''Qed inħejju skola bl-aqwa faċilitajiet''

  • Aww 28, 2018 09:51
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Isostni dan il-Kap Eżekuttiv tal-FTS, Mario Gafà, li tkellem ma’ dan is-sit dwar il-proġett ta’ €10 miljun fl-iskola l-ġdida tal-Qawra

    “Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, FTS, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għamel konsultazzjoni mal-imsieħba kkonċernati u rriżulta li jkun aħjar li kieku l-pjanti oriġinali jkunu riveduti biex jiżdiedu l-klassijiet u l-faċilitajiet.” Mario Gafà, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni (FTS), filwaqt li kkonferma ma’ inewsmalta.com li sar tibdil għall-aħjar fil-pjanti tal-iskola l-ġdida fil-Qawra, huwa ħabbar li din l-iskola mgħammra bl-aqwa faċilitajiet fis-settur edukattiv se tilqa’ l-ewwel studenti tagħha f’Settembru 2019.

    Il-proġett tal-bini tal-iskola l-ġdida fil-Qawra huwa miżura tal-badġit tal-Gvern u l-mira hi li din tkun lesta fl-2019. “Meta l-proġett tal-iskola ġdida fil-Qawra jkun lest fl-2019, se nkunu qegħdin nagħtu skola ġdida bl-aqwa faċilitajiet edukattivi, teknoloġiċi u sportivi lit-tfal tagħna,” qalilna s-Sur Gafà.

    Min tagħrif li rnexxielu jikseb inewsmalta.com it-tfal li se jibdew jattendu din l-iskola se jkunu f’ambjent modern u akkoljenti ħafna għalihom u dan bil-għan li l-esperjenza tagħhom tat-tagħlim tkun waħda sabiħa. It-tibdil fil-pjanti tal-bini tal-iskola l-ġdida sar wara konsultazzjonijiet u nħasset il-ħtieġa li jsiru l-alterazzjonijiet  bżonnjużi ta’ titjib fil-prodott finali tal-iskola stess. 

    Tibdil ieħor f’dan bini jirrigwardja s-sala tal-iskola, li oriġinarjament kellha tkun fis-sular ta’ fuq. Din issa se ssir fi blokka għaliha fis-sular mal-livell tat-triq biex tkun aktar aċċessibbli għall-komunità u tkun tista’ tintuża faċilment barra l-ħinijiet tal-iskola.

    Is-sit hu viċin il-knisja tal-Qawra u l-għan wara dan l-investiment ta’ €10 miljun hu li jitnaqqas il-piż tal-popolazzjoni dejjem tiżdied fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar li bħalissa għandha aktar minn 1,000 student jattendu fiha. Din l-iskola ġdida se tkun qiegħda tikkumplimenta l-iskola eżistenti f’San Pawl il-Baħar li se tibqa’ topera. 

    Il-bini ta’ skola ġdida fil-Qawra tħabbar mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2015 meta l-poplazzjoni f’dawn l-inħawi ta’ Malta kibret ħafna tant li s-sitwazzjoni saret insostenibbli. Fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar għal dawn l-aħħar snin kien hemm żieda kbira fin-numru tar-reġistrazzjonijiet tat-tfal minħabba li l-poplazzjoni fil-lokalitajiet ta’ San Pawl, Bugibba u l-Qawra splodiet. In-numru ta’ studenti ġodda f’din l-iskola li tkopri dawn it-tliet lokalitajiet qiegħda tkun akbar minn dak li fir-realtà tiflaħ.

    Fuq medda ta’ art ta’ 7,000 metru kwadrat li ma jinkludix l-art użata għall-parkeġġ, l-iskola l-ġdida fil-Qawra se tilqa’ fiha madwar 500 student u n-numru tal-klassijiet żdied bi tmienja oħra biex it-total issa tela’ għal 39 klassi. Il-Kap Eżekuttiv tal-FTS qalilna li fil-binja tal-iskola l-ġdida fil-Qawra se jkun hemm ukoll kindergarten u ċentru għall-ħarsien tat-tfal. Il-proġett jinkludi fih  parkeġġ ta’ 400 karozza, gym, pitch tal-futsal u żewġ badminton courts.

    Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ din l-iskola beda f’Jannar 2018 u mistenni jkun lest f’Marzu tal-2019. Fl-istess żmien se jkun qiegħda titkompla l-kostruzzjoni se jibda x-xogħol fuq l-elettriku, l-ilma, is-sistema tad-dranaġġ, l-arja kondizzjonata u xogħol tekniku ieħor. Il-Fondazzjoni spjegatilna kif l-istess se jsir fir-rigward tal-finishes bħal tqegħid ta’ madum, tikħil u kisi, tibjid u xogħlijiet oħra meħtieġa. Dawn ix-xogħlijiet se jibdew fis-sulari t’isfel waqt li s-sular ta’ fuq ikun għadu qiegħed jinbena. 

    Responsabbiltà lejn l-ambjent

    Il-Kap Exekutiv tal-FTS żied jgħid li dan il-proġett hu maħsub b’miżuri u inizjattivi favur l-ambjent fejn il-materjal li jintuża waqt il-kostruzzjoni hu kemm jista' jkun environmental-friendly.  

    Barra minnhekk is-soqfa u l-ħitan tal-faċċati tal-iskejjel ġodda qegħdin jinksew b'materjal insulated biex tkun ikkontrollata aħjar it-temperatura fil-binja. L-aperturi kollha tal-iskola fil-Qawra se jkunu bi ħġieġ double glazed, id-dwal se jaħdmu kollha bis-sistema LED u l-ilma tax-xita se jinġabar kollu f'ġibjuni apposta biex l-ilma jkun jista' jintuża għall-flushings, għall-ħasil tal-art u għall-irrigazzjoni tas-siġar u l-pjanti.

    Is-Sur Gafà temm jgħidilna li qegħdin jittieħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha biex ikun limitat it-trab li jtir fl-arja mis-sit u l-ħsejjes iġġenerati biex kemm jista’ jkun ma jikkawżawx inkonvinjent.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0