'Pontijiet'... mil-lenti ta' avukat u osservatur ta’ ġrajjiet kurrenti

  • Aww 26, 2018 20:05
  • Miktub minn Oliver Nichola
"

    Pont fil-plural isir pontijiet. Il-kelma ‘pont’ għandha aktar minn sinifikat wieħed għalkemm f’kull kuntest it-tifsira aħħarija hija li tgħaqqad. Kont il-bibljoteka u ġiet f’idejja pubblikazzjoni li kienet tinħareġ hawn Malta bit-Taljan miċ-‘Circolo Dante Alighieri’ fis-sittinijiet. Din kienet iġġib l-isem ‘Il Ponte’ u kienet intiża biex il-Maltin u t-Taljani jersqu aktar qrib xulxin fi żmien meta l-istudju tal-ilsien Taljan f’pajjiżna kien ħafna aktar mifrux. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena l-Maltin bdew iħarsu b’interess lejn firxa aktar wiesgħa ta’ lingwi u għaldaqstant, wara l-Malti u l-Ingliż, it-Taljan kellu jaqsam l-ispazju mal-Franċiż, mal-Ġermaniż u anke mal-Ispanjol. Iżda minbarra l-pontijiet kulturali hemm dawk li tabilħaqq jgħaqqdu meded ta’ art ma’ xulxin. Inbnew pontijiet madwar id-dinja li jibqgħu sejrin għal ħafna kilometri. L-itwal wieħed imsemmi fil-‘Guiness Book of Records’ huwa d-Danyang-Kushan Grand Bridge li jinsab bejn Beijing u Shanghai b’tul ta’ 164.8 kilometri. Dan infetaħ għat-traffiku fl-2011. Hemm pontijiet oħra li jservu ta’ toroq fuq diversi levelli...dawn ħafna drabi nsibuhom bl-isem ta’ flyovers. Hawn Malta diġà għandna l-flyover tal-Kappara u dalwaqt ikollna sebgħa oħra f’salib it-toroq tal-Marsa. 

    Il-pont t’Għawdex

    Matul dawn l-aħħar ħamsin sena tqajmet id-diskussjoni għal aktar minn darba dwar il-possibbiltà li ssir xi għamla ta’ konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni kien it-twaqqif ta’ kumpanija fl-1971 bl-isem ta’ ‘Gozo Causeway Corporation Limited’. Din l-inizjattiva, imbuttata mill-entużjażmu tal-promoturi, kienet waħda prematura peress li tnediet mingħajr studju ta’ fattibbiltà. Billi r-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett kienet teħtieġ ukoll l-intervent tal-gvern, minbarra kapital privat, wara li rebaħ l-elezzjoni tal-1971 il-gvern tal-Perit Mintoff ikkummissjona  studju komprensiv minn ditta Ġappuniża. Sussegwentement irriżulta li dan l-investiment enormi li kien se jiswa €70 miljun (bi flus tal-lum), bit-traffiku li kien mistenni jgħaddi dak iż-żmien ir-rendiment ma kienx se jkun biżżejjed biex isostni l-operat u l-manutenzjoni. Għaldaqstant din l-inizjattiva waqfet hemm. Għaddew 43 sena u fl-2014, kumpanija Ċiniża kienet avviċinat lill-gvern Malti u offriet li tagħmel studju dwar pont bejn iż-żewġ gżejjer. Id-ditta Ċiniża ħallset hi l-€4 miljun biex sar l-istudju. Mill-kalkoli taċ-Ċiniżi l-proġett kellu jiswa €750 miljun. Fil-każ ta’ pont espost għall-elementi, minbarra l-ispiża tal-kostruzzjoni wieħed ried iqis il-manutenzjoni kontinwa minħabba s-salinità għolja tal-Mediterran. L-idea tal-pont qajmet kwistjonijiet ambjentali għaliex din l-istruttura enormi tkerraħ il-pajżaġġ idilliku bejn il-gżejjer. B’hekk id-diskussjoni xaqilbet fuvur mina taħt il-baħar. Bħalisssa għaddej xogħol biex tkun identifikata l-aħjar rotta għal din il-mina. Il-konsulenza qiegħda f’idejn id-ditta SINTEF min-Norveġja. Skont komunikat reċenti, mill-proġettazzjonijiet preliminari jirriżulta li l-mina se tkun twila 14-il kilometru, b’kapaċità ta’ 6,500 vettura kuljum. Il-proġett kollu jista’ jitlesta minn kollox f’erba’ snin u nofs.

    Pontijiet tal-ġebel u tal-konkrit

    Fil-kamp tal-inġinerija ċivili, il-pontijiet minn dejjem ingħataw ċerta importanza. L-aktar pont qadim fid-dinja li għadu jintuża jinsab fuq ix-xmara Meles f’Izmir, it-Turkija. Dan kien imbena fis-sena 850 QK. Madankollu, wieħed isib ukoll fdalijiet ta’ pontijiet fil-Ġreċja fuq ix-xmara Havos, li kienu mbnew madwar is-sena 1600 QK. Huwa interessanti ħafna li wieħed jinnota kif l-eqdem pontijiet li għadhom jeżistu kienu mibnijin bil-ġebel...ħafna qabel id-dinja skopriet l-użu tal-konkos. Il-konkos joffri flessibbiltà u livell ogħla ta’ estetika għall-istrutturi li jżommu l-pontijiet. Sfortunatament, wara li jgħaddi perijodu ta’ ħamsin sena, ħafna drabi dawn l-istess strutturi jitilfu mis-saħħa u jsiru suġġetti għall-periklu ta’ kollass. Il-‘Ponte Morandi’, li ċeda taħt il-piż tal-vetturi waqt maltempata ftit tal-ġranet ilu, iservi ta’ eżempju klassiku f’xenarju ta’ dan it-tip. Naturalment hemm ukoll korrelazzjoni bejn il-manutenzjoni u d-deterjorament ta’ kwalunkwe struttura. Hawnhekk tidħol taħt il-lenti l-manutenzjoni li suppost saret mis-soċjetà ‘Atlantia – Autostrade per l-Italia’. Din il-kumpanija għandha f’idejha aktar minn 3000 km ta’ autostradi, inkluż pontijiet, jiġifieri 50 % tat-toroq kollha fl-Italja. 

    Ferragosto tal-biki

    Għat-Taljani l-‘Ferragosto’ huwa sagru. Dan huwa ż-żmien li fih tista’ tgħid l-Italja kollha tieqaf mix-xogħol u familji sħaħ jitilqu għal btala fil-muntanji jew fejn il-baħar. L-Italja għandha territorju kbir ħafna u toffri varjetà ta’ possibbiltajiet għal btala, mingħajr ma wieħed ta’ bilfors ikollu jmur f’pajjiż ieħor. Huwa veru wkoll li jkun hemm min jaqsam għall-pajjiżi li jmissu mal-Italja, u dawn imorru bil-vettura tagħhom stess billi jsuqu tul l-autostradi u l-pontijiet li jiffurmaw l-infrastruttura stradali. L-aħbar tal-kollass ta’ medda ta’ 210 metri tal-‘Ponte Morandi’, li jgħaddi minn fuq kwartier ta’ Genova 45 metru ‘l fuq mill-art, ħasdet lil ħafna nies u ġabet dieqa għall-familjari ta’ dawk li spiċċaw vittmi ta’ din it-traġedja. Fil-mument li qed nikteb dan l-artiklu, minbarra l-41 persuna aċċertati mejta, għad hemm 2 persuni li ma nstabux. Is-Sibt it-18 ta’ Awwissu saru l-funerali statali f’Genova fejn attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u dan il-jum kien iddikjarat wieħed ta’ luttu nazzjonali. 

    Struttura difettuża f’Genova

    Fl-Italja l-kunċett tal-‘autostrada’ daħal fis-sena 1924 meta n-numru ta’ vetturi kien qed jikber u għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li titfassal grilja ta’ toroq biex in-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw minn post għall-ieħor. Fuq medda ta’ kważi mitt sena faqqsu ħafna toroq u pontijiet ġodda. Din l-infrastruttura, tkun fejn tkun, teħtieġ manutenzjoni serja biex ikunu evitati problemi strutturali. F’dan ir-rigward hemm min qed isostni li t-traġedja ta’ Genova setgħet ġiet evitata kieku ttieħdu l-passi meħtieġa kmieni biżżejjed. Il-‘Ponte Morandi’, imsemmi għall-arkitett li pproġettah, Riccardo Morandi, għandu aktar minn ħamsin sena. Fiż-żmien li ġie mibni ħafna periti kienu jaħsbu li l-konkos huwa etern. Wara li għadda ċertu żmien il-fatti bdew juru mod ieħor. Matul dawn l-aħħar snin f’dan il-pont kienu bdew jidhru sinjali ta’ deterjorament serju u anke saru xi tiswijiet fuqu. Dawn l-irqajja ma kinux biżżejjed biex ikun evitat il-kollass tal-14 ta’ Awwissu. Għalkemm ħafna kienu jaraw il-‘Ponte Morandi’ bħala meravilja tal-arkitettura, dan kien mifni b’difetti fil-proġettazzjoni li wasslu biex imbaram il-wiċċ tat-triq sostnuta mill-pont. Fl-2016 Antonio Brencich, speċjalista tal-konkrit u professur fl-Università ta’ Genova, afferma li “l-‘Ponte Morandi’ kien eżempju ċar ta’ falliment tal-inġinerija u għaldaqstant kellu jinbidel”.  

    Genova b’infrastruttura ġdida

    Fin-nuqqas tal-‘Ponte Morandi’, Genova trid twettaq il-proġett ‘La Gronda’ li kien tfassal sentejn ilu. B’investiment ta’ €4.7 biljun din l-infrastruttura ġdida għandha tinbeda fl-2019 u titlesta fl-2030. B’hekk se jkunu vvantaġġjati l-kompetittività u l-potenzjal loġistiku tal-port ta’ Genova u tar-reġjun tal-Liguria. Sadattant għaddej battibekk bejn il-gvern ta’ Giuseppe Conte u Atlantia. Din tal-aħħar qed tkun mixlija li żammet il-parti l-kbira tad-dħul mill-pedaġġ u ma nefqitx il-flejjes meħtieġa għall-manutenzjoni dovuta. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0