“Il-politiċi m’għandhom qatt jattakkaw b’mod personali”

  • Aww 27, 2018 17:19
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Hekk kif ninsabu ftit ġimgħat bogħod minn meta jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf, tkellimna mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia dwar x’liġijiet hemm għad-diskussjoni fuq l-aġenda parlamentari kif ukoll dwar il-45 liġi ġdida li ġew mgħoddija mill-Parlament f’din il-leġiżlatura fost l-oħrajn.

    Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, inti kont ikkonfermat għat-tieni leġiżlatura konsekuttiva bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Xi tfisser għalik din il-kariga u x’tibdil tixtieq li jsir? 

    Qabel xejn nirringrazzja lill-membri kollha tal-Parlament, taż-żewġ naħat tal-Kamra, li fit-tieni konferma tiegħi bħala President tal-Kamra, ġejt ikkonfermat b’vot unanimu. Dan lili tani aktar kuraġġ li dak li kont qed nagħmel u nwettaq fl-ewwel leġislatura kien qed jagħti l-frott.

    Kemm ili President tal-Kamra saru ħafna riformi. Riforma importanti, li kulħadd kien ilu jitkellem fuqha għal dawn l-aħħar 20 sena, kienet dik dwar l-awtonomija amministrattiva parlamentari. Din daħlet fis-seħħ f’Jannar tal-2017. 

    Saru wkoll riformi fuq it-trasparenza tal-Parlament, li llum din it-trasparenza hi waħda mill-aqwa fl-Ewropa. Dan mhux qed ngħidu jien biss, imma anke studjużi u esponenti barranin li ġew fostna biex jaraw kif jaħdem il-Parlament Malti u fl-istess waqt setgħu jaraw ukoll it-trasparenza immedjata.

    F’dan id-dawl, minbarra l-viżjoni li għandna ta’ x’se jsir fil-Parlament kemm onlajn kif ukoll it-televiżjoni, hemm drawwa ġdida li daħħalt jiena stess - dik li meta dokument jiġi ppreżentat fuq il-mejda tal-Kamra, fi ftit minuti jkun onlajn. 

    Barra minn hekk, saru riformi dwar kemm membru parlamentari jista’ jdum jitkellem fil-Parlament. Ma jistax ikun ikollok Parlament jiffunzjona u persuna, hu min hu, ma jkollux perjodu kemm jista’ jkun qasir biex dak li għandu jgħid, jgħidu b’mod konċiż. Dan għedtu f’diversi diskorsi li għamilt waqt iċ-ċerimonji passati tas-Sette Giugno u sa fl-aħħar intlaħaq qbil li tal-inqas għandu jkun hemm limitu ta’ ħin ta’ mhux iktar minn 30 minuta.

    Ma nistgħux ma nitkellmux ukoll dwar il-privileġġ parlamentari - meta wieħed ikollu d-dritt li jitkellem fil-Parlament mingħajr biża’. Mill-banda l-oħra l-privileġġ parlamentari mhux qiegħed hemm biex tabbuża minnu imma biex jgħinek biex tagħmel xogħlok. 

    Ħassejt li kellna ngħollu l-livell ta’ responsabbilità politika… persuna jkollha responsabbilità politika li dak li tgħid, tgħidu għax għandha l-fatti f’idejha u għax trid tara li ssir ġustizzja u li trid tiġi indirizzata kwalunkwe tip ta’ problema fis-suġġett fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Imma mhux li tabbuża. 

    Fl-aħħar diskors tiegħi tas-Sette Giugno għedt li: “l-ebda membru m’għandu jabbuża minn dan id-dritt. Għalhekk ngħid li wasal iż-żmien li nirrevedu l-ordnijiet permanenti tal-Kamra biex jidħol fis-seħħ rimedju għal dak iċ-ċittadin li jħoss li hemm abbuż ta’ privileġġ parlamentari fil-konfront tiegħu.”

    Pero’ x’jista’ jsir?

    Fl-2014 għamilt rapport komprensiv fuq il-mudelli li hemm f’diversi pajjiżi oħra u dort l-istudji kollha tal-pajjiżi kollha tal-Commonwealth u dawk li huma Francophone (pajjiżi li kienu taħt il-kolonjaliżmu Franċiż).

    Hemm mudell interessanti, li jaħdem ħafna fl-Awstralja u f’pajjiżi oħra fejn persuna li tħoss li sar abbuż fil-konfront tad-drittijiet tagħha, tagħmel rapport lill-Ispeaker u dan min-naħa tiegħu jinvestigah u jevalwa l-provi. 

    Imbagħad jekk l-Ispeaker jara li l-persuna għandha raġun (u mhux il-Membru Parlamentari), jibgħat għal Membru Parlamentari, hu min hu, u jgħidlu biex jirranġa l-pożizzjoni tiegħu. Sussegwentement tagħtih iċ-ċans li jispjega ruħu u jekk ikun hemm bżonn ikollu jirtira d-diskors li jkun qal. 

    Jekk iħossu komdu li għandu jibqa’ fuq dak li qal, jiġi mbagħad “named and shamed” mill-Ispeaker u l-Ispeaker ipoġġi l-provi tal-individwu biex il-pubbliku jkun jaf jekk it-tali Membru Parlamentari jkunx qal il-verità jew le. Dan huwa d-dritt ta’ risposta għaċ-ċittadin.

    Fuq din il-kwistjoni rrid nara li ssir xi ħaġa għax ili ħafna nħambaq fuqha u nispera li ssir. Dan għaliex il-privileġġ parlamentari ġie abbużat anke fil-konfront ta’ membri familjari ta’ politiċi u kontra membri tal-ġudikatura fost l-oħrajn. 

    Kif inbidel l-irwol tal-Ispeaker fl-aħħar snin? 

    Jien iddeċidejt li nkun l-ewwel full-time Speaker. Qabel, Speaker kien jiġi elett u jkun jista’ jkompli bix-xogħol legali tiegħu. Jien ix-xogħol legali tiegħi waqqaftu b’mod immedjat hekk kif ħadt il-ġurament bħala Speaker f’April tal-2013. 

    Ridt nara li nkun il-ħin kollu ffokat fuq ix-xogħol tal-Parlament, mhux biss mill-aspett ta’ proċedura parlamentari imma wkoll mill-aspett amministrattiv. Rajt li jkollna biżżejjed staff u riċerka biex inkunu dejjem preparati u nagħtu l-eżempju.

    Ħaġa oħra li għamilt kienet li s-seduti parlamentari jibdew jixxandru fuq it-televiżjoni free-to-air. Iddaħħlet ukoll sistema ta’ profiling tal-Membri Parlamentari. Bħala ċittadin, għandek kull dritt tara xi skrutinju u x’mistoqsijiet parlamentari għamel it-tali persuna fil-Parlament.

    Hemm ukoll ħafna xogħol li qed nagħmlu mis-Sedja dwar kif intejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni, li qed issir. Mill-banda l-oħra, l-burokrazija fil-Parlament hija prattikament żero u jiena nara li kull meta tidħol xi ħaġa tiġi immedjatament proċessata fl-inqas żmien possibbli.

    Ninsabu fil-perjodu fejn il-Parlament jinsab wieqaf għall-btajjel tas-sajf. Biss pero’ l-ħidma fil-Parlament xorta waħda baqgħet għaddejja. X’qed isir f’dawn ix-xhur qabel jerġgħu jibdew is-seduti parlamentari?

    L-ewwel nett, din il-leġiżlatura kienet waħda qawwija ħafna. F’sena saru 160 mozzjoni. Seduti Parlamentari kellna kważi 140. Il-Parlament approva rekord ta’ 45 liġi.

    Ftit jiem biss wara li l-Parlament waqaf għall-btajjel tas-sajf, twaqqaf il-Parlament Internazzjonali dwar il-Paċi u t-Tolleranza. Kien l-ewwel Parlament Internazzjonali bejn 57 pajjiż fejn nedejnieh f’pajjiżna. 

    Dan ix-xahar kellna wkoll seduta apposta internazzjonali fejn tlaqqgħu l-iscouts Ewropej u ddiskutew mal-Membri Parlamentari kif ukoll miegħi dwar l-importanza tal-iscouts fl-Ewropa.

    F’Settembru se jkollna Skolasajf fil-Parlament, il-Malta United Nations Society Annual Conference, il-Parlament taż-Żgħażagħ 2018 u Science in the House fost l-oħrajn. 

    Dan kollu għandu jwassal biex fl-1 ta’ Ottubru jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-Parlament fejn għandna aġenda ma tieqaf xejn. 

    Semmejt li fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura l-Parlament approva rekord ta’ 45 liġi. X’oqsma jkopru dawn il-liġijiet u x’inhuma l-benefiċċji tagħhom? 

    Waħda mil-liġijiet kienet il-Gay Marriage Act, li kienet fil-programm elettorali tal-Partit Laburista fil-Gvern.

    Liġijiet oħra kienu dwar id-dipendenza fuq id-droga (trattament mhux priġunerija), il-produzzjoni tal-kannabis għal skop mediku u riċerka u dwar il-midja u l-malafama (fejn tneħħa l-libell kriminali). Fost diversi liġijiet oħra interessanti hemm il-liġi tal-IVF u dik dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-isports.

    Ikolli nagħżel l-iktar liġi li laqtitni, u li fuqha kien hemm dibattitu wiesgħa, hi dik dwar l-IVF, fejn għall-ewwel darba din il-kwistjoni mhux biss ġiet diskussa fil-Parlament imma wkoll wara qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, kien hemm il-Kumitat Parlamentari dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet li ta dritt anke lill-pubbliku u NGO’s biex jippreżentaw l-argumenti tagħhom qabel ma kien hemm il-vot finali.

    Naħseb li din kienet liġi importanti għal pajjiżna - liġi li meta tħares lejha hija pożittiva għall-pubbliku Malti speċjalment għal dawk il-koppji li ma jistax ikollhom it-tfal. Allura x-xjenza trid tħalliha tagħmel ukoll il-parti tagħha bil-kunsens tal-partijiet.

    Fost l-20 ruling li ngħataw mis-Sedja minn Ottubru sa Lulju hemm ruling li jirrigwardja l-ilbies. X’jiġri jekk tibqa’ tara li l-Membri Parlamentari jibqgħu ma jiġux lebsin kif suppost?

    Ma tistax tiġi l-Parlament, fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u ma tiġix liebes b’mod xieraq. Imkien fid-dinja ma tista’ tippreżenta ruħek jekk ma tilbisx l-ilbies skont il-protokoll. 

    Kont dħalt f’din il-kwistjoni biex nassigura li ma jkunx hemm aktar abbużi. Wara li tajt ir-ruling, dan dejjem ġie osservat. Min ma josservahx, ma jkollux dritt li jkollu preżenza fil-Parlament.

    X’liġijiet se jkunu diskussi fil-Parlament wara l-btajjel tas-sajf? 

    Hemm diversi liġijiet. Abbozz ta’ liġi interessanti, li qiegħed fl-istadju tal-Ewwel Qari, hu dwar in-negozju tal-familja. Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ressqet abbozz biex ikunu protetti n-negozji tal-familja. 

    Hemm abbozzi ta’ liġi oħra li sar l-ewwel qari tagħhom u għadhom mhux pubblikati - l-Abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, Abbozz ta’ liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Abbozz ta’ Liġi biex jirriforma l-liġi dwar l-edukzzjoni f’Malta fost l-oħrajn.

    Interessanti li hemm ukoll numru ta’ Private Members’ Bills, fosthom dik imressqa mill-Onor. Clyde Puli biex jinħatar Kumitat tad-Dritt tal-Ħajja u Dinjità tal-Bniedem. 

    Jinqalgħu ħafna battibekki fil-Parlament fejn saħansitra ġieli jintuża kliem mhux xieraq. X’tikkummenta f’dan ir-rigward?

    Meta kliem mhux xieraq jiġi a konjizzjoni tiegħi nieħu passi mill-ewwel. Kif ġara f’diversi okkażjonijiet. Imbagħad jew il-kelma tiġi rtirata jew inkella f’każ li ma tiġix irtirata, l-persuna li tkun qalitha tista’ tiġi mkeċċija mill-Parlament għal perjodu ta’ żmien.

    Issemma li f’Ottubru li ġej il-Parlament se jibda jiltaqa’ fl-4.00 p.m. darbtejn fil-ġimgħa. Għalxiex inħass il-bżonn li dan isir? 

    Ħassejt li dan għandu jsir għaliex ma jagħmilx sens, li Prim Ministru,  Ministru jew Membru Parlamentari li jkollu professjoni tiegħu, hu min hu, jkollu jattendi seduta li tibda fis-6.00 p.m. meta tkun qed tintemm il-ġurnata. 

    Dan għaliex wara li tkun għamilt il-ġurnata tax-xogħol tiegħek, inti se tiġi hawn biex tiddiskuti l-iktar ħaġa importanti li huma l-liġijiet tal-pajjiż u biex tieħu d-deċiżjonijiet. Dan għandu jsir meta suppost tkun fl-aqwa tiegħek biex tieħu l-aħjar deċiżjonijiet. 

    Allura jiena rajt li bħalma jsir f’pajjiżi oħra trid tagħżel fil-ħajja. Jekk tħoss li għandek tibqa’ bl-uffiċċju tiegħek u tibqa’ tara n-nies u tiġi fil-Parlament biex tagħmel “present” biss, dik imbagħad affari tan-nies itellgħukx jew le. Imma l-fatt li inti qiegħed fil-Parlament għandek obbligu li trid timxi miegħu. 

    Fl-aħħar xhur, is-seduta ta’ nhar ta’ Erbgħa bdiet issir fl-4.00 p.m. Issa se nmorru għat-tieni ġurnata, li se tkun it-Tlieta. Għalhekk meta jibda l-Parlament fl-1 ta’ Ottubru li ġej, se jkollna jumejn minn tlieta fejn se nibdew fl-4.00 p.m..

    Fl-aħħar nett, inti kuntent bir-relazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni? 

    Jien ma nidħolx fiha. Pero’ inħoss li r-relazzjonijiet għandhom jitjiebu. Fl-aħħar jiem attendejt waħda mill-Pontifikali u meta l-qassis kien qed jagħmel il-messaġġ tiegħu qal li ma tistax taqbel bilfors ma’ xi ħadd il-ħin kollu imma ma tistax għax ma taqbilx ma xxerridx il-kelma t-tajba u l-imħabba.

    Naħseb li l-poplu Malti jkun dejjem jixtieq li l-politiċi li jirrappreżentawhom fil-Parlament għandhom jagħmlu argument imma m’għandhom qatt jattakkaw lill-persuna b’mod personali. Meta tattakka persuna jew membri tal-familja tal-persuna li tkun qegħda fil-Parlament u anke jekk ma tkunx, hemmhekk tkun qiegħed tagħmel disrispett mhux biss lejk  innifsek imma anke lejn l-istituzzjoni li tkun qed tirrapreżenta. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook