Jakkuża lill-Papa li satar abbużi sesswali minn Kardinal

  • Aww 28, 2018 08:00
  • Miktub minn iNews

    Il-Papa Franġisku rrifjuta li jwieġeb għal akkużi minn eks diplomatiku tal-Vatikan li saħaq li għandu jirriżenja minn Kap tal-Knisja Kattolika. L-Arċisqof Carlo Maria Vigano akkuża wkoll lill-Papa li satar rapporti ta’ abbużi sesswali minn kardinal Amerikan.

    Il-Papa kien mistoqsi dwar dawn l-akkużi mill-ġurnalisti waqt it-titjira lura lejn Ruma wara l-mawra ta’ jumejn fl-Irlanda. Huwa qal li mhu se jgħid l-ebda kelma b’risposta għall-ittra ta’ 11-il paġna mill-Arċisqof Vigano.

    Meta ġurnalist staqsa dwar l-ittra, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li huma (il-ġurnalisti) għandhom jaqraw id-dokument sew u jiġġudikaw huma stess. Huwa qal li mhu se jgħid xejn dwarha u li jaħseb li l-istqarrija titkellem għaliha nnifisha. Il-pubblikazzjoni tal-ittra, li saret fl-istess żmien li l-Papa indirizza l-iskandlu tal-abbużi sesswali minn qassisin waqt iż-żjara tiegħu fl-Irlanda, qajmet mistoqsijiet dwar jekk Franġisku hux jiffaċċja attakk ko-ordinat minn tradizzjonalisti fost il-ġerarkija Kattolika.

    Il-Papa kompla jgħid lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan li huma għandhom il-kapaċitajiet kollha biex jiġbdu l-konklużjonijiet tagħhom. “Meta jgħaddi xi ftit taż-żmien u tagħmlu l-konklużjonijiet tagħkom, forsi nitkellem,” kompla jgħid.

    Fl-ittra tiegħu l-Arċisqof Vigano qal li l-Papa kien jaf ilu dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali minn Kardinal Amerikan prominenti għal ħames snin qabel ma aċċetta r-riżenja tiegħu x-xahar li għadda. Vigano qal li huwa fl-2013 kien qal lill-Papa li l-Kardinal Theodore McCarrick kien iffaċċja akkużi estensivi ta’ abbużi sesswali fuq seminaristi u qassisin żgħar oħra.

    Il-Papa “kien jaf sa minn tal-inqas Ġunju 23, 2013 li McCarrick kien predatur abitwat” kiteb l-Arċisqof Vigano li żied li Franġisku kien jaf li l-Kardinal kien raġel korrott, li huwa għattielu proprju sal-aħħar.

    Fl-ittra tiegħu l-Arċisqof qal li Papa Franġisku għandu jkun l-ewwel wieħed li jagħti l-eżempju għall-kardinali, l-isqfijiet li għattew l-abbużi ta’ McCarrick u jirriżenja magħhom kollha. Madankollu Vigano ma pproduċa l-ebda evidenza miktuba jew xort’oħra biex jivverifika l-allegata konversazzjoni tiegħu tal-2013 mal-Papa.

    Huwa jgħid ukoll li sa mill-2006 huwa kiteb memo lil figuri anzjani fil-Vatikan fejn wissa li Theodore McCarrick kien suspettat li kien qiegħed jabbuża minn  adulti f’seminarju meta kien isqof fi New Jersey bejn l-1981 u l-2001. McCarrick, li llum għandu 88 sena, irriżenja f’mistħija x-xahar l-ieħor.

    Iż-żmien tal-ħruġ tal-ittra ta’ Vigano ġie deskritt minn sors fil-Vatikan bħala parti minn attakk orkestrat minn fost livelli għolja fil-Knisja li opponew lill-Papa Franġisku sa mill-ġurnata li huwa ġie elett Papa fl-2013.

    It-tmexxija informali tal-Papa, jgħammed tarbija fi triq u anke jżewweġ koppja fuq titjira, ħassbet lil xi tradizzjonalisti u l-enċiklika tiegħu dwar il-familja “Amoris Laetitia” ipprovokat lil erba’ Kardinali joħorġu sensiela ta’ mistoqsijiet li ġew deskritti bħal “dubia”. Hu magħruf li l-Arċisqof Vigano huwa alleat ta’ dawn il-Kardinali “dubia” li pubblikament sfidaw lil Franġisku biex jikkoreġi t-tagħlim tiegħu dwar il-familja u ssuġġerew li għandu mnejn ikun hemm okkażjonijiet meta l-Papa għandu jkun sfidat u ma jkunx obdut.

    Iżda ddeċiżjoni tiegħu li ma jagħmel l-ebda kumment dwar id-dokument tal-Arċisqof Vigano hija konformi max-xewqa tiegħu li jevita battibekki ma kjeriċi anzjani fil-pubbliku. Iżda s-skiet tiegħu dwar l-akkuża ta’ Vigano fih x’tifhem.

    Waqt quddiesa quddiem eluf kbar ta’ fidili f’Phoenix Park f’Dublin il-Ħadd li għadda, fi tmiem taż-żjara ta’ jumejn, Papa Franġisku talab maħfra għall-“abbużi fl-Irlanda, abbużi tal-poter, tal-kuxjenza u abbużi sesswali” minn mexxejja fil-Knisja Kattolika.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0