moħhom biss biex iħawwdu ma’ dak u mal-ieħor jew ma’ dik u mal-oħra.”

    “Bħal kull persuna oħra, persuni omosesswali huma umani u bħalma hemm nies li forsi jdejaqhom ċertu sens ta’ impenn lejn ir-relazzjoni nassigurakom li hemm nies omosesswali li jaħdmu għall-ġid tar-relazzjoni tagħhom. Nemmen li hemm bżonn kbir li mhux biss nqajmu aktar għarfien mal-ġenerazzjonijiet li telgħin iżda ukoll nżidu tagħlim fuq nies ta’ età matura. Int min int, ibda għix u ieqaf eżisti u ftakar l-imħabba qatt mhi dnub,” temmet tgħid Baldacchino. 

    “Jiena twilidt tifla imma inħossni tifel”

    Tfajla li ħarġet bħala transesswali ta’ 15-il sena tkellmet ma’ inewsmalta.com u qalet li minn dejjem kienet tħossha transesswali u “minn età żgħira kont vittma tal-bullying għax kont nidher bħala tomboy.”

    Hija rrakkuntat li minn mindu qatgħet xagħarha qasir kienu jgħajjruha ħafna peress li kienet tmur skola kollha bniet. “Kelli ħafna diskriminazzjoni f’ħafna postijiet u kont minn dejjem inħossni skomda immur l-iskola għax it-teachers ma kienux jaċċettaw il-fatt li jien xtaqt li huma jindirizzawni bħala tifel. Ma kinux jagħtuni l-permess li nuża t-toilet tas-subien u anke kelli qassisin ma jaċċettawx li jqarbnuni għax kont trans. Kont inħossni falluta u bdejt insaqsi verament l-orjentazzjoni sesswali tiegħi.”

    “Kienet triq diffiċli imma mexjin bil-mod ‘il quddiem. Ninsab kuntenta li ommi aċċettatni kif jien u qed tgħinni ħafna. Min-naħa l-oħra għandi dak iċ-ċertu rimors għax tlift ħafna ħbieb meta jien ħriġt bħala transesswali, imma issa naf li għandi ċirku ta’ ħbieb li jirrispettawni kif jien. Fil-fatt issa għandi ukoll partner li qed jgħini ħafna u jagħtini s-sapport li għandi bżonn.”

    “L-edukazzjoni dwar id-diversità fis-sesswalità hija essenzjali biex innaqsu l-omofobija”

    Dan is-sit għamel kuntatt ukoll mal-Koordinatriċi tal-Moviment tad-Drittijiet LGBTIQ ta’ Malta (MGRM) Colette Farrugia Bennett u qalet li “d-diffikultajiet ta' koppji gay ħafna drabi huma relatati mal-istigma u l-omofobija preżenti fis-soċjetà u fil-familji tagħna. Id-diffikultajiet biex wieħed jitkellem mal-familjari dwar l-orjentazzjoni sesswali għadhom jeżistu minħabba attitudnijiet negattivi li membri tal-familja jaf ikunu preżenti li dawn jaf jinkludu wkoll in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-partner tal-wild tagħhom, jew jwaqqfu li l-partner ikun preżenti f'attivitajiet tal-familja.”

    Apparti dawn is-sitwazzjonijiet fil-familji, Farrugia Bennett qalet li “hemm ukoll biża’ li nies li ma jafuhomx jistgħu jiġġudikaw koppji gay, din twassal biex jispiċċaw vittmi ta' Hate Crime li jinkludu insulti, vjolenza, theddid. Dawn l-inċidenti jistgħu jkunu kemm fit-triq, fi spazji fil-komunità, fil-familji, u anke online fuq il-media soċjali.”

    “L-edukazzjoni dwar id-diversità fis-sesswalitá hija essenzjali biex innaqsu l-omofobija. Din l-edukazzjoni trid tibda minn età żgħira fl-iskola billi kulħadd ikollu aċċess għal informazzjoni korretta li tagħti dinjità lil kull membru fis-soċjetà,” temmet tgħid Farrugia Bennett.

    Fis-sena 1973 l-omosesswalità tneħħiet mil-lista ta’ DSM (Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders). Fl-oqsma tal-omosesswalità Malta mxiet ħafna ‘l quddiem.  Dan il-pajjiż jinqies ukoll bħala wieħed mill-iktar pajjiżi fl-Ewropa li hu inklussiv bid-dħul ta’ ligijiet ġodda u żvilupp li jagħtu ħafna iktar drittijiet lill-koppji omosesswali inkluż li jistgħu jinagħqdu fl-att ta’ żwieġ u anka jesperjenzaw l-ħolma li jkunu ġenituri. Pero huma biżżejjed il-liġijiet biex jipproteġu koppji omosesswali kontra diskriminazzjoni u l-istigma soċjali?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0